Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ħames snin wara t-tkabbir: benefiċċji dejjiema għall-UE u l-Ewropa f’qagħda aħjar biex tindirizza l-kriżi attwali

European Commission - IP/09/300   20/02/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/300

Brussell, l-20 ta’ Frar 2009

Ħames snin wara t-tkabbir: benefiċċji dejjiema għall-UE u l-Ewropa f’qagħda aħjar biex tindirizza l-kriżi attwali

It-tkabbiriet reċenti tal-Unjoni Ewropea kienu punti storiċi fil-proċess tal-unifikazzjoni tal-Ewropa u wasslu benefiċċji liċ-ċittadini madwar l-Unjoni. Ekonomikament, it-tkabbir wassal għal titjib fil-livelli tal-għajxien fl-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li ħoloq opportunitajiet għall-esportazzjoni u l-investiment għall-membri l-qodma. Għen biex jiġu kkonsolidati d-demokrazija, l-istabbiltà u s-sigurtà fuq il-kontinent tagħna. L-UE b’aktar membri għandha piż politiku akbar meta tindirizza kwistjonijiet ta’ importanza globali, bħat-tibdil fil-klima, l-ekonomija dinjija u l-governanza tagħha. Għaddew ħames snin u l-UE mhux biss hija akbar, iżda hija wkoll aktar b’saħħitha u dinamika u kulturalment stagħniet. Fil-kuntest globali attwali diffiċli, l-isfida l-kbira hija li nirreżistu t-tentazzjoni ta’ tendenzi protezzjonisti li kieku jxejnu l-benefiċċji enormi li ċ-ċittadini jgawdu mill-ħolqien ta' suq uniku mingħajr fruntieri għal 500 miljun ruħ.

“It-tkabbiriet tal-2004 u l-2007 kienu pass storiku kbir ħafna. Dawn wasslu għat-tmiem tal-firda tal-Ewropa, għenu l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u wasslu benefiċċji ekonomiċi għall-pajjiżi kollha tal-UE f’termini ta’ kompetittività ogħla, aktar tkabbir ekonomiku u tkattir tal-ħolqien tal-impjiegi. Ma għandniex inħallu l-kriżi titfa’ dell fuq dan is-suċċess inkonstestabbli. Flimkien, nistgħu niffurmaw is-soluzzjoni għal kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima jew governanza finanzjarja internazzjonali ġdida. Mifrudin, ma aħna se niksbu xejn,” qal il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Joaquín Almunia.

Olli Rehn, il-Kummissarju għat-Tkabbir, żied jgħid:" It-tkabbir serva ta’ ankra għall-istabbiltà u xprun tad-demokrazja u l-istat tad-dritt fl-Ewropa. Ekonomikament, kien ta’ benefiċċju kemm għall-istati membri l-ġodda kif ukoll għall-qodma, u anke għall-UE kollha kemm hi. Estenda ż-żona ta’ paċi u l-prosperità għal kważi 500 miljun ruħ u żied l-importanza tagħna fid-dinja."

Għaddew ħames snin minn meta l-UE laqgħet 10 Stati Membri ġodda [1[1]] mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, biex ġabet fi tmiemhom id-deċennji ta’ firda li ġew wara l-Gwerra l-Bierda. Tnejn oħra, il-Bulgarija u r-Rumanija, issieħbu fl-2007. Komunikazzjoni dwar “Ħames Snin tal-UE wara t-tkabbir” turi li t-tkabbir wassal għal benefiċċji ekonomiċi enormi għaż-żewġ naħat.

L-UE mkabbra issa hija l-akbar żona ekonomika integrata fid-dinja, u hija responsabbli għal aktar minn 30% tal-PGD tad-dinja u aktar minn 17% tal-kummerċ dinji. Dan jippermetti li l-UE jkollha rwol deċiżiv f'dinja globali. Tista’ ssemma’ leħinha biex tifforma l-globalizzazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha.

