Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1855

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2009

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona.

It-Trattat ta' Liżbona jidħol fis-seħħ illum – l-1 ta' Diċembru 2009. L-okkażjoni se tiġi ċċelebrata f'Liżbona b'ċerimonja organizzata bi sħab mill-Gvern Portugiż, mill-Presidenza Żvediża u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni temmen li t-trattat il-ġdid jipprovdi benefiċċji ġodda importanti għaċ-ċittadini u li se jsolvi d-dibattitu istituzzjonali għall-ġejjieni qarib. It-trattat se jippermetti lill-Unjoni Ewropea tikkonċentra kompletament fuq il-ġestjoni tal-ħruġ mingħajr problemi mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u tagħmel progress fl-istrateġija għall-2020 għal tkabbir li jqis aktar l-ambjent.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso qal, "It-Trattat ta' Liżbona jqiegħed iċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-proġett Ewropew. Ninsab kuntent li issa għandna l-istituzzjonijiet it-tajbin biex jaġixxu u perjodu ta' stabbilità, sabiex aħna nkunu nistgħu niffukaw l-enerġija kollha tagħha biex inwasslu dak li hu importanti għaċ-ċittadini tagħna".

It-Trattat ta' Liżbona jemenda t-trattati tal-UE u tal-KE attwali, mingħajr ma jieħu posthom. Hu se jipprovdi lill-Unjoni bil-qafas legali u l-għodda meħtieġa sabiex tilqa' l-isfidi tal-ġejjieni u twieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini.

It-Trattat ta' Liżbona se jiżgura li ċ-ċittadini Ewropej ikunu involuti fil-kwistjonijiet Ewropej u li d-drittijiet tagħhom ikunu stabbiliti f'Karta. L-UE se tkun mgħammra aħjar biex tilqa' l-aspettattivi fl-oqsma tal-enerġija, il-bidla fil-klima, il-kriminalità transkonfinali u l-immigrazzjoni. Hi se tkun kapaċi titkellem b'vuċi iktar b'saħħitha fix-xena internazzjonali.

Fost it-titjib ewlieni hemm:

  • Unjoni iktar demokratika, miftuħa u responsabbli – il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali issa se jkollhom influwenza ikbar fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u ċ-ċittadini se jkollhom id-dritt li jkunu jafu x'qegħdin jiddeċiedu l-Ministri fil-livell tal-UE. Iċ-ċittadini Ewropej kollha se jingħataw l-opportunità li jinfluwenzaw il-liġijiet proposti tal-UE.

  • Unjoni iktar effettiva – permezz ta' istituzzjonijiet effettivi u ssimplifikati. Pereżempju, permezz ta' teħid ta' deċiżjonijiet iktar mgħaġġel u iktar konsistenti dwar kwistjonijiet ta' liġi u ordni, l-UE se jkollha kapaċità ikbar biex tiġġieled kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin.

  • iktar drittijiet għall-Ewropej – il-valuri u l-għanijiet tal-UE se jkunu stabbiliti b'mod iktar ċar minn qatt qabel. U l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali se tingħata l-istess status legali bħat-trattati l-oħra tal-UE.

  • attur global iktar prominenti – inħolqu iktar karigi bħala parti mix-xogħol biex tissaħħaħ il-koerenza bejn il-linji differenti tal-politika esterna tagħha, bħal pereżempju d-diplomazija, is-sigurtà, il-kummerċ u l-għajnuna umanitarja.

Dan it-titjib se jagħti lill-Unjoni l-kapaċità biex twettaq il-bidla, biex l-Ewropej jiksbu iktar sigurtà u prosperità, u biex ikollhom iktar opportunitajiet biex isawru l-globalizzazzjoni.

10 eżempji ta' benefiċċji għaċ-ċittadini Ewropej

  • Dritt għaċ-ċittadini li jitolbu lill-Kummissjoni biex tipproponi inizjattiva ġdida ("inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej")

  • Protezzjoni aħjar għaċ-ċittadini permezz ta' status ġdid mogħti lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

  • Protezzjoni diplomatika u konsulari għaċ-ċittadini kollha tal-UE meta jsiefru u jgħixu barra minn pajjiżhom

  • Għajnuna reċiproka kontra katastrofi naturali jew magħmula mill-bniedem fl-Unjoni, bħal pereżempju għargħar u nirien fil-foresti.

  • Possibbiltajiet ġodda għall-itrattar tal-effetti transkonfinali tal-politika tal-enerġija, il-protezzjoni ċivili u għall-ġlieda kontra t-theddid transkonfinali serju għas-saħħa

  • Azzjoni komuni rigward għaqdiet kriminali li jittraffikaw in-nies bejn il-fruntieri

  • Regoli komuni biex jiġi evitat l- asylum shopping fejn isiru bosta applikazzjonijiet lil pajjiżi membri differenti

  • Il-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz tal-iffriżar tal-assi

  • Approċċ iktar demokratiku għat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE (rwol imsaħħaħ tal-Parlament Ewropew u tal-Parlamenti nazzjonali)

  • Possibbiltà li tkun ipprovduta għajnuna finanzjarja urġenti lill-pajjiżi terzi

Fażijiet ewlenin tat-Trattat ta' Liżbona:

  • Ġunju 2007: Mandat tal-Kunsill Ewropew għall-Konferenza Intergovernattiva maħsuba biex temenda t-Trattati eżistenti

  • Lulju-Ottubru 2007: Konferenza Intergovernattiva

  • Approvazzjoni tat-Trattat fil-Kunsill Ewropew informali fit-18 u d-19 ta' Ottubru 2007

  • It-12 ta’ Diċembru 2007: Proklamazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew (PE), il-Kunsill u l-Kummissjoni.

  • It-13 ta’ Diċembru 2007: Firma tat-Trattat il-ġdid f'Liżbona

  • Diċembru 2007 - Novembru 2009: Proċeduri ta' ratifikazzjoni fis-27 Stati Membri kollha

  • L-1 ta’ Diċembru 2009: dħul fis-seħħ tat-Trattat

Kopja tat-Trattat ta' Liżbona tinsab fl-indirizz li ġej: http://europa.eu/lisbon_treaty


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website