Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/1807

Brussell, 24 ta' Novembru 2009

Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar l-UE 2020: Strateġija ġdida biex l-UE ssir suq soċjali aktar intelliġenti u li jirrispetta aktar lill-ambjent

Illum il-Kummissjoni ħarġet dokument ta' konsultazzjoni pubblika dwar prospettivi aħjar għall-ekonomija tal-UE permezz tal-Istrateġija UE 2020. L-UE 2020 għandha bħala għan li tikseb tkabbir li jirrispetta aktar lill-ambjent filwaqt li jkun soċjalment inklużiv, skont il-punti prinċipali tal-Linji Gwida Politiċi tal-President Barroso. L-Istrateġija l-ġdida ser tibni fuq il-kisbiet tal-Istrateġija ta' Liżbona, filwaqt li tieħu tagħlimiet minnha. Id-dokument ta' konsultazzjoni jistabbilixxi viżjoni dwar kif l-UE 2020 ser tiffoka fuq il-bini ta' rkupru sod mill-kriżi, tgħin fil-prevenzjoni ta' kriżi simili fil-ġejjieni u fuq tliet għanijiet tematiċi: il-ħolqien tal-valur permezz tal-konoxxenza; l-għoti tas-setgħa lin-nies f'soċjetajiet miftuħa għal kulħadd; u l-ħolqien ta' ekonomija kompetittiva, konnessa u li tirrispetta aktar l-ambjent. Id-data ta’ skadenza biex jingħataw reazzjonijiet għall-konsultazzjoni hija l-15 ta’ Jannar 2010. Sussegwentement il-Kummissjoni l-ġdida ser tagħmel proposta fid-dettall lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

Il-President tal-Kummissjoni, Jos é Manuel Barroso, qal: "L-UE 2020 tfisser li l-UE taħdem id f'id fuq l-għaxar snin li ġejjin biex tegħleb uħud minn fost l-aktar sfidi ekonomiċi diffiċli li l-Ewropa qatt ħabbtet wiċċha magħhom. Ekonomija intelliġenti u soċjetà għarfa bbażata fuq valuri Ewropej b'saħħithom imorru flimkien. It-tkabbir, il-finanzi pubbliċi sostenibbli, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, l-inklużjoni soċjali, bażi industrijali msaħħa u settur tas-servizzi enerġetiku mhumiex alternattivi. Dawn isaħħu lil xulxin. L-Ewropa naqqset il-qgħad minn 12% għal 7% fl-għaxar snin sal-2008. Issa neħtieġu sorsi ġodda ta' tkabbir biex nissostitwixxu l-impjiegi li ntilfu fil-kriżi. F'dan id-dokument stabbilixxejna l-modi ta' kif nistgħu nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tal-Ewropa. Fl-istess ħin, aħna nistgħu nsaħħu l-influwenza tagħna fid-dinja u fuq il-globalizzazzjoni billi nuru lil sħabna li l-ekonomija tas-suq bi prerogattivi soċjali hija l-aktar waħda effiċjenti u ġusta. Aħna ninsabu miftuħin għall-fehmiet tal-partijiet interessati dwar l-Istrateġija UE 2020 tagħna qabel ma nippreżentaw il-proposti tagħna lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa."

Il-Kummissjoni temmen li l-UE 2020 għandha tiffoka fuq oqsma li ġejjin u hija miftuħa għall-fehmiet dwar kif l-aħjar li dan isir.

Il-ħolqien tal-valur billi t-tkabbir jissejjes fuq il-konoxxenza

Jeħtieġ li l-edukazzjoni fl-Ewropa titjieb, mill-edukazzjoni preprimarja sal-edukazzjoni għolja, biex iżżid il-produttività, issostni lil gruppi vulnerabbli u tgħin fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-faqar.

Fl-Ewropa għad hemm lok ta' titjib kbir tal-kundizzjonijiet ta' qafas għall-innovazzjoni u l-kreattività, pereżempju bl-immodernizzar tas-sistema tad-drittijiet ta' proporjetà intellettwali tal-UE. L-aċċess għall-kreditu għandu jingħata spinta, fosthom permezz tal-koordinazzjoni ta' sorsi pubbliċi u privati ta' kapital għat-tkabbir.

L-UE teħtieġ Aġenda Diġitali Ewropea biex tkun tista' toffri suq uniku onlajn reali, biex b'hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet kompetittivi fi Stati Membri oħrajn u biex l-impriżi ta' daqs żgħir u medju jkollhom ftuħ fi swieq akbar. L-aċċess għall-internet u l-kapaċitajiet qegħdin isiru neċessarji għal parteċipazzjoni sħiħa fil-ħajja ta' klujum. Il-kisba ta' "inklużjoni diġitali" hija parti essenzjali għal inklużjoni soċjali globali.

L-għoti tas-setgħa lin-nies f'soċjetajiet miftuħa għal kulħadd

Il-kriżi "bidlet il-logħba". Ħafna impjiegi ta' qabel il-kriżi nqerdu u qatt ma huma ser jiġu lura.

