Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Konsumaturi: L-UE se testendi l-protezzjoni tal-assigurazzjoni fuq l-ivvjaġġar għal btala

European Commission - IP/09/1824   26/11/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1824

Brussell, is-26 ta’ Novembru 2009

Il-Konsumaturi: L-UE se testendi l-protezzjoni tal-assigurazzjoni fuq l-ivvjaġġar għal btala

Miljuni ta’ vjaġġaturi li jibbukkjaw “pakketti” għal btala b'għadd ta’ taħlitiet differenti ta’ titjiriet, lukandi, karozzi tal-kiri eċċ minn fuq l-internet jew mingħand il-ħwienet tal-aġenziji, jidher li se jirċievu ħarsien finanzjarju aktar sod jekk l-affarijiet ma jmorrux kif ikun ippjanat, skont pjanijiet li ħarġet illum għall-konsultazzjoni l-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni qiegħda titlob il-konsultazzjoni dwar l-estenzjoni tal-protezzjoni bażika tal-assigurazzjoni li pprovdiet id-Direttiva tal-UE għall-Vjaġġi b’Kollox Inkluż 1990 tiġi estiża - fir-rigward tat-tagħrif, ir-risponsabbiltà għal servizzi ta’ standard baxx u protezzjoni kontra l-insolvenza – għall-ġenerazzjoni ġdida ta’ “pakketti dinamiċi” li bihom il-konsumaturi jgħaqqdu l-pakketti huma stess, ħafna drabi minn fuq l-internet, permezz ta’ sit elettroniku wieħed, jew siti oħra sħab magħhom. 23 % tal-konsumaturi mill-UE u l fuq minn 40 % f’pajjiżi bħall-Irlanda u l-Iżvezja issa qegħdin jirriżervaw “pakketti dinamiċi” li ħafna minnhom bħalissa mhumiex koperti mir-regoli ta’ ħarsien tal-UE 67 % mingħalihom li huma mħarsa). Wara li, riċentement, ħafna kumpaniji tal-ajru fallew, fil-paper hemm ukoll l-idea li l-ħarsien bażiku tal-konsumaturi kontra l-insolvenza jiġi estiż lil hinn mill-vjaġġi b’kollox inkluż u l-pakketti dinamiċi kollha, inklużi l-biljetti tal-ajru li jinxtraw waħedhom.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Konsumaturi, Meglena Kuneva, qalet: “Neħtieġu l-ħarsien sod li jserraħ, kif suppost, moħħ il-konsumaturi kollha li jirriżervaw vjaġġ b’kollox inkluż, u neħtieġu regoli komuni biex il-kumpaniji jikkompetu bejniethom fuq bażi ugwali. Jien imħassba speċjalment dwar il-kwistjoni tal-insolvenza. Kull min, fuq it-televixin ra lil dawk l-eluf ta' vjaġġaturi mwaħħlin fl-ajruporti wara l-fallimenti ta' kumpaniji bħal Sky Europe u XL, Futura u Zoom, jaf illi wasal iż-żmien li nistaqsu d-domandi ibsin dwar l-estenzjoni ta' protezzjoni bażika kontra l-insolvenza lill-konsumaturi kollha."

Ir-regoli attwali

Id-Direttiva tal-UE dwar il-vjaġġi b’kollox inkluż (PTD – EU Package Travel Directive), saret fl-1990 meta l-iżjed btala komuni kienet pakkett ta’ vjaġġ għal ħmistax irriżervat permezz ta’ aġent tal-ivvjaġġar bl-għajnuna ta’ fuljett. Il-PTD tkopri l-vjaġġi b’kollox inkluż iddefiniti minn qabel u li kien fihom taħlita ta’ mill-inqas tnejn minn dawn li ġejjin: (1) it-trasport, (2) l-akkomodazzjoni (3) servizzi oħrajn magħmulin għat-turisti, bħaż-żjajjar turistiċi (mibjugħin bi prezz inklużiv).

