Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1863

Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2009

Is-sikurezza fit-toroq fl-Ewropa: prijorità għall-għaxar snin li ġejjin

Fl-2008, 39 000 ċittadin Ewropew mietu f’inċidenti fit-toroq. L-għan tal-UE li sal-2010 tnaqqas in-numru tal-imwiet f’inċidenti fit-toroq bin-nofs (jiġifieri għal 27 000 mewta) se jkun mira li diffiċli li tinkiseb. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tospita konferenza dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li saret qabel m’hu se jsir l-abbozzar tal-Programm Ewropew ta' Azzjoni għas-Sikurezza fit-Toroq mill-2011 sal-2020. Iktar minn 400 parti interessata minn oqsma differenti se jiddiskutu l-problemi u l-istat tas-sikurezza fit-toroq fl-Unjoni Ewropea.

“Il-konsultazzjoni pubblika u l-konferenza tal-lum se jikkontribwixxu biex jiġi definit programm Ewropew ta’ azzjoni ċar u li jista’ jitkejjel dwar is-sikurezza fit-toroq għall-perjodu bejn l-2011 u l-2020. L-Ewropa ma tistax tittraskura s-sikurezza fit-toroq – għexieren ta’ eluf ta’ persuni qed ikunu fil-periklu kull sena. Dan il-programm ta’ azzjoni se jgħinna nibqgħu stretti u determinati fil-ġlieda tagħna kontra l-inċidenti fit-toroq. Il-programm il-ġdid ta’ azzjoni se jiffoka wkoll fuq il-prijoritajiet ewlenin, bħall-inċidenti fit-toroq rurali (60 % tal-għadd totali tal-imwiet) u l-utenti vulnerabbli tat-triq, bħall-persuni li jimxu fit-triq, iċ-ċiklisti, il-motoċiklisti u l-persuni anzjani”, qal il-Kummissarju għat-Trasport, Antonio Tajani, waqt li kien qed jiftaħ il-konferenza.

Wara li għamlet valutazzjoni tar-riżultati tal-Programm Ewropew ta' Azzjoni għas-Sikurezza fit-Toroq attwali (mill-2001 sal-2010), il-Kummissjoni se toħroġ ir-riżultat tal-proċess ta’ konsultazzjoni li sar matul dawn l-aħħar xhur biex jikkontribwixxi għall-programm ta’ azzjoni li jmiss. Dan il-proċess involva l-esperti kif ukoll iċ-ċittadini inġenerali, bl-għan li jinġabru l-ideat dwar azzjonijiet għall-ġejjieni li jistgħu jgħinu biex tittejjeb iktar is-sikurezza fit-toroq fl-UE.

Id-dibattitu se jsir fl-għamla ta' diskussjonijiet tal-bord mal-esperti u ta’ sessjonijiet plenarji mal-parteċipanti kollha. Is-suġġetti għall-ewwel diskussjoni tal-bord huma s-sikurezza tal-vetturi u tal-infrasruttura, b’iffukar fuq is-sikurezza tal-muturi, il-vetturi tal-ġejjieni, bħall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku, is-sewqan ekoloġiku, u dwar kif għandha tiġi rranġata l-infrastruttura għall-kategoriji differenti tal-utenti tat-toroq. It-tieni diskussjoni tal-bord se tittratta r-rwol li jista’ jkollhom iċ-ċittadini fit-titjib tas-sikurezza fit-toroq. Il-membri tal-bord jirrappreżentaw il-vittmi tat-triq, is-sewwieqa professjonali, l-awtoritajiet pubbliċi, il-pulizija tat-traffiku u l-utenti vulnerabbli tat-triq bħall-persuni li jimxu fit-triq, iċ-ċiklisti u l-persuni anzjani, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-industrija.

Illum tnediet ukoll taqsima ġdida ddedikata lis-sikurezza fit-toroq fuq is-sit tal-internet tal-EUROPA. Dawn il-paġni tal-internet multilingwistiċi u li jistgħu jintużaw b’mod faċli se jipprovdu informazzjoni komprensiva dwar is-sikurezza fit-toroq għal kull kategorija ta’ utent tat-triq, bħas-sewwieqa tal-karozzi, il-motoċiklisti, il-persuni li jimxu fit-triq u ċ-ċiklisti, bl-użu tal-istampi u ta' informazzjoni oħra li tinftiehem malajr.

Il-Viċi President Tajani ppreżenta wkoll il-Premjijiet għall-Eċċellenza fis-Sikurezza fit-Toroq tal-2009. Il-premjijiet huma parti mill-Karta Ewropea dwar is-Sikurezza fit-Toroq, li hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi pjattaforma dwar is-sikurezza fit-toroq lill-intrapriżi, l-assoċjazzjonijiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-awtoritajiet pubbliċi. L-għan konġunt tagħhom huwa li jieħdu azzjonijiet konkreti u jaqsmu l-aqwa prattiki sabiex itejbu l-problemi tas-sikurezza fit-toroq li jiltaqgħu magħhom. Il-Karta Ewropea dwar is-Sikurezza fit-Toroq hija waħda mill-azzjonijiet tal-Programm Ewropew ta' Azzjoni għas-Sikurezza fit-Toroq mill-2001 sal-2010. Din is-sena, ir-rebbieħa tal-premjijiet għall-kategoriji li ġejjin huma kif ġej:

  • Kumpaniji kbar u multinazzjonali: EKO Fuel Stations Bulgaria (il-Bulgarija)

  • Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju: Transportes Bizarro Duarte, Lda. (il-Portugall)

  • Federazzjonijiet u Assoċjazzjonijiet: Zrzeszenie Miedzynarodowych Przewozników Drogowych (L-Assoċjazzjoni tat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq – il-Polonja)

  • Istituzzjonijiet: Shropshire Fire and Rescue Service (ir-Renju Unit)

  • Organizzazzjonijiet mhux governattivi: Prague Mothers (ir-Repubblika Ċeka)

  • Entitajiet lokali (reġjuni u bliet): Linköpings kommun (l-Iżvezja)

Għal iktar tagħrif ara:

http://ec.europa.eu//road_safety/

http://www.erscharter.eu/mt/node


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website