Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tonn: il-Kummissjoni tipproponi li jiġi applikat il-pjan irrevedut ta’ rkupru tal-ICCAT

European Commission - IP/09/329   26/02/2009

Other available languages: EN FR DE ES IT PT EL

IP/09/329

Brussell, l-26 ta' Frar 2009

It-tonn: il-Kummissjoni tipproponi li jiġi applikat il-pjan irrevedut ta’ rkupru tal-ICCAT

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta biex il-pjan multiannwali rrevedut għall-irkupru tat-tonn tal-Lvant adottat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT) waqt il-laqgħa annwali tagħha f’Marrakexx, il-Marokk f’Novembru 2008 jiġi traspost fil-liġi Komunitarja. Huwa importanti li dan il-pjan ikun implimentat mill-Partijiet Kontraenti kollha tal-ICCAT qabel ma jibda l-istaġun ewlieni tas-sajd. Iridu jittieħdu miżuri iebsa u immedjati sabiex ikun żgurat l-istokk tat-tonn fil-ġejjieni. Dan il-pjan irrevedut ta' rkupru jitlob għal aktar tnaqqis fil-livelli tal-qabda u fl-istaġuni tas-sajd, u għal tnaqqis kemm fil-kapaċità tas-sajd kif ukoll f’dik tat-trobbija tal-ħut. Huwa sinjal ta’ kemm hi serja l-qagħda tal-istokk. Il-pjan irrevedut jiddefinixxi wkoll mekkaniżmi għall-kontroll matul il-katina kollha tat-tqegħid fis-suq u jsolvi ħafna min-nuqqasijiet li kien għad hemm (ARA l-IP/08/1768).

Il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, Joe Borg, ikkummenta: “Huwa kruċjali li l-miżuri li ntlaħaq qbil dwarhom f’Novembru li għadda f’Marrakexx jibdew japplikaw għall-istaġun tas-sajd ta' din is-sena. Jekk dawn ikunu applikati tajjeb, huma l-aqwa garanzija għall-ħarsien tat-tonn li jagħtu ċans lill-istokk jirkupra mill-ammont enormi ta' sajd żejjed li kien qed iseħħ għal għadd ta’ snin. Inħeġġeġ lill-partijiet kontraenti l-oħra kollha tal-ICCAT jieħdu l-istess azzjoni sabiex ma jkun hemm ħadd li jxekkel l-isforzi li jkunu qed jagħmlu xi wħud. Jeħtieġ li lkoll naħdmu flimkien b’mod responsabbli jekk aħna verament impenjati favur il-ġejjieni tas-sajd tat-tonn.”

L-għan tal-pjan huwa li jiżgura li jittieħdu passi effettivi sabiex l-istokk tat-tonn ikun megħjun jinħoloq mill-ġdid fil-Baħar Mediterran u fl-Atlantiku tal-Lvant. Il-fatt li se jiqsaru l-istaġuni tas-sajd, li se jittieħdu miżuri effettivi ġodda ta’ kontroll u li se jiġu llimitati u/jew imnaqqsin il-kapaċità kemm tas-sajd kif ukoll tat-trobbija tal-ħut, flimkien mat-tnaqqis sostanzjali fl-opportunitajiet tas-sajd introdotti fl-2009, se jnaqqsu, b’mod sinifikanti, il-pressjoni tas-sajd fuq l-istokk fraġli tat-tonn.

Minbarra t-tnaqqis fil-livelli tat-TAC sal-2011, l-elementi ewlenin tal-pjan irrevedut ta’ rkupru huma dawn li ġejjin:

  • Għad-dgħajjes mgħammra bit-tartaruni jduru (“purse seiners”), li jirrappreżentaw madwar tliet kwarti tal-kwota tal-UE, l-istaġun tas-sajd se jitnaqqas b'erba’ xhur (mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju).
  • Il-kapaċità tas-sajd se titwaqqaf fil-livelli li ġew iffisati għall-2007 sal-2008 b’mod immedjat, u għall-ewwel darba se tkun segwita bi pjan sabiex titnaqqas u tiġi f’konformità mal-kwoti nazzjonali.
  • Fl-2009, il-kapaċità tat-trobbija tal-ħut m’għandhiex taqbeż il-kontribut annwali massimu awtorizzat matul il-perjodu mill-2007 sal-2008, u fis-snin ta’ wara l-kapaċità se tkompli titnaqqas.
  • Se jitwaqqaf proġett tal-ICCAT għall-osservazzjoni reġjonali sabiex tkun żgurata kopertura totali tal-osservazzjoni tad-dgħajjes kollha mgħammra bit-tartaruni jduru ta’ iktar minn 24 metru, tad-dgħajjes kollha mgħammra bit-tartaruni jduru li huma involuti f’operazzjonijiet konġunti tas-sajd, u matul it-trasferiment lejn u l-ħsad mill-gaġeġ.
  • Ir-reġistri tal-vidjows tal-operazzjonijiet tas-sajd u tat-trobbija tal-ħut magħmula mill-operaturi għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-osservaturi u tal-ispetturi.
  • Għandhom jissaħħu l-miżuri tas-suq, b’mod partikulari billi jkunu pprojbiti l-operazzjonijiet tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni tat-tonn kollu li għalih m’hemmx kwota, fil-livell nazzjonali jew f’dak tal-bastimenti individwali.
  • Il-pjanijiet nazzjonali tas-sajd se jiżguraw li l-isforz tas-sajd ikun limitat f’konformità mal-kwota u d-dgħajjes kollha ta’ iktar minn 24 metru se jingħataw kwoti individwali.
  • Se jkun hemm kwoti speċifiċi għas-sajd sportiv u għas-sajd bħala passatemp, imnaqqsin mill-kwota nazzjonali u suġġetti għar-rapporti dwar il-qabda.
  • Qafas rigoruż se jikkontrolla l-operazzjonijiet konġunti tas-sajd.
  • Se titneħħa d-deroga dwar id-daqs minimu għall-ħatt l-art tal-bastimenti pelaġiċi tat-tkarkir fl-Atlantiku.
  • Se jkun ipprojbit it-trażbord fuq il-baħar u dan se jitħalla jsir biss f’portijiet iddeżinjati apposta.
  • It-tonn ma għandux ikun ittrasferit fl-istabbilimenti tal-akkwakultura mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-istat tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid.

Il-qabda totali tat-tonn permessa għall-2009 għall-bastimenti tas-sajd tal-Komunità tnaqqset għal 12,406 tunnellati, meta mqabbla ma’ 16,210 tunnellati permessi fl-2008. Din se tkompli titnaqqas għal 11,237 tunnellata fl-2010, bi tnaqqis ta’ 30% fuq perjodu ta’ sentejn.

Il-Kumitat tal-konformità tal-ICCAT se jiltaqa' mill-24 sas-27 ta’ Marzu f’Barċellona sabiex jivvaluta l-konformità tal-Partijiet Kontraenti mal-miżuri implimentati fl-2007 u fl-2008, kif kien deċiż f’Marrakexx f’Novembru li għadda.

Aktar dettalji jinsabu fuq:

http://www.iccat.int/en/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website