L-Ewropa ma tistax tkun prospera sakemm il-ħaddiema ma jkollhomx il-ħiliet biex jikkontribwixxu u jibbenefikaw minn ekonomija bbażata fuq il-konoxxenza. Għandu jkun hemm bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda, permezz tal-mobbiltà ta' ħaddiema bejn u fil-funtieri u billi d-domanda ġejjiena ta' ħiliet tiġi prevista aħjar.

Il-Kummissjoni tinsab deċiża li timbotta l-aġenda tal-flessigurtà u li tiżgura li din tinftiehem aħjar mhux biss f'termini ta' flessigurtà mill-impjegati, iżda wkoll b'rabta ma' min jimpjega u mal-gvernijiet, li għandhom ikunu aktar responsabbli minn investiment fil-persuni u fil-ħarsien tagħhom. Dawk li ma jistgħux isibu impjiegi għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja u kif ukoll appoġġ individwali biex ikunu jistgħu jsibu posthom fis-suq tax-xogħol.

Il-ħolqien ta' ekonomija kompetittiva, konnessa u li tirrispetta aktar lill-ambjent

Fil-futur se jkollna prezzijiet għolja tal-enerġija, restrizzjonijiet fuq il-karbonju u kompetizzjoni akbar għar-riżorsi u s-swieq. Dawn kollha huma riskji iżda jippreżentaw ukoll opportunitajiet biex tinħoloq ekonomija "ġdida" għall-UE 2020 b'vantaġġ kompetittiv globali qawwi. Teknoloġiji ġodda li jirrispettaw aktar lill-ambjent jistgħu jistimolaw it-tkabbir, joħolqu impjiegi u servizzi ġodda u jgħinu lill-UE biex tilħaq l-għanijiet tagħha fir-rigward tat-tibdil fil-klima. Min-naħa l-oħra, jekk ma jirnexxilniex nadattaw għas-seklu 21, l-Ewropa ser tispiċċa taqta' lura.

Il-politiki fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali għall-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni u ta' prodotti u sistemi b'użu effiċjenti tal-enerġija għandhom jinkludu l-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet, riforma fiskali, sussidji u self, investiment u akkwist pubbliku u allokazzjonijiet għall-baġits tar-riċerka u l-innovazzjoni.

L-Ewropa teħtieġ infrastrutturi aktar intelliġenti fil-qasam tat-trasport u 'netwerk intelliġenti' tal-enerġija mifrux madwar l-UE, u kif ukoll koperatura totali tal-broadband. L-UE u l-Istati Membri għandhom jaħdmu id f'id biex jagħmlu l-aħjar investimenti strateġiċi biex sal-ewwel parti tas-snin 2020 żewġ terzi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tkun waħda b'livell baxx ta' karbonju filwaqt li tkun aktar sikura.

Il-manifattura ser tibqa' kruċjali għas-suċċess ekonomiku tal-UE fil-ġejjieni. L-Ewropa teħtieġ politika industrijali ġdida li tenfasizza l-kapaċità tal-innovazzjoni, teknoloġiji ġodda, ħiliet, it-trawwim tal-intraprenditorija u l-"internazzjonalizzazzjoni" tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju. Jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kapaċità żejda f'ċerti setturi. Jeħtieġ li dawk li ntlaqtu ħażin jingħataw l-appoġġ li jkollhom bżonn.

Il-goveranza – l-iffunzjonar tajjeb tal-UE 2020

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill Ewropew għandu jmexxi lill-UE 2020, jieħu l-aktar deċiżjonijiet importanti u jistabbilixxi l-għanijiet bbażati fuq proposti tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni trid li l-Parlament Ewropew ikollu rwol akbar b'mod sinifikanti. Anki l-parlamenti nazzjonali ser ikunu mistiedna jieħdu interess qawwi u jassumu r-responsabbiltà.

Id-dokument ta' konsultazzjoni jirroponi li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2010 jirfdu l-hekk imsejħa 'linji gwida integrati', jikkonfermaw il-prijoritajiet ta' politika li għandhom jitwettqu mill-UE u l-Istati Membri fi sħubija flimkien. Dawn il-linji gwida jissostitwixxu dawk li ilhom fis-seħħ mill-2005 taħt l-Istrateġija ta' Liżbona.

Għal kull wieħed minn dawn l-għanijiet, l-Istati Membri jkunu mistiedna jistabbilixxu għanijiet nazzjonali għal ħames snin li jikkorrispondu għas-sitwazzjoni differenti tagħhom u l-punti ta' tluq tagħhom. Il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew se isegwu l-progress kull sena kemm fil-livell tal-Istati Membri u ukoll f'dak tal-UE.

Id-data ta’ skadenza biex jingħataw reazzjonijiet għall-konsultazzjoni hija l-15 ta' Jannar. It-tweġibiet jistgħu jintbagħtu lil EU2020@ec.europa.eu .

Id-dokument ta' konsultazzjoni sħiħ ser ikun disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/index_en.htm u http://ec.europa.eu/eu2020


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site