Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/317

Brussell, it-25 ta' Frar 2009

Il-Kummissjoni tiltaqa’ mat-trejdjunjins u ma’ min iħaddem biex tittratta l-kriżi ekonomika u tieħu azzjoni fir-rigward tal-impjiegi

Illum il-Kummissjoni Ewropea ssoktat bil-ħidma tagħha biex timplimenta l-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku permezz ta’ laqgħa speċjali mar-rappreżentanti tat-trejdjunjins u ta’ min iħaddem fil-livell tal-UE. Hi wriet kunsens wiesa’ li s-suq intern u l-Pjan ta’ Rkupru jipprovdu spinta adegwata biex tingħeleb il-kriżi u tittieħed azzjoni dwar l-impjiegi fl-Ewropa, u li jeħtieġ li jiddaħħlu aktar miżuri fil-livell tal-UE.

“Il-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u t-teħid ta’ azzjoni fir-rigward tal-impjiegi jfissru li rridu naħdmu flimkien," qal il-President Barroso. "L-għan tal-politika tal-Kummissjoni huwa li tillimita l-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija reali u l-impjiegi, tħejji lin-negozji u lill-ħaddiema għall-irkupru u tgħin lill-Ewropej biex isibu impjiegi li huma sostenibbli għall-ġejjieni. L-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi jinħass sewwa. Biex inwaqqfu t-tnaqqis ekonomiku, biex nillimitaw it-telf tal-impjiegi u l-għeluq tan-negozji, u biex l-Ewropa terġa’ taqbad it-triq lejn it-tkabbir u l-impjiegi, jeħtieġ li nikkooperaw. Ninsab kuntent li għandi din l-opportunità li niddiskuti mal-imsieħba soċjali dwar kif għandna niffokaw il-ħidma tagħhna bl-aktar mod effettiv, u kif nistgħu ningħaqdu biex niksbu r-riżultati mixtieqa.”

Matul il-laqgħa tal-lum, il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali Ewropej (ETUC, Business Europe, CEEP u UEAPME) qablu dwar il-ħtieġa li jaħdmu flimkien biex iħarsu u jiżviluppaw aktar il-kisbiet soċjali u ekonomiċi tal-UE u tas-suq intern tagħha bħala għajn ta’ prosperità, tkabbir u impjiegi fl-Ewropa.

L-imsieħba soċjali Ewropej laqgħu wkoll il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku bħala punt tajjeb tat-tluq u wrew biċ-ċar li huma lesti li jaħdmu biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tiegħu u li jwettqu inizjattivi ulterjuri bl-ambizzjoni meħtieġa.

Il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku propost mill-Kummissjoni u adottat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru jistabbilixxi firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jinżammu u jinħolqu l-impjiegi kif ukoll biex tissaħħaħ l-abbiltà tal-ekonomija Ewropea li toħroġ mir-reċessjoni.

Ħafna mill-elementi ewlenin fil-Pjan ta’ Rkupru se jkollhom impatt dirett fuq il-ħaddiema. Dawn jinkludu t-taħriġ biex in-nies jibqgħu jaħdmu u biex ikunu jistgħu jsibu impjiegi ġodda. Il-fondi tal-UE huma disponibbli permezz tal-Fond Soċjali Ewropej u tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, filwaqt li għejun ġodda ta’ finanzi huma disponibbli għall-SMEs.

Id-diskussjoni mar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali ffokat fuq il-proposti tagħhom għal miżuri biex isaħħu t-tkabbir u l-impjiegi, jimplimentaw miżuri ta’ flessigurtà u jsostnu lill-kumpaniji u l-ħaddiema tul ir-reċessjoni, iħeġġu l-investiment u jżommu l-kapaċità tax-xiri u d-domanda, jirrispettaw il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-ftehimiet kollettivi, u jiggarantixxu l-issuktar tas-suq waħdieni. Il-fehmiet tagħhom se jiddaħħlu fil-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għal-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern fl-1 ta’ Marzu, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa u s-Summit dwar l-Impjiegi li se jsir f’Mejju. Il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali ftehmu li jaħdmu mill-qrib flimkien u li jsibu modi biex jiżguraw li t-trejdjunjins u min iħaddem fi ħdan l-Unjoni Ewropea jistgħu jikkontribwixxu għall-irkupru b’suċċess tal-ekonomija Ewropea.

Ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali li attendew għal din il-laqgħa kienu: il-President tal-Business Europe: Ernest-Antoine Seillière; il-President tas-CEEP: Carl Cederschiöld; is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC: John Monks; il-President tal-UEAPME: Georg Toifl.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website