Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-Sajd: Tidħol fis-seħħ sistema ġdida biex is-sajd jiġi kkontrollat b'mod aħjar u jiġi miġġieled is-sajd illegali

Commission Européenne - IP/09/2002   31/12/2009

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/ 2002

Brussell, il-31 Diċembru 2009

Is-Sajd: Tidħol fis-seħħ sistema ġdida biex is-sajd jiġi kkontrollat b'mod aħjar u jiġi miġġieled is-sajd illegali

Fl-1 ta' Jannar 2010, se jidħlu fis-seħħ regoli ġodda u riġidi biex tissaħħaħ is-sistema ta' kontroll tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-regoli se jagħtu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha għodod ġodda u b'saħħithom mhux biss biex iħarsu r-riżorsi tal-ibħra u l-oċeani tagħna minn operaturi bla skrupli, imma wkoll biex jiġi mħares l-għajxien tas-sajjieda onesti li kieku jkunu esposti għall-kompetizzjoni inġusta. Mingħajr trattament preferenzjali minn pajjiż għall-ieħor u l-ebda tentazzjoni reali biex wieħed iqarraq, għaliex min jikser ir-regoli jinqabad u jeħilha, is-sistema l-ġdida se tippermetti lis-sajjieda jagħmlu xogħlhom taħt l-istess kundizzjonijiet biex b'hekk titrawwem kultura ta' konformità madwar is-settur tas-sajd.

Il-qafas il-ġdid jinkorpora tliet Regolamenti separati, iżda marbuta flimkien: Regolament biex jiġi miġġieled is-sajd illegali mhux rappurtat u mhux regolat (ir-Regolament IUU) 1 , Regolament dwar awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-flotta tal-UE li topera barra l-ilmijiet tal-UE 2 , u Regolament li jistabbilixxi sistema ta' kontroll biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (Regolament ta' Kontroll) 3 .

Hu u jilqa' d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd, Joe Borg, qal: "Kien hem żmien meta minoranza ta' sajjieda bla prinċipji setgħu jgħawġu r-regoli darba wara l-oħra, jew saħansitra jiksruhom, u jitħallew jagħmlu li jridu. Il-qafas il-ġdid ta' kontroll tas-sajd, għandu jġib dan fit-tmiem".

L-effikaċja ta' kwalunkwe politika tiddependi ferm fuq il-mod li bih tiġi infurzata. Fil-każ tal-Politika Komuni tas-Sajd. Is-sistema ta' infurzar sa issa kienet ineffiċjenti, għalja, kumplessa u mhux effettiva.

Fl-istess ħin, il-prattiki tas-sajd illegali għandhom valur ta' madwar 10 biljun ewro fis-sena globalment, biex is-sajd IUU jieħu l-post bħala t-tieni l-ikbar sors ta' prodotti tas-sajd fid-dinja. L-UE hija suq attraenti għall-operaturi IUU, fejn id-domanda għall-prodotti ta' valur għoli hija kbira u l-qabdiet IUU faċilment jistgħu jiddaħħlu fis-suq, pereżempju permezz tal-ipproċessar, minħabba n-nuqqas ċar ta' mekkaniżmi biex jiġu ntraċċati l-prodotti u jiġu identifikati l-bastimenti tas-sajd.

Biex twieġeb għal dawn l-isfidi, fl-2007/2008, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi kompletament is-sistema ta' kontroll għas-sajd fl-UE u ddaħħal regoli biex tillimita s- sajd IUU madwar id-dinja.

Il-ġlieda kontra s-sajd illegali

Ir-Regolament IUU il-ġdid għandu jġib fit-tmiem il-prattika li jiddaħħlu fis-suq tal-UE prodotti minn attivitajiet illegali, għaliex il-prodotti kollha li joriġinaw mis-sajd tal-baħar, u li jiġu kkumerċati fis-suq tal-UE se jkunu ċertifikati u l-oriġini tagħhom se tkun traċċabbli. Skema komprensiva taċ-ċertifikazzjoni tal-qabdiet għandha tiżgura li l-ħut li jinqabad, jinħatt l-art, jitqiegħed fis-suq u jinbiegħ, ikun jista' jiġi ntraċċat fi kwalunkwe stadju tal-proċess, mix-xibka sal-platt.

Sabiex il-ksur jiġi miġġieled b'mod effettiv, ir-Regolament jintroduċi wkoll sistema armonizzata ta' sanzjonijiet proporzjonati u deterrenti. Barra minn hekk, ir-responsabbiltà taċ-ċittadini tal-UE ġiet estiża u issa jistgħu jiġu mħarrka f'darhom, irrispettivament minn fejn ikunu fid-dinja li operaw b'mod illegali.

F'Ottubru, il-Kummissjoni stabilixxiet regoli dettaljati ta' implimentazzjoni 4 li għandhom jiffaċilitaw iċ-ċaqliqa mill-partijiet lejn is-sistema l-ġdida. Mill-2008 'l hawn, il-Kummissjoni kellha seminars u sessjonijiet ta' informazzjoni biex tgħin lill-pajjiżi mhux tal-UE jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.

Sajd responsabbli barra l-UE

Ir-Regolament dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, fis-seħħ minn Ottubru 2008, jistabbilixxi qafas uniku u koerenti għall-bastimenti tal-UE li jistadu barra l-ilmijiet tal-UE taħt ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd, konvenzjonijiet iffirmati fi ħdan Organizzazzjonijiet Reġjonali tas-Sajd jew ftehimiet privati ma' pajjiżi terzi. B'hekk, l-UE qiegħda tistabbilixxi eżempju tajjeb ta' ġestjoni soda fuq il-livell internazzjonali u turi li hija serja dwar il-ħarsien tal-ibħra u tal-oċeani madwar id-dinja.

Kontrolli b'saħħithom u aktar effiċjenti

Ir-Regolament ta' Kontroll il-ġdid jappoġġa s-sistema ta' traċċabilità introdotta bir-regolament IUU u juża teknoloġiji moderni biex il-prodotti tas-sajd jiġu ttraċċati f'kull ħolqa tal-katina tas-suq. Din is-sistema ta' kontroll aktar sempliċi, aktar ġusta, aktar effikaċi u inqas għalja fl-aħħar mill-aħħar se tkun ta' benefiċċju għal kulħadd, mill-amministraturi fil-gvern sa operaturi u konsumaturi.

Sa issa, is-sanzjonijiet għall-ksur tar-regoli kienu differenti minn pajjiż għall-ieħor, u s-settur tas-sajd kien wieħed fejn l-operaturi setgħu jieħdu vantaġġ minn diżlivell fil-kontrolli li jsiru u minn sistemi ta' sanzjonijiet differenti.

Iżda minn issa 'l quddiem, l-istess offiża se tkun soġġetta għall-istess sanzjoni, isseħħ kulfejn isseħħ u tkun xi tkun in-nazzjonalità jew il-bandiera tas-sajjied. Barra minn hekk, ir-Regolament il-ġdid jintroduċi sistema ta' punti għal infrazzjonijiet serji li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jagħtu lok biex min ikun kiser il-liġi jitlef il-liċenzja tas-sajd.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/external_relations/illegal_fishing_en.htm

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/control_enforcement/reform_control_en.htm

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/external_relations_en.htm

MEMO/09/ 571

1 :

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

2 :

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94

3 :

Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jirrevoka (EEC) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 and (KE) Nru 1966/2006 (verżjoni mhux uffiċjali)

4 :

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009 tat-22 ta’ Ottubru 2009 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site