Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1812

Brussell, l-24 ta' Novembru 2009

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' bil-ferħ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew ta' riformi wiesgħa biex jissaħħu l-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-konsumaturi fis-swieq Ewropej tat-telekomunikazzjonijiet.

Illum, matul is-sessjoni plenarja tiegħu fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew, b'maġġoranza wiesgħa fil-partiti politiċi, formalment approva l-pakkett ta' riforma fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, propost mill-Kummissjoni f'Novembru 2007 ( IP/07/1677 ). 500 miljun ċittadin tal-UE dalwaqt ser jibbenefikaw minn aktar possibbiltajiet ta' għażla bis-saħħa ta' kompetizzjoni mtejba fis-swieq Ewropej tat-telekomunikazzjonijiet, minn kopertura estiża b'konnessjonijiet veloċi tal-internet bil-broadband madwar l-Ewropa, u minn protezzjoni iktar qawwija tad-dritt tagħhom tal-privatezza fir-rigward tal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet. Il-konsumaturi Ewropej ser igawdu wkoll minn għadd sostanzjali ta' drittijiet ġodda, bħad-dritt li jibdlu l-operatur tal-linja fissa jew mobbli f'ġurnata waħda tax-xogħol filwaqt li jżommu n-numru tagħhom; id-dritt li jkunu infurmati aħjar dwar is-servizzi li jabbonaw għalihom; u d-dritt li jkunu infurmati dwar ksur tal-protezzjoni tad-dejta mill-operatur tagħhom tat-telekomunikazzjonijiet. L-operaturi għandhom joffru wkoll lill-konsumaturi l-għażla li jiffirmaw kuntratt li jiskadi fi żmien mhux itwal minn 12-il xahar. Skont ir-regoli l-ġodda tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali tat-telekomunikazzjoni ser ikollhom ukoll id-dritt li jiffissaw livelli minimi ta' kwalità għas-servizzi tat-trasmissjoni fuq in-netwerk ħalli jippromwovu "newtralità tan-netwerk" għaċ-ċittadini Ewropej. Barra minn dan, il-konsumaturi Ewropej ser ikollhom id-drittijiet fundamentali tagħhom marbuta mal-aċċess għall-internet imħarsa u msaħħa permezz tar-rifoma fit-telekomunikazzjonijiet. Dispożizzjoni ġdida dwar il-libertà tal-internet, inkluża fil-pakkett fuq insistenza tal-Parlament Ewropew, tagħmilha ċara li fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jgawdu ċ-ċittadini Ewropej, fosthom id-dritt tal-privatezza, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jirrestrinġu l-aċċess għall-internet għal raġunijiet ta' politika pubblika sakemm ma tkunx twettqet minn qabel proċedura imparzjali u eżami ġudizzjarju effikaċi u f'waqtu. L-approvazzjoni tar-riformi li għamel illum il-Parlament Ewropew issegwi ftehim politiku li ntlaħaq fil-5 ta' Novembru bejn in-negozjaturi tal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ( MEMO/09/491 ). Din tħejji t-triq għad-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-UE fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet f'Diċembru ta' din is-sena. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom 18-il xahar biex jittrasponu r-regoli riformati tal-UE għat-Telekomunikazzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom tat-telekomunikazzjonijiet.

"Ir-riforma tal-UE fit-telekomunikazzjonijiet ser twassal għal kompetizzjoni akbar fis-swieq Ewropej tat-telekomunikazzjoni, servizzi aħjar u irħas tat-telefonija fissa u mobbli u tal-internet u konnessjonijiet aktar veloċi għall-Ewropej kollha. Grazzi għall-appoġġ b'saħħtu li ta l-Parlament Ewropew, illum l-Ewropa poġġiet liċ-ċittadini fiċ-ċentru tar-regolamentazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet" , qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għat-Telekomunikazzjonijiet. "Hija aħbar tajba għall-konsumaturi Ewropej li din l-għodda ġdida u b'saħħitha tas-separazzjoni funzjonali ser tgħin lir-regolaturi nazzjonali jindirizzaw l-ostakli persistenti fil-kompetizzjoni fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, u b'hekk tittejjeb l-għażla għall-konsumatur. Jien grata li l-Parlament Ewropew appoġġa lill-Kummissjoni fl-isforz tagħha biex toħloq suq uniku aktar integrat fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet. L-istabbiliment tal-Korp Ewropew għall-Komunikazzjonji, il-BEREC, li parti sostanzjali mill-istabbiliment tiegħu kien imfassal minn Parlamentari Ewropej, huwa sinjal viżibbli ta' kemm qegħdin nieħdu l-impenn tagħna bis-sejetà meta ngħidu li l-operaturi Ewropej tat-telekomunikazzjonijiet u l-konsumaturi ma għandhomx ikunu affettwati aktar mill-fruntieri nazzjonali fl-aċċess tan-netwerk u l-forniment tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Suq verament uniku għall-operaturi u l-konsumaturi Ewropej tat-telekomunazzjonijiet issa jista' jintlaħaq mingħajr xkiel.

Ara MEMO/09/513 dwar it-12-il riforma l-iktar importanti tal-pakkett il-ġdid tat-telekomunikazzjonijiet fl-UE

Il-passi li jmiss:

  • L-iffirmar tal-leġiżlazzjoni mill-presidenti tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-25 ta' Novembru;

  • Id-dħul fis-seħħ tal-pakkett sħiħ ta' riforma fit-telekomunikazzjonijiet bil-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE (fit-18 ta' Diċembru);

  • L-istabbilment tal-Korp Ewropew tar-Regolaturi tat-Telekomunikazzjonijiet, il-BEREC (fir-Rebbiegħa 2010);

  • It-traspożizzjoni tal-pakkett ta' riforma fit-telekomunikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-27 Stat Membru tal-UE (sa Ġunju 2011).

Għal aktar tagħrif:

Test preliminari tal-pakkett ta' riforma miftiehem:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/tomorrow/index_en.htm

MEMO/09/513


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website