Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1831

Brussell, is-27 ta' Novembru 2009

Il-Kummissjoni taġġorna l-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti mill-ispazju tal-ajru Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat it-tnax-il aġġornament tal-lista Komunitarja tal-linji tal-ajru pprojbiti fl-Unjoni Ewropea, u li tinkorpora dawk il-linji tal-ajru ta' tliet pajjiżi addizzjonali wara nuqqasijiet fis-sikurezza li nstabu matul verifiki li saru. B’dan l-aġġornament, il-projbizzjoni imposta fuq tliet linji tal-ajru tneħħiet u linja waħda se titħalla terġa’ tibda topera taħt ċerti kundizzjonijiet fid-dawl ta’ titjib sodisfaċenti tas-sikurezza.

“Ma nistgħux nippermettu l-kompromessi f’dak li jirrigwarda s-sikurezza tal-ajru. Iċ-ċittadini għandhom id-dritt itiru mingħajr periklu fl-Ewropa u kullimkien ieħor fid-dinja”, qal il-Viċi President tal-Kummissjoni, Antonio Tajani. “L-għan tagħna mhux biss li noħolqu lista ta’ linji tal-ajru li huma perikolużi. Aħna lesti ngħinu lil dawk il-pajjiżi biex jibnu l-kapaċità teknika u amministrattiva tagħhom biex jiggarantixxu s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili f’pajjiżhom. Se ntejbu l-kooperazzjoni tagħna mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili biex niżguraw li l-isforzi tagħna jkunu koordinati b’mod aħjar biex nagħtu l-għajnuna fejn hija l-aktar meħtieġa. Ma nistgħux, madankollu, naċċettaw li l-linji tal-ajru jtiru filwaqt li ma jkunux qegħdin jikkonformaw mal-istandards internazzjonali ta' sikurezza. Dan jipperikola lilna lkoll li nistgħu, mingħajr ma nkunu nafu, insibu rwieħna fuq ajruplan perikoluż. Huwa għalhekk li l-lista neħtiġuha”.

Din il-lista l-ġdida tieħu post dik li kien hemm qabilha, u tista' diġà tiġi kkonsultata mis-sit tal-Kummissjoni fuq l-interne t [1] .

Il- ħsieb wara r-regoli li jiggvernaw il-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti għandu żewġ għanijiet :

a) Il-lista sservi bħala strument preventiv għall-ħarsien tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Dan jidher mill-ħafna każijiet li fihom il-Komunità indirizzat b’suċċess theddidiet potenzjali għas-sikurezza, ferm qabel ma kellha għalfejn tieħu l-miżura aħħarija, jiġifieri li timponi r-restrizzjonijiet;

b) Il-lista taġixxi wkoll bħala l-aħħar possibbiltà meta problemi serji ta’ sikurezza jippersistu billi jiġu imposti restrizzjonijiet jew jiġi pprojbit l-aċċess għall-ispazju tal-ajru Ewropew. Miżuri bħal dawn jagħtu inċentiv b’saħħtu biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet fis-sikurezza.

B’dan l-aġġornament, tliet kumpaniji rreġistrati fl-Ukraina tneħħew mil-lista. Ukraine Cargo Airways u Volare it-tnejn tilfu ċ-Ċertifikat ta’ Operatur tal-Ajru li kien inħarġilhom; wara li waslet ċerta informazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukraina, it-trasportatur Motor Sich ukoll tneħħa mil-lista.

Ir-raba’ kumpanija, Ukrainian Mediterranean Airlines titħalla terġa’ tibda topera b’inġenju tal-ajru wieħed.

Dan huwa r-riżultat ta’ żjara mmexxija b’suċċess mill-Aġenzija Ewropa tas-Sikurezza fl-Avjazzjoni, bil-parteċipazzjoni ta’ żewġ Stati Membri fl-Ukraina biex jivverifikaw it-titjib li kisbu t-trasportaturi.

Bl-istess mod ġie rikonoxxut il-progress sinifikanti li għamlu l-awtorità tal-avjazzjoni ċivili tal-Angola u t-trasportatur tal-ajru TAAG Angola Airlines biex jissolvew progressivament kwalunkwe nuqqasijiet fis-sikurezza. TAAG għalhekk titħalla żżid l-għadd ta' inġenji tal-ajru li tuża għat-titjiriet lejn il-Portugall.

Dan l-aġġornament jenfasizza wkoll l-eżistenza ta' djalogu kontinwu ma’ ċerti Stati rigward is-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru tagħhom. Ġew innutati wkoll kooperazzjoni msaħħa u progress mal-Albanija, l-Angola, l-Eġittu, il-Federazzjoni Russa, l-Ukraina, il-Każakstan u l-Kirgistan. Għadd ta’ żjarat ta’ verifika ntalbu wkoll mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) sabiex jiġu evalwati l-qagħdiet tal-awtoritajiet u t-trasportaturi fl-Albanija, l-Eġittu, il-Kirgistan u l-Jemen.

Fl-istess ħin, il-lista ġiet estiża biex tinkludi t-trasportaturi kollha tal-ajru ċertifikati f’Djibouti, ir-Repubblika tal-Kongo u Sao Tome u Principe minħabba nuqqasijiet ta’ sikurezza identifikati fis-sistema ta’ sorveljanza mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni f’dawn il-pajjiżi.

It-trasportaturi tal-ajru kollha koperti minn dan l-aġġornament u minn aġġornamenti preċedenti se jibqgħu suġġetti għal spezzjonijiet tar-rampa prijoritizzati fl-ajruporti Komunitarji, bil-għan li jiġi garantit li dawn jibqgħu dejjem jirrispettaw l-istandards internazzjonali ta' sikurezza.

Illum, il-lista tal-Komunità għandha ħames trasportaturi individwali li l-operazzjonijiet tagħhom huma kompletament ipprojbiti fl-Unjoni Ewropea – Air Korja mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, Air West mis-Sudan, Ariana Afghan Airlines mill-Afganistan, Siem Reap Airways International mill-Kambodja u Silverback Cargo Freighters mir-Rwanda. It-trasportaturi kollha minn 15-il pajjiż – 228 kumpanija b’kollox – huma pprojbiti: L-Angola (bl-eċċezzjoni ta' trasportatur wieħed li jopera taħt ċerti restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), Benin, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Ginea Ekwatorjali, il-Gabon (bl-eċċezzjoni ta’ tliet trasportaturi li joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), l-Indoneżja, il-Każakstan (bl-eċċezzjoni ta’ trasportatur wieħed li jopera taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), ir-Repubblika Kirgiża, il-Liberja, is-Sjerra Leone, is-Sważiland u ż-Żambja. Hemm tmien trasportaturi tal-ajru li jitħallew joperaw taħt ċerti restrizzjonijiet u kundizzjonijiet - TAAG Angola Airlines, Air Astana mill-Każakstan, Gabon Airlines, Afrijet u SN2AG mill-Gabon, Air Bangladesh, Air Service Comores u Ukranian Mediterranean Airlines mill-Ukraina.

http://ec.europa.eu/transport/air-ban

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2009:312:0016:0037:EN:PDF


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website