Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1867

Brussell, it-2 ta' Diċembru 2009

Il-Konferenza ta' Kopenħagen: Meħtieġ ftehim globali, ambizzjuż u komprensiv sabiex jiġu evitati l-perikli tat-tibdil fil-klima

Illum, il-Kummissjoni Ewropea saħqet dwar l-importanza fundamentali li jintlaħaq ftehim globali, ambizzjuż u komprensiv rigward it-tibdil fil-klima fil-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti, li se ssir f'Kopenħagen bejn is-7 u t-18 ta' Diċembru. L-Unjoni Ewropea se tagħmel l-almu tagħha biex tikseb l-akbar avvanzi possibbli lejn l-iffirmar ta' trattat ambizzjuż, globali u legalment vinkolanti dwar il-klima, li għandu jieħu post il-Protokoll ta' Kjoto mill-2013. Il-konferenza għandha sseddaq l-elementi politiċi ewlenin tat-trattat, u tistabbilixxi proċess għat-tlestija tat-test aħħari sa nofs is-sena 2010. Il-ftehim ta' Kopenħagen għandu jinkludi wkoll qbil dwar bidu mingħajr dewmien ('fast start deal') li jippermetti l-implimentazzjoni jew il-preparazzjoni minnufih ta' ċerti azzjonijiet, inkluża l-għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi l-inqas żviluppati. Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, u l-Kummissarju għall-Ambjent, Stavros Dimas, it-tnejn li huma se jkunu qed jieħdu sehem fil-konferenza, flimkien ma' madwar 90 mexxej dinji ieħor.

Il-President Barroso qal: "F'Kopenħagen, il-mexxejja dinjin għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet awdaċi meħtieġa sabiex it-tibdil fil-klima ma jilħaqx il-livelli perikolużi, u potenzjalment katastrofiċi, imbassra mill-komunità xjentifika. Din l-opportunità biex inrażżnu t-tisħin globali taħt iż-2 °C għandna naħtfuha qabel ma jkun tard wisq. Fl-istess ħin, Kopenħagen hija wkoll opportunità storika biex inwittu t-triq lejn soċjetà globali ta' konsum baxx tal-karbonju, u b'hekk nixprunaw mewġa ta' innovazzjoni li taħji l-ekonomiji tagħna bil-ħolqien ta' setturi ġodda ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi 'ħodor'. L-Unjoni Ewropea stabbiliet ir-ritmu permezz ta' impenn unilaterali biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'20 % sal-2020, u permezz ta' proposti ta' finanzjament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Aħna se nkunu lesti li nżidu l-mira ta' tnaqqis tagħna sa 30 %, bil-kundizzjoni li sħabna fid-dinja żviluppata u fid-dinja li qed tiżviluppa jerfgħu s-sehem ġust tagħhom tal-isforz globali."

Il-Kummissarju Dimas żied jgħid: "Nilqa' bil-qalb il-fatt li bosta msieħba ewlenin, inklużi l-Istati Uniti u ċ-Ċina, dan l-aħħar ipproponew miri jew azzjonijiet konkreti biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. L-evidenza xjentifika turina li biex inżommu t-tisħin globali taħt iż-2 °C, il-pajjiżi industrijalizzati għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom sa 25-40 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2020, filwaqt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġ li jrażżnu ż-żieda fl-emissjonijiet tagħhom b'madwar 15-30 % taħt il-livelli mbassra għall-2020. Madankollu, l-offerti mill-pajjiżi żviluppati, meħudin flimkien, għadhom 'il bogħod ferm mil-livell ta' ambizzjoni meħtieġ. Għaldaqstant, inħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi b'miri dgħajfa biex itejbuhom. Barra minn hekk, għadd ta' dispożizzjonijiet fit-testi għan-negozjar kif inhuma bħalissa, fil-prattika, ikollhom l-effett li jbaxxu l-miri tal-pajjiżi żviluppati. F'Kopenħagen, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom isiru aktar stretti. Huwa tal-akbar importanza għall-UE li tiġi żgurata l-integrità ambjentali tat-trattat li ġej."

Negozjati internazzjonali

In-negozjati internazzjonali tvaraw fl-aħħar tal-2007 sabiex jitfassal ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar kif għandna nittrattaw it-tibdil fil-klima fil-perjodu li jibda mill-2012, meta jiskadi l-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto. Għall-Unjoni Ewropea, dawn in-negozjati għandhom iwasslu għal trattat globali li jkun komprensiv, ambizzjuż, ġust, ibbażat fuq ix-xjenza u legalment vinkolanti.

Meta nqisu l-progress batut li sar s'issa fin-negozjati, u n-nuqqas ta' kunsens dwar is-sura tal-ftehim eventwali, issa jidher li t-trattat x'aktarx mhux se jkun jista' jiġi ffinalizzat f'Kopenħagen kif kien ippjanat oriġinarjament.

Għalhekk, l-għan tal-UE fil-konferenza huwa li tagħmel l-akbar progress possibbli lejn it-trattat aħħari u tilħaq ftehim politiku ambizzjuż u komprensiv li jkopri l-elementi ewlenin kif ukoll qbil dwar bidu mingħajr dewmien (fast start deal) (ara MEMO/09/534 ).

Il-programm ta' Kopenħagen

Tul ftit aktar mill-ewwel ġimgħa tal-konferenza, sal-15 ta' Diċembru, in-negozjati se jsiru f'livell uffiċjali. Mis-16 ta' Diċembru sat-tmiem tal-konferenza fit-18 ta' Diċembru dawn se jiġu segwiti f'livell għoli. Fil-bidu dan se jinvolvi l-ministri u l-Kummissarju Dimas, iżda mis-17 ta' Diċembru l-mexxejja dinjin se jkunu mistiedna jingħaqdu magħhom. Aktar minn 90 diġà aċċettaw, inkluż il-President Barroso.

Il-Kummissarju Dimas se jasal f'Kopenħagen fit-12 ta' Diċembru sabiex l-għada jieħu sehem f'laqgħa ministerjali internazzjonali informali ospitata minn Connie Hedegaard, il-Ministru Daniż li se tkun ukoll qed tippresjedi l-konferenza tan-NU. Is-Sinjura Hedegaard inħatret bħala l-Kummissarju għall-azzjoni dwar il-klima fil-Kummissjoni Ewropea li jmiss.

Ir-rappreżentanza tal-UE

Il-Presidenza Żvediża tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea se jkunu responsabbli flimkien għan-negozjar f'isem l-UE f'Kopenħagen.

It-‘Trojka’ tal-UE, li tinkludi l-Iżvezja, il-Kummissjoni u Spanja (bħala l-Presidenza li jmiss tal-UE), se jorganizzaw aġġornamenti għall-istampa kuljum fis-14:00. Dawn se jixxandru live u meta jintalbu (on demand) fuq il-websajt tal-konvenzjoni tan-NU dwar it-tibdil fil-klima fuq www.unfccc.int

Aktar tagħrif:

Il-konferenza ta' Kopenħagen dwar il-klima: għanijiet ewlenin tal-UE: MEMO/09/534

Pakkett għall-istampa tal-UE għal Kopenħaġen:

http://ec.europa.eu/climateaction/news_media/index_mt.htm

Websajt dwar Azzjoni Klimatika: www.ec.europa.eu/climateaction

Paġna dwar Kopenħagen tad-DĠ tal-Ambjent:

http://ec.europa.eu/environment/climat/copenhagen_09.htm

Materjal għall-midja awdjoviżiva huwa disponibbli fuq

http://www.tvlink.org/copenhagen/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website