Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1948

Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2009 .

Il-Kunsill tas-Sajd jagħti iktar inċentivi għas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika

Fl-aħħar laqgħa tagħhom tal-Kunsill fl-2009, il-ministri għas-Sajd tal-Ewropa laħqu ftehim politiku fuq proposta tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2010 . Issa li dan l-element fundamentali sab postu, l-Unjoni Ewropea tista' tkompli taħdem fuq l-aġenda tagħha għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali għall-benefiċċju tal-industriji tas-sajd u dawk marittimi, taċ-ċittadini u tal-ambjent tal-baħar tagħha.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarjiet Marittimi u s-Sajd, Joe Borg, wera s-sodisfazzjon tiegħu bir-riżultat tal-laqgħa. “Il-ftehim li wasalna għalih illum huwa indikattiv ta’ dak li tista’ tikseb l-Ewropa meta nikkooperaw flimkien fi spirtu tajjeb u naħdmu bħala tim - saħansitra fuq l-iktar kwistjonijiet kumplessi. Jiena nemmen li l-ispirtu qawwi ta’ kooperazzjoni li bnejna tul dawn l-aħħar snin se jibqa’ sħiħ meta s-suċċessur tiegħi tibda xogħolha s-sena d-dieħla. Nixtieq ir-riżq lil dawk kollha kkonċernati fl-isforzi tagħhom biex iżommu l-kwistjonijiet tas-sajd u dawk marittimi fit-triq it-tajba li twassal għal ġejjieni sostenibbli u ta’ profitt.

Għalkemm ħafna stokkijiet jibqgħu mistada żżejjed, il-Kummissarju Borg seta’ jgħaddi parir xjentifiku pożittiv lill-Kunsill – jiġifieri li għadd żgħir iżda li dejjem jiżdied ta’ stokkijiet bħalissa qed jiġu mistada fil-livelli tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY).

Bħalma ġara fl-imgħoddi, fil-proposta tagħha ta’ tibdiliet fil-qabdiet totali permissibbli (TACs) għall-istokkijiet varji kkonċernati l-Kummissjoni fasslet l-istess metodu ta’ ħidma oġġettiv, ibbażat fuq il-parir xjentifiku. Il-Kummissjoni kkonsultat fil-wisgħa wkoll ma’ Stati Membri u mal-industrija u għamlet li setgħet biex ittaffi l-piż li jistgħu iħabbtu wiċċhom miegħu fil-medda l-qasira s-setturi tal-qbid.

Kif ikun normalment il-każ b’negozjati wisgħin ta’ dan it-tip, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ġiet modifikata biex takkomoda xi tħassib li esprimew l-Istati Membri. Il-proposta ta’ din is-sena għadha ma tinkludix il-figuri finali għall-istokkijiet ġestiti b'mod konġunt man-Norveġja jew il-Gżejjer Faroe, minħabba li l-partijiet għadhom ma ftehmux fuq dan. Il-figuri proviżorji proposti mill-Kummissjoni għal dawn l-istokkijiet għandhom jagħtu l-possibiltà biex l-attivitajiet tas-sajd ikomplu f’Jannar u b’hekk il-Kummissjoni jkollha iktar ħin biex tikkonkludi n-negozjati man-Norveġja u biex ikollha l-figuri finali trasposti malajr wara dan. Il-Kummissjoni temmen li n-negozjati jistgħu jerġgħu jibdew fil-bidu tal-2010 u li għandu jintlaħaq ftehim aċċettabbli għall-UE u għan-Norveġja.

F’konformità mal-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-klieb il-baħar adottat riċentament, il-Kunsill żamm it-TAC żero għall-pixxiplamtu u awtorizza qbid inċidentali limitat ta’ TAC għall-mazzola griża ta’ 10 % biex jiġi evitat ir-rimi l-baħar, b’impenn li l-qbid jinżel għal żero fl-2011.

Is-sinjali promettenti minn stħarriġ riċenti fuq l-inċova ta l-possibiltà lill-Kunsill biex jagħti lok għal sajd ta’ 7 000 tunnellata, minn Jannar 2010, abbażi tal-premessa li din iċ-ċifra tinbidel biex tirrifletti r-riżultat tal-parir xjentifiku fir-Rebbiegħa. Dan it-tip ta' sajd se jiġi ssorveljat mill-qrib kif xieraq.

Ara wkoll it- tabella tat-TACs u l-KWOTI 2010 :

http://ec.europa.eu/fisheries/press_corner/press_releases/2009/com09_79_en.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website