IP/09131
Brussell, it-28 ta’ Jannar 2009
“It-tnaqqis tal-piż amministrattiv li pproponiet il-Kummissjoni huwa parti ewlieni tal-inizjattiva għall-irpiljar tal-Ewropa,” qal il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso. "Iż-żminijiet qegħdin jinbidlu. Jeħtieġ li r-regolamentazzjoni tkun dinamika u mhux statika. Trid taddatta ruħha għal ċirkostanzi u ħtiġijiet ġodda. Bit-titjib fil-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, bil-mezz ta’ stimi tal-impatt aħjar u bit-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi, nistgħu ntejbu l-effettività tar-regolamentazzjoni Ewropea u niffaċilitaw l-użu tagħha. Il-Kummissjoni qiegħda tirrendi. Nittama li fix-xhur li ġejjin l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew jibqgħu mixjin bl-istess impetu tal-isforzi tagħna, u jrendu huma wkoll."
Il-Viċi President Günter Verheugen żied jgħid: “L-istrateġija lejn Regolamentazzjoni Aħjar sfat ta’ suċċess erba’ snin wara li nbdiet. Akkwistajna diġà riżultati impressjonanti u ninsabu ħerqana li nimxu iżjed 'il quddiem sa l-aħħar ta’ din is-sena. Ir-Regolamentazzjoni Aħjar – fejn nirregolaw dak li hemm bżonn u fl-istess ħin innaqqsu kemm jista’ jkun il-piżijiet tal-intrapriżi u taċ-ċittadini – trid tibqa’ parti essenzjali tar-reazzjoni tagħna għad-diffikultajiet ekonomiċi ta' dawn iż-żminijiet."
Is-simplifikazzjoni radikali tal-liġi tal-UE tkompliet fl-2008
Billi ssimplifikat u kkodifikat il-leġiżlazzjoni, din il-Kummissjoni ħadet il-passi li jwasslu biex, malli jsir qbil dwarhom kollha mal-Kunsill u mal-Parlament, l-acquis tal-leġiżlazzjoni tal-UE se jkun imnaqqas bi kważi 10 % - dan ifisser madwar 1 300 att legali u 7 800 paġna ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali mnaqqsa. Minkejja dan, għad hemm lok għal simplifikazzjoni akbar, u l-Kummissjoni se tagħti r-riżultati ta’ 33 inizjattiva ġdida fl-2009. Wara eżaminar tal-leġiżlazzjoni tal-UE jistgħu fil-futur jiżdiedu 81 azzjoni fil-pjan ta’ simplifikazzjoni. Bħala riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni li tmiss għandha tkun tista’ tkompli b’din l-attività ta’ simplifikazzjoni.
Għal aktar informazzjoni ara l-MEMO/09/31
Jinqata’ l-piż amministrattiv kemm jista’ jkun malajr
Wara li l-Kummissjoni għamlet il-proposta tagħha li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi fi ħdan l-UE b’25 % fl-2012 u li tħajjar lill-Istati Membri jkomplu b’dan l-isforz, in-numru tal-Istati Membri li għamlu limiti nazzjonali simili fuq il-piż amministrattiv żdiedu minn sebgħa (fl-2006), għal 14 (2007) u għal 21 (fl-2008).
Fl-2007 u fl-2008 il-Kummissjoni ppreżentat 21 azzjoni ppjanati li jitwettqu malajr (Fast Track Actions, jew FTA) li huwa stmat li se jkunu mezz ta' ffrankar ta' aktar minn EUR 2.3 biljun għall-intrapriżi fi ħdan l-UE. U ma' dan intqiegħdu s-sisien għall-proposti tal-Kummissjoni li l-implimentazzjoni tagħhom tipprometti li ġġib tnaqqis kbir fl-ispejjeż. Illum il-Kummissjoni adottat proposta għar-reviżjoni ambizzjuża tad-Direttiva dwar il-VAT li twaqqa' l-ostakoli kollha kontra li l-fatturi jsiru elettronikament. Il-potenzjal għat-tnaqqis tal-ispejjeż jista’ jitla’ sa EUR 18-il biljun f'medda medja ta’ żmien. Fil-każ ta’ liġijiet dwar l-intrapriżi, il-Kummissjoni għandha pjan li tipproponi li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu l-intrapriżi żgħar ħafna, jew mikro, mill-ambitu tad-direttivi tal-UE dwar il-kontabilità, u dan jista’ jġib miegħu l-iffrankar ta’ €7 biljun iżjed. Il-"prinċipju aħseb fiż-żgħir l-ewwel" qiegħed jiġi applikat għal dawn id-direttivi fl-oqsma kollha biex is-sistema tkun addattata għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi ż-żgħar.
Għal aktar informazzjoni ara l-MEMO/09/30
Aktar informazzjoni (Segretarjat Generali)
Aktar informazzjoni (DG Enterprise)
Għal aktar informazzjoni dwar il-fattura elettronika, ara IP/09/132