Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1966

Brussell, it-18 Diċembru 2009

Jidħlu fis-seħħ Regoli Ġodda dwar it-Telekomunikazzjonijiet

Regoli ġodda tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet se jsiru uffiċjalment liġi tal-UE għada wara li ġew ippubblikati llum fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ew ropea. Ir-regoli l-ġodda, magħmula mid-Direttiva dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar u d-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini, se jkollhom jiġu trasposti fil-liġijiet nazzjonali tas-27 Stat Membru sa sa Ġunju 2011). Ir-Regolament il-ġdid li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea ġdida tat-Telekomunikazzjonijiet imsejħa "Body of European Regulators for Electronic Communications (BEREC)" (Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) hija direttament applikabbli u se tidħol fis-seħħ fi żmien 20 jum. Il-BEREC se tipprovdi forza għar-regolamentazzjoni konsistenti madwar l-Ewropa u b'hekk issaħħaħ is-suq uniku tat-telekomunikazzjonijiet. Dan il-pass finali fil-proċess leġiżlattiv isegwi l-ftehim finali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill f'Novembru ( IP/09/1812 ) .

" It-twaqqif ta' Awtorità Ewropea ġdida tat-Telekomunikazzjonijiet BEREC hija sinjal viżibbli ħafna li aħna qed nitkellmu bis-serjetà meta ngħidu li l-operaturi u konsumaturi fil-qasam tat-telekomunikazzjoni tal-Ewropea m'għandhomx jibqgħu jħossu l-fruntieri nazzjonali fl-aċċess għan-netwerk u fit-twassil ta' servizzi ta' komunikazzjoni," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għat-Telekomunikazzjonijiet. "Mir-rebbiegħa tal-2010 'il quddiem, BEREC se jgħin lir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet u l-Kummissjoni Ewropea jiżguraw li s-servizzi tat-telekomunikazzjoni jistgħu jitwasslu taħt kundizzjonijiet konsistenti u kompetittivi madwar l-UE. Issa li d-Direttivi ta' riforma ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, nitlob lill-Istati Membri biex jibdew jaħdmu fuq it-traspożizzjoni rapida ta' dawn ir-regoli fil-liġijiet nazzjonali. Traspożizzjoni korretta u rapida se tkun kruċjali għall-ilħiq taċ-ċertezza legali, it-tisħiħ tal-kompetizzjoni u l-istimolu tal-investiment fis-suq uniku li qed jevolvi tat-telekomunikazzjonijiet fl-Ewropa."

L-Awtorità Ewropea ġdida tat-Telekomunikazzjonijiet BEREC hija magħmula mill-kapijiet ta' 27 regolatur nazzjonali tat-telekomunikazzjoni. Id-deċiżjonijiet se jittieħdu, bħala regola, b'maġġoranza ta' żewġ terzi u b'maġġoranza sempliċi meta l-BEREC jagħti opinjonijiet fil-kuntest tal-analiżi tal-Kummissjoni ta' miżuri notifikati lill-Kummissjoni Ewropea mir-regolaturi nazzjonali (ara MEMO/09/539 ). Id-deċiżjonijiet tal-BEREC se jitħejjew bl-appoġġ ta' esperti indipendenti. Il-BEREC sejjer wkoll jagħti pariri, jappoġġa u jikkumplimenta l-ħidma indipendenti tar-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet, speċjalment meta jkun hemm deċiżjonijiet regolatorji b'aspetti transkonfinali.

Bħala riżultat tar-riforma tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE, 500 miljun ċittadin tal-UE se jkunu jistgħu jgawdu minn aktar għażla bis-saħħa ta' kompetizzjoni msaħħa fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet tal-Ewropa, minn kopertura aħjar fuq konnessjonijiet veloċi tal-internet fuq il-broadband madwar l-Ewropa, u minn konsolidazzjoni aktar qawwija tad-dritt tagħhom għall-privatezza fit-telekomunikazzjonijiet tagħhom.

Fuq in-naħa tal-ispettru, issa huwa f'idejn l-Istati Membri biex jadattaw is-sistemi ta' allokazzjoni u liċenzjar tagħhom għar-regoli l-ġodda, sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà akbar għall-utenti tal-ispettru. Il-Kummissjoni se tħejji proposta għall-ewwel programm ta' politika dwar l-ispettru tar-radju, innovazzjoni tal-pakkett ta' riforma, u l-ħolqien ta' qafas strateġiku għall-iżvilupp ta' politika koerenti għall-ispettru tal-UE. Illum ġiet ippubblikata wkoll Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timmodifika l-Grupp ta' Politika dwar l-Ispettru tar-Radju sabiex tkun tista' tiffaċilita bis-sħiħ ir-rwol konsultattiv tiegħu dwar it-tħejjija ta' dawn l-abbozzi ta' programmi dwar l-ispettru għall-Kummissjoni.

Għat-12-il riforma l-aktar importanti tal-pakkett il-ġdid tat-telekomunikazzjonijiet fl-UE, ara MEMO/09/568.

Il-passi li jmiss:

  • L-istabbiliment tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej għat-Telekomunikazzjonijiet, BEREC (rebbiegħa 2010) - Innota li deċiżjoni dwar is-sede definita tal-BEREC se tkun teħtieġ qbil bejn il-gvernijiet tas-27 Stat Membru kollha;

  • It-traspożizzjoni tal-pakkett ta' riforma tat-telekomunikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-27 Stat Membru tal-UE (sa Ġunju 2011).

Għal aktar tagħrif:

It-test dwar il-pakkett tar-riforma maqbul:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/tomorrow/index_en.htm

MEMO/09/568

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Grupp ta' Politika dwar l-Ispettru tar-Radju :

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/radio_spectrum/documents/legislation/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website