Id-Direttiva tipprovdi l-protezzjoni li tkopri: it-tagħrif li jinstab fil-fuljetti, id-dritt li wieħed iħassar ir-riżervazzjoni mingħajr ma jħallas multa, ir-risponsabbiltà għas-servizzi (pereżempju lukandi ta’ standard baxx iż-żejjed) u l-protezzjoni finanzjarja fil-każ li jfalli xi operatur turistiku jew tfalli xi kumpanija tal-ajru.

Sitt oqsma ta’ prijorità li jridu jiġu riveduti.

Il-PTD tal-1990 m’għadux adattat għas-suq tal-ivvjaġġar tal-lum. L-internet u l-kumpaniji tal-ajru bi prezzijiet baxxi biddlu l-mudelli kummerċjali u l-imġieba tal-konsumaturi. Il-biċċa l-kbira tar-riżervazzjonijiet, li kull ma jmorru dejjem qed jiżdiedu, isiru mill-konsumaturi stess, li jfasslu l-pakketti li jridu huma, ħafna drabi minn fuq l-internet.

Ġew identifikati sitt oqsma prijoritarji:

1. L-ambitu tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi B’Kollox Inkluż: Il-pjan jikkunsidra liema tipi ta’ vjaġġi b’kollox inkluż għandhom jiġu koperti bil-PTD. Dawn jistgħu jinkludu:

(1) Pakketti mfasslin mill-konsumatur permezz tal-internet, b’kollox minn fuq l-istess sit.

(2) Pakketti mfasslin mis-siti elettroniċi marbutin ma’ xulxin permezz ta’ ftehimiet ta' sħubija. Pereżempju, konsumatur jista’ jirriżerva titjira minn fuq l-internet u mbagħad jiġi dirett lejn sit imsieħeb li joffri r-riżervazzjonijiet fil-lukandi jew il-kiri ta’ karozzi.

(3) Arranġamenti oħrajn tal-ivvjaġġar li bħalissa mhumiex koperti, bħall-kruċieri, il-mezzi tat-trasport li fihom l-akkomodazzjoni (pereżempju vjaġġi billejl fuq vapuri jew bit-tren) u oħrajn. Ara l-MEMO/09/523 għal aktar dettalji.

2. Tagħrif : Il-pjan jitlob il-konsultazzjoni dwar x'tagħrif għandu jingħata lill-konsumaturi, meta dan għandu jingħata u l-forma li għandu jieħu. Il-PTD preżenti jikkonċentra fuq il-fuljetti u ma jsemmix mezzi oħra, pereżempju s-siti elettroniċi.

3. Ir-risponsabbiltà għas-servizzi ta’ standard baxx iżżejjed u l-għajnuna għall-konsumaturi: Il-pjan jikkonsulta dwar min għandu jkun risponsabbli għas-servizzi u biex jgħin lill-konsumatur bil-problemi li jistgħu jinqalgħulu waqt il-vjaġġ. Illum il-ġurnata d-distinzjonijiet antiki bejn il-kurrieri, l-operaturi turistiċi u l-aġenti tal-ivvjaġġar mhumiex ċari. Jista’ jkun hemm konfużjoni dwar min hu risponsabbli jekk xi ħaġa tmur żmerċ.

4. It-Tibdil tal-Kuntratti: Il-PTD jippermetti lill-konsumaturi li jikkanċellaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu multa jekk ikun hemm xi tibdil fl-“elementi essenzjali” pereżempju fil-prezz totali, jew bidla tal-kurrier. Il-paper tikkunsidra jekk hemm bżonn ta’ xi tibdiliet fir-regoli preżenti dwar ir-reviżjoni tal-prezzijiet.

5. L-insolvenza: Il-PDT jirrikjedi li l-operatur turistiku jew l-aġent tal-ivvjaġġar jipprovdi s-sigurtà biex ikun jista’ jrodd lura l-flus kollha mħallsin mill-konsumatur u biex il-konsumatur jitreġġa' lura f'pajjiżu f'każ ta' falliment. Dan l-aħħar żdied ir-riskju tal-insolvenza. Wara li, dan l-aħħar, kien hemm sensiela ta' kumpaniji tal-ajru li fallew, il-pjan jikkunsidra jekk għandhiex tkun estiża l-protezzjoni kontra l-insolvenza biex tkopri x-xiri ta' biljetti tal-ajru waħedhom (jiġifieri arranġamenti tal-ivvjaġġar indipendenti flok parti minn xi pakkett) biex jekk il-kumpanija tal-ajru tfalli, il-passiġġieri jkunu jistgħu jintbagħtu lura lejn pajjiżjhom, jew jekk iħallsu ż-żejjed dan jingħatalhom lura.