Id-dħul per capita fl-Istati Membri l-ġodda żdied minn 40% tal-medja fl-Istati Membri l-qodma fl-1999 għal 52% fl-2008 u t-tkabbir ekonomiku fil-medja laħħaq 5.5% mill-2004 sal-2008, meta mqabbel ma’ 3.5% bejn l-1999 u l-2003. Iżda dan ma affetwax ħażin lill-Istati Membri l-qodma, li raw tkabbir ekonomiku ta’ madwar 2.2% fis-sena mill-2004 sal-2008, b’ċifra simili għall-perjodu 1999-2003.

It-tkabbir żied ukoll l-opportunitajiet kummerċjali. Fl-2007, madwar 80% tal-esportazzjoni mill-Istati Membri l-ġodda marret lejn il-bqija tal-UE. L-Istati Membri l-qodma wkoll esperjenzaw żidiet fil-bejgħ tagħhom lill-membri l-ġodda, għal madwar 7.5% tal-esportazzjoni totali tagħhom fl-2007, minn 4.75% madwar għaxar snin ilu.

Il-qgħad fl-Istati Membri l-ġodda ta' spiss naqas minn livelli għolja ħafna għal livelli simili għal dawk fil-bqija tal-UE – madwar 7% fl-2007. It-tħassib li esprimew l-Istati Membri l-qodma dwar migrazzjoni enormi tal-ħaddiema ma seħħx. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri ospitanti, l-għadd ta’ ħaddiema migratorji ma qabiżx il-1% tal-popolazzjoni “lokali” f’età tax-xogħol u ppermettew li jimtela ċertu nuqqas ta' ħaddiema. Ħafna minn din il-migrazzjoni kienet ta’ natura temporanja – fir-Renju Unit 50% tal-immigranti reċenti marru lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Il-kriżi globali attwali qiegħda toħloq diffikultajiet għall-pajjiżi kollha, inkluża l-UE u l-qgħad qiegħed jiżdied kullimkien.

Iżda UE kbira u magħquda tkun f'qagħda aħjar biex tindirizza din l-isfida, flimkien ma’ oħrajn milli kieku l-Istati Membri tagħha jaġixxu waħedhom. L-UE ħadet azzjoni kkoordinata sabiex tistabbilixxa s-sistema bankarja u sabiex tgħin fl-irkupru ekonomiku. Dawn il-miżuri, xi wħud lesti, oħrajn għadhom qegħdin jitħejjew, biex jirrestawraw għall-ekonomija il-mekkaniżmu kruċjali li huwa l-kreditu, jippermettulna nipprevedu rkupru gradwali minn tmiem din is-sena.

Stati Membri ġodda li bħalissa qegħdin jesperjenzaw tnaqqis drastiku fir-rata tat-tkabbir ekonomiku qegħdin jiġu megħjuna minn fondi sinifikanti disponibbli mill-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE. Il-Faċilità tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet tippermetti li l-UE tintervjeni u tgħin lill-Istati Membri li jinsabu barra iż-żona tal-ewro u li jeħtieġu għajnuna temporanja.

Ir-regoli stabbiliti fil-qasam tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat għandhom jgħinu biex jinżammu kundizzjonijiet ġusti għall-impriżi kollha.

L-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi tgħin biex jiġu identifikati dawk ir-riformi li se jżidu l-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji tagħna u se tgħinhom ikunu aktar flessibbli meta nħabbtu wiċċna mat-taqlib globali.

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mal-Istati Membri biex tipprogramma mill-ġdid il-Fond Soċjali Ewropew sabiex tgħin lill-ħaddiema jżommu xogħlijiethom fl-Istati Membri, kemm il-qodma kif ukoll il-ġodda. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll biex tnaqqas l-impatt soċjali usa’ tal-kriżi, fost affarijiet oħra permezz tal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

Il-Patt riformat għall-Istabbiltà u t-Tkabbir jipprovdi qafas solidu li jippermettilna nistimulaw id-domanda u l-ħolqien tal-impjiegi fil-medda l-qasira, filwaqt li jżomm ir-rotta għal finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli fil-perjodu ta’ żmien medju għal dak twil.

Full Communication and analytical report available on:

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article13913_en.htm

http://ec.europa.eu/enlargement/5years


[1] Ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website