Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/220

Brussell, il-5 ta’ Frar 2009.

Is-Sajd: Il-Kummissjoni tieħu passi biex tipproteġi l-klieb il-baħar

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat għall-ewwel darba Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Klieb il-Baħar. L-għan ta' dan il-pjan huwa li jittieħdu passi effikaċi, fuq bażi preventiva fejn neċessarju, biex jergħu jikbru l-istokkijiet tal-klieb il-baħar fejn dawn jinsabu taħt theddida u biex jitniżżlu linji ta' gwida għall-ġestjoni sostenibbli tas-sajd konċernat, inkluż dak is-sajd li fih il-klieb il-baħar jinqabdu inċidentalment. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri biex jitjieb l-għarfien xjentifiku tal-istokkijiet tal-klieb il-baħar u tas-sajd għal dan it-tip ta’ ħut. Dawn il-miżuri se jittieħdu mhux biss għall-klieb il-baħar, iżda wkoll għall-ispeċijiet relatati, bħar-rebekkini u r-rajja, u se japplikaw għal kull fejn tistad il-flotta tal-UE, kemm fl-ilmijiet Ewropew kif ukoll fl-ilmijiet l-oħra. Il-Kummissjoni qed timpenja ruħha wkoll biex taħdem ħalli tiżgura li l-azzjoni tal-UE fil-kuntest tal-ftehimiet u tal-korpijiet internazzjonali tkun koerenti mal-politika tal-UE dwar il-klieb il-baħar.

Il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, Joe Borg, ikkummenta: "Il-klieb il-baħar huma vulnerabbli ħafna għall-isfruttament bla rażan bil-konsegwenza li n-numri tagħhom qegħdin dejjem jonqsu. Dan jista' jkollu konsegwenzi serji ħafna mhux biss għall-klieb il-baħar iżda anke għall-ekosistemi tal-baħar u għas-sajjieda stess. Għalhekk, illum ħriġna b'dan il-pjan ta' azzjoni li se joħloq approċċ ta' prevenzjoni fis-sajd għall-klieb il-baħar, kif ukoll se jagħti appoġġ biex issir riċerka sostanzjali li għad għandna bżonn biex nifhmu sew ir-rwol li l-klieb il-baħar għandhom fil-ħajja tal-oċeani tagħna u l-impatt li s-sajd jista' jħalli fuqhom."

Il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi miżuri maħsuba għat-titjib tal-ġbir tal-informazzjoni u l-pariri xjentifiċi, il-ġestjoni u l-miżuri tekniċi, flimkien ma’ tisħiħ ulterjuri tal-kontroll tal-projbizzjoni tat-teħid tal-pinen tal-klieb il-baħar, li daħal fis-seħħ fl-2003 fl-ilmijiet tal-UE, u għall-bastimenti kollha tal-UE kull fejn jistadu. Jinkludi wkoll miżuri li sejrin jiġu implimentati fil-livell tal-Komunità u tal-Istati Membri, u jipproponu li l-UE taħdem biex l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) rilevanti japprovawhom. Lista sħiħa tal-miżuri proposti tinsab fil-link t'hawn taħt.

Il-Pjan ikopri l-ħut kartilaġinuż kollu - mhux biss il-klieb il-baħar, iżda wkoll ir-rebekkini, ir-rajja u il-kimeri, li flimkien jgħoddu total ta' iktar minn 1,000 speċi. Dawn jinstabu madwar id-dinja kollha, b'mod speċjali fit-Tramuntana tal-Oċean Atlantiku, fejn aktar minn 50% tal-qabda tal-kelb il-baħar issir minn bastimenti tal-UE. Is-sajd għall-klieb il-baħar żdied b'mod mgħaġġel ħafna min-nofs is-snin tmenin, b’riżultat ta' domanda ikbar għall-prodotti tal-kelb il-baħar (partikolarment għall-pinen). Imma dawn l-ispeċijiet huma partikolarment vulnerabbli għas-sajd żejjed, peress li jgħixu ħajja twila, idumu biex jimmaturaw sesswalment, għandhom perjodi ta' ġestazzjoni twal u rata tal-fertilità baxxa. Studju riċenti magħmul mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura juri li mat-terz tal-ispeċijiet tal-klieb il-baħar li jinqabdu fl-ilmijiet tal-UE attwalment huma mhedda minn pressjoni żejda ta' sajd. Minkejja l-fraġilità ta' dawn l-istokkijiet u l-importanza tagħhom għall-flotta dejjem akbar tal-UE, is-sajd għall-kelb il-baħar qatt ma kien amministrat b'mod sistematiku. Fis-snin riċenti, il-Kummissjoni irrikonoxxiet il-kundizzjoni inkwetanti ta' għadd ta' stokkijiet tal-klieb il-baħar u pproponiet jew li ma jsir ebda qbid, inkella li jkun hemm tnaqqis sostanzjali fil-mortalità tal-ħut minħabba s-sajd, kemm fl-UE kif ukoll f'diversi RFMOs.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-klieb il-baħar huwa bbażat fuq konsultazzjonijiet estensivi li saru matul l-2007 u l-2008 mal-Istati Membri, ma' partijiet oħra interessati u mal-pubbliku. Il-Pjan huwa stutturat skont il-linji proposti mill-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali tal-FAO, li ġie adottat fl-1999. Mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE hemm ukoll Rapport ta’ Valutazzjoni dwar il-Klieb il-Baħar, preżentat bħala anness tal-Komunikazzjoni, kif rikjest mill-Pjan tal-FAO.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/09/52

Link għall-Pjan ta' Azzjoni u r-Rapport ta' Valutazzjoni dwar il-Klieb il-Baħar:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/management_resources/conservation_measures/sharks/introduction_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website