6. Tikketta li turi garanzija ta’ protezzjoni fuq l-ivvjaġġar: Il-pjan jikkunsidra “Tikketta ta’ Garanzija ta’ Protezzjoni fuq l-Ivvjaġġar” fuq livell tal-UE li tkun turi liema prodotti u/jew taħlita ta’ prodotti tal-ivvjaġġar ikunu mħarrsa skont il-liġi.

X'se jiġri issa?

Il-Kummissjoni biħsiebha tressaq il quddiem il-proposti konkreti biex tirrevedi d-Direttiva dwar l-Ivvjaġġar B’Kollox Inkluż fil-ħarifa tal-2010. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll fil-proċess li tipprepara analiżi tad-drittijiet tal-passiġġieri li se tittratta medda wiesgħa ta' kwistjonijiet li jirrigwardaw il-konsumatur, inkluża l-insolvenza tal-kumpaniji tal-ajru.

Żviluppi ewlenin fis-settur tal-ivvjaġġar b’kollox inkluż:

  • L-Ewropa hija l-akbar suq ta’ vjaġġar reġjonali fid-dinja b’bejgħ ta’ €246 biljun fl-2008. Il-pakketti tradizzjonali (arranġamenti lesti minn qabel li jinkludu bosta elementi bħalma huma l-vjaġġ u l-akkomodazzjoni) jammontaw għal 40 % (€ 98.4 biljun) tat-total tas-suq tal-ivvjaġġar, u dan filwaqt li l-pakketti dinamiċi jammontaw għal 33 % u li arranġamenti oħra tal-ivvjaġġar għal 25 % tas-suq.

  • Illum il-ġurnata, parti kbira taċ-ċittadini tal-UE (56 % ta’ min jieħu vaganza ġewwa l-UE), aktar milli jixtru pakketti lesti (il-pakketti tradizzjonali ta’ vaganza koperti mid-Direttiva dwar l-Ivvjaġġar b’Kollox Inkluż), jagħżlu li jorganizzaw il-vaganzi tagħhom huma stess.

  • Numru dejjem akbar ta’ prenotazzjonijiet isiru minn konsumaturi li jkunu sawru l-pakkett ta’ vaganza tagħhom huma stess (pakketti dinamiċi), fejn il-vjaġġaturi stess jgħaqqdu flimkien żewġ servizzi jew aktar, ngħidu aħna t-titjira u l-akkomodazzjoni minn fornitur wieħed jew minn fornituri b’konnessjoni kummerċjali, jew websajts li joffru pakketti flimkien ma’ websajts oħra bi sħab. Pereżempju, konsumatur jista’ jibbukkja titjira onlajn u mbagħad jiġi ttrasferit għal websajt oħra li toffri akkomodazzjoni f’lukandi jew kiri ta’ karozzi.

  • Huwa importanti li wieħed jinnota li prenotazzjonijiet ġenwinament separati, fejn il-konsumatur jixtri komponenti differenti minn bejjiegħa/websajts differenti li ma teżistix konnessjoni kummerċjali bejniethom ġeneralment ma jkunux koperti mill-istudju. Dawn “l-arranġamenti ta’ vvjaġġar indipendenti” mhumiex meqjusa bħala parti mis-Settur ta’ Vaganzi b’Kollox Inkluż.

