Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-Trasport: pass ieħor lejn futur sostenibbli

European Commission - IP/09/1774   20/11/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT PL SK SL BG RO

IP/09/1774

Brussell, l-20 ta’ Novembru 2009

It-Trasport: pass ieħor lejn futur sostenibbli

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tospita konferenza ta’ livell għoli fi Brussell dwar il-futur tas-sistema Ewropea tat-trasport. Dan l-avveniment jimmarka l-għeluq ta’ żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi li l-Kummissjoni fetħet f’Ġunju 2009 bil-Komunikazzjoni tagħha ‘Futur sostenibbli għat-trasport’ u l-Green Paper tagħha ‘Netwerk Trans-Ewropew tat-trasport: Analiżi tal-politika’. Il-konferenza, miftuħa mill-Viċi President tal-Kummissjoni Antonio Tajani, tgħaqqad il-kontributi mill-partijiet interessati u tiddiskuti ideat konkreti li xirfu matul il-proċess ta' konsultazzjoni. Is-sena d-dieħla dan se jiġi segwit b’White Paper, li tiddefinixxi viżjoni għall-ġejjieni tat-trasport u passi speċifiċi li għandhom jittieħdu fid-deċennju li jmiss.

Il-Viċi President Antonio Tajani, inkarigat mit-trasport, qal: “It-trasport mexxa l-progress tal-bniedem għal eluf ta’ snin. L-iżvilupp ta’ modi u infrastruttura tat-trasport wassal għal skoperti ta' dinjiet ġodda, rotot ġodda, stili ġodda tal-għajxien biex insemmu biss ftit benefiċċji. Il-politika futura tagħna tat-trasport għandha tirrifletti l-għanijiet ewlenin li l-Ewropa qiegħda ssegwi llum u fis-snin li ġejjin: it-tnaqqis tal-karbonju mit-trasport, avvanzi fir-rigward tal-Ewropa għaċ-ċittadini, u t-titjib ta' sorsi ġodda għat-tkabbir u l-kompetittività. Jien, pereżempju, nixtieq nara l-ħolqien ta’ kurituri ħodor, il-ħolqien ta’ fond apposta għat-trasport fis-sens wiesa’ tal-kelma jew l-iffurmar ta’ netwerk tal-qalba ta’ proġetti TEN-T. Nilqa' b'sodisfazzjon ir-reazzjoni tal-pubbliku għall-proċess tal-konsultazzjoni sa issa u l-laqgħa tal-lum tirrappreżenta opportunità oħra għall-partijiet u ċ-ċittadini interessati biex jinfluwenzaw b'mod konkret kif nirrispondu għal sfidi importanti li se jkollna nħabbtu wiċċna magħhom."

L-avveniment tal-lum, organizzat mill-Viċi President Tajani bl-appoġġ tal-Presidenza Żvediża, huwa mmirat lejn l-identifikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika li l-parti jiet interessati jixtiequ jaraw fil-White Paper li jmiss tal-Kumissjoni, li se tittratta t-trasport bejn l-2010 u l-2020. Madwar 500 parteċipant qegħdin jattendu l-konferenza, u jirrappreżentaw varjetà ta’ partijiet interessati – operaturi tat-trasport, awtoritajiet tat-trasport, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, akkademiċi u assoċjazzjonijiet tal-utenti fost l-oħrajn.

Il-gruppi ta’ diskussjoni tal-konferenza huma organizzati madwar tliet oqsma ewlenin:

  • l-integrazzjoni tal-modi tat-trasport, partikolarment permezz tal-politika tal-infrastruttura u r-reviżjoni tal-politika dwar in-netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T);

  • il-promozzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għal vetturi nodfa u l-ġestjoni tat-traffiku; kif ukoll

  • l-indirizzar tal-ħtiġijiet futuri kemm għall-utenti tat-trasport kif ukoll għall-ħaddiema.

Id-diskussjoni tittratta l-għanijiet ewlenin ta’ politika rigward il-Futur tal-Komunikazzjoni dwar it-Trasport u l-Green Paper dwar it-TEN-T. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ netwerk tat-TEN-T multimodali u kompletament integrat; politika dwar il-fjuwils alternattivi; il-mobilitazzjoni ta’ vetturi u teknoloġiji innovattivi tat-trasport u l-qagħda ċentrali tal-utenti u l-ħaddiema tat-trasport bħala l-atturi ewlenin fis-sistema tat-trasport ta' għada.

Wara l-konferenza tal-partijiet interessati, li seħħet illum, u l-konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill, f'Diċembru 2009, il-Kummissjoni se tibda taħdem fuq miżuri konkreti biex tifforma l-politika Ewropea tat-trasport għall-futur.

Fl-2001, il-Kummissjoni ppubblikat White Paper li tistabbilixxi aġenda għall-politika Ewropea tat-trasport sal-2010. Hekk kif nersqu lejn tmiem dan il-perjodu ta’ għaxar snin, fit-tieni semestru tal-2010 għandha tiġi adottata White Paper ġdida dwar it-trasport.

Għal aktar tagħrif, inkluża sinteżi tar-risposti tal-konsultazzjoni pubblika, ara:

http://ec.europa.eu/transport/strategies/2009_future_of_transport_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website