Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/303

Brussell, it-23 ta' Frar 2009

Il-Kummissjoni tiffoka fuq il-prevenzjoni tad-diżastri u t-tnaqqis tar-riskji fl-Ewropa u lil hinn minnha

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ Komunikazzjonijiet marbutin mal-prevenzjoni tad-diżastri: strateġija Komunitarja għat-tnaqqis tal-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fl-UE, u strateġija ta’ appoġġ għat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastri fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Dawn il-Komunikazzjonijiet, adottati bħala pakkett wieħed, jirrappreżentaw l-ewwel tentattiv biex jiġi stabbilit approċċ aktar strateġiku, speċjalment fid-dawl tar-riskji miżjuda minħabba t-tibdil fil-klima. L-azzjoni proposta fuq il-livell Komunitarju tiffoka fuq oqsma fejn approċċ komuni jkun aktar effettiv minn approċċi nazzjonali separati, bħalma huma l-iżvilupp tal-għarfien, il-ħolqien ta' netwerks ta' atturi u politiki, u t-titjib fil-prestazzjoni tal-istrumenti Komunitarji eżistenti għall-prevenzjoni tad-diżastri. F'dak li jirrigwarda l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, il-Kummissjoni qiegħda tfassal strateġija biex tgħin fit-tnaqqis tal-impatt tad-diżastri naturali fuq pajjiżi meqjusa ta' riskju għoli. Iż-żewġ Komunikazzjonijiet jikkontribwixxu lejn l-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Hyogo għall-azzjoni fil-perjodu 2005-2015, adottat fil-konferenza dinjija dwar it-tnaqqis tad-diżastri.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: "Id-diżastri naturali huma theddida dejjem akbar li fl-Istati Membri tal-UE, u huwa mistenni li jkomplu jiżdiedu u jsiru aktar gravi fis-snin li ġejjin minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima. Għandna nagħmlu kulma nistgħu sabiex innaqqsu l-impatt tagħhom, billi nkunu ppreparati għalihom kemm jista' jkun. Din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel pass, u pass importanti, li tniedi proċess fit-tul għall-azzjoni Komunitarja f'dan il-qasam."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja, Louis Michel, qal: "Meta tsunami jew uragan jolqot il-poplu, iġib miegħu ħerba sħiħa u jgħakkes sew il-fqar mad-dinja kollha. Aħna nafu li l-prevenzjoni hi aqwa mill-kura. L-investiment fit-tnaqqis tar-riskji qabel ma jsir diżastru jagħmel ħafna aktar sens finanzjarju meta mqabbel mal-għoti ta’ għajnuna umanitarja wara. Nafu wkoll li bit-tibdil fil-klima, is-sitwazzjoni kulma tmur qed issir aktar serja, u għaldaqstant irridu naġixxu issa. Jiena nemmen li t-tnaqqis tar-riskji tad-diżastri għandu jgħin biex isalva l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies, u li jkun arma ewlenija fil-ġlieda kontra l-faqar madwar id-dinja."

Il-prevenzjoni: valur miżjud fuq il-livell tal-UE

Il-Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni tidentifika oqsma fejn l-azzjoni fuq il-livell Komunitarju tista' tipprovdi valur miżjud. Dawn jinkludu: l-istabbiliment ta’ inventarju Komunitarju tat-tagħrif eżistenti u tal-aqwa prattiċi; l-iżvilupp ta’ linjigwida dwar l-immappjar tar-riskji u l-perikli; il-ħolqien ta’ netwerks ta’ atturi u politiki matul iċ-ċiklu kollu tal-ġestjoni tad-diżastri, b'aktar taħriġ u tqajjim tal-kuxjenza; it-titjib tal-aċċess għal sistemi ta’ twissija bikrija; u l-immirar aktar effiċjenti tal-fondi Komunitarji.

It-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru: obbligatorju għat-tnaqqis sostenibbli tal-faqar

Il-Komunikazzjoni dwar it-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru tistipula l-azzjonijiet prijoritarji li ġejjin:

  • it-tisħiħ tad-djalogu politiku ma' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
  • l-integrazzjoni tat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru fil-politika u l-azzjoni kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inkluż l-appoġġ tal-UE għall-investimenti nazzjonali ta’ tnaqqis tar-riskji;
  • l-iżvilupp ta’ pjanijiet reġjonali, bl-ewwel wieħed fil-Karibew: dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom jinkludu, pereżempju, l-appoġġ għal kampanji ta’ tqajjim ta’ kuxjenza.

L-UE sejra tfassal l-azzjonijiet speċifiċi kollha mistennija fi pjan ta’ implimentazzjoni, li għandu jkun lest sa Ġunju 2009.

Sfond

F'Marzu 2008, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-Reazzjoni għad-Diżastri (COM(2008) 130). Din il-Komunikazzjoni ssegwi strateġija integrata li tkopri kull stadju tad-diżastri (il-prevenzjoni, it-tħejjija, ir-rispons immedjat, l-irkupru), li tindirizza kull tip ta’ diżastru (fl-UE u barra minnha, naturali jew ikkawżat mill-bniedem), u li tkopri l-istrumenti kollha tal-UE kif ukoll tal-koordinazzjoni interistituzzjonali. Dik il-Komunikazzjoni inkludiet ukoll anness speċifiku dwar in-nirien fil-foresti. Il-Komunikazzjoni ħabbret iż-żewġ proposti dwar il-prevenzjoni u dwar strateġija tal-UE għat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastri fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sejħu għal azzjoni urġenti fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri.

L-ispiża ekonomika tad-diżastri fl-Ewropa hija stmata għal EUR 15 biljun.

L-aktar pajjiżi li jintlaqtu ħażin huma dawk li qegħdin jiżviluppaw, billi dawn huma l-aktar pajjiżi vulnerabbli u għandhom l-anqas kapaċità li jindirizzawhom. Id-diżastri jdgħajfu wkoll l-iżvilupp u jfixklu sew l-ilħiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. It-tmien għanijiet jinkludu l-mira li jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tan-nies li jgħixu b'inqas minn USD 1 kuljum, u l-mira li sal-2015 kull tifel u tifla jkun qed jirċievi l-edukazzjoni primarja (http://www.un.org/millenniumgoals ).

Skont il-Qafas ta’ Azzjoni ta’ Hyogo tal-2005 – qafas internazzjonali dwar it-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru – l-istati għandhom jaħdmu fuq din il-kwistjoni b'mod konġunt.

http://www.unisdr.org/eng/hfa/hfa.htm

Aktar dettalji

Iż-żewġ Komunikazzjonijiet jinsabu onlajn, fl-indirizzi li ġejjin:

Il-Komunikazzjoni dwar il-Prevenzjoni:

http://ec.europa.eu/environment/civil/index.htm

Il-Komunikazzjoni dwar it-Tnaqqas tar-Riskji ta' Diżastru:

http://ec.europa.eu/development/policies/9interventionareas/environment_en.cfm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website