  • L-għadd ta’ konsumaturi li jibbukkjaw “pakketti dinamiċi” qiegħed jiżdied bil-kbir. 23 % taċ-ċittadini tal-UE użaw pakketti dinamiċi fis-sentejn li għaddew, iżda ċ-ċifra hija ’l fuq minn 40 % f'pajjiżi bħall-Irlanda (46 %) jew l-Iżvezja (44 %), u hija għolja ħafna wkoll f'pajjiżi bħas-Slovenja (42 %) u l-Italja (36 %). Ara t-Tabella 1 fil-MEMO/09/523 għad-dettalji.

  • Bosta pakketti dinamiċi bħalissa mhumiex koperti mill-Ħarsien tal-Ivvjaġġar b’Kollox Inkluż min-naħa tal-UE. Bħala konsegwenza, għadd numru dejjem akbar ta’ konsumaturi li jibbukkjaw vaganzi b’kollox inkluż mhumiex inklużi fl-ambitu tad-Direttiva. Biex wieħed jifhem l-estremità ta’ dan il-kambjament, fl-1997 l-għadd ta’ passiġġieri li vvjaġġaw mir-Renju Unit fuq titjiriet bi skop ta’ vaganza u li kienu mħarsa mid-Direttiva tal-UE dwar l-Ivvjaġġar b’Kollox Inkluż kien ta’ 98 %, filwaqt li fl-2005 dan in-numru huwa inqas minn 50 %.

  • Huwa ċar ukoll li l-konsumaturi mhumiex konxji li l-protezzjoni legali tagħhom tvarja skont kif ikunu nxtraw l-arranġamenti marbuta mal-ivvjaġġar ‑ anki jekk il-pakkett ta’ komponenti tal-ivvjaġġar jista’ jkun wieħed identiku. 67 % tal-konsumaturi li ħadu sehem fl-istħarriġ u li użaw “pakkett dinamiku” li ma kienx kopert mid-Direttiva kellhom opinjoni żbaljata meta ħasbu li kienu mħarsa. Bħala medja, pakkett dinamiku li jmur ħażin ifisser telfa lill-konsumatur ta’ kważi €600.

  • ’Il fuq minn 50 % tal-konsumaturi jemmnu li huma mħarsa f’każ li tfalli linja tal-ajru meta jixtru pakketti dinamiċi jew arranġamenti ta’ vvjaġġar indipendenti. Fil-preżent, f’ħafna mill-każi dawn mhumiex koperti.

  • Il-falliment sar problema ta’ aktar tħassib għall-konsumaturi minħabba li dan l-aħħar kiber ir-riskju ta’ insolvenza. Bejn Novembru 2005 u Settembru 2008 ġew iddikjarati falluti 29 linja tal-ajru1. Fi Franza, pereżempju, kien hemm ukoll 125 operatur tal-ġiti li fallew fl-2008, b’mod li ġew affettwati iktar minn 9 000 konsumatur, meta mqabbel ma’ 95 każ ta’ falliment (li affettwaw ftit iktar minn 2 500 konsumatur) fl-20062. L-effett ta’ dawn fuq min ried jieħu vaganza varja skont jekk il-biljetti kinux inxtraw bħala parti minn vaganza b’kollox inkluż. Minħabba li t-tendenzi ta’ kif wieħed jivvjaġġa nbidlu b’mod sinifikanti minn meta ġiet adottata d-Direttiva fl-1990, huwa importanti, b’mod partikolari, li wieħed jistaqsi jekk għandux ikun il-każ li jkun hemm ħarsien differenti f’każ ta’ insolvenza għal biljetti tal-ajru mibjugħa f’pakkett u dawk mibjugħa bħala prodotti indipendenti.

Dokument ta’ konsultazzjoni

Il-perjodu ta’ konsultazzjoni huwa mis-26.11.2009 sas-07.02.2010.

Il-konsultazzjoni onlajn:

http://ec.europa.eu/consumers/rights/travel/consultation_en.htm

Aktar dettalji dwar l-ivvjaġġar b’kollox inkluż:

http://ec.europa.eu/consumers/rights/travel_en.htm

1 :

Il-Kummissjoni Ewropea, Studju dwar il-Ħarsien lill-Konsumatur kontra l-Falliment tas-Settur tal-Avjazzjoni.

2 :

APS, French Travel Guarantee Fund


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website