Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kunsill huwa lest biex jara l-Politika Marittima Integrata tkompli tingrana

European Commission - IP/09/1726   17/11/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1726

Brussell, is-17 ta’ Novembru 2009.

Il-Kunsill huwa lest biex jara l-Politika Marittima Integrata tkompli tingrana

Il-Kummissjoni tilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni, tas-16/17 ta’ Novembru 2009, li jagħrfu l-progress li nkiseb fil-qasam tal-Politika Marittima Integrata matul is-sentejn li għaddew, u li japprovaw l-approċċ integrat għall-affarijiet marittimi. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill irrefera kemm għar-rapport tax-xahar li għadda rigward il-Politika Marittima Integrata mressaq mill-Kummissjoni, kif ukoll għall-Komunikazzjoni reċenti dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima.

Il-Kummissarju Borg qal: “L-appoġġ kontinwu tal-Kunsill għal approċċ integrat lejn l-affarijiet marittimi huwa mod xieraq biex tinġieb fi tmiemha l-ewwel fażi tal-Politika Marittima Integrata. Issa nistgħu nibdew ħidmietna biex din il-politika ambizzjuża tittieħed fuq livell ieħor. Bi tweġiba għat-talbiet mill-Kunsill, issa se nkomplu niftħu l-PMI saħansitra aktar milli diġà hi, biex nindirizzaw l-isfidi għall-perjodu medju sa dak fit-tul għall-ibħra u l-kosti Ewropej u niffokaw fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi ta’ kwalità, il-ħarsien ambjentali, is-sikurezza u s-sigurtà u l-benessri taċ-ċittadini.”

Dwar is-sorveljanza marittima, il-Kummissarju żied: “Billi laqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u approva l-approċċ tagħna, l-Kunsill reġa’ kkonferma li l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima miexja fit-triq it-tajba, u tabilħaqq jistħoqqliha postha fil-qalba tal-Politika Marittima Integrata tagħna. Huwa ċar li l-partijiet kollha konċernati jaqsmu l-istess twemmin, li s-sorveljanza marittima integrata se tagħti l-benefiċċji fl-oqsma kollha kkonċernati permezz ta’ użu aħjar u aktar effikaċi tar-riżorsi eżistenti, li għandu jirriżulta wkoll f’effikaċja f’termini ta’ riżorsi li jintużaw.”

Il-Kunsill tal-KAEĠR appella lill-Kummissjoni biex iżżomm ir-ritmu wara l-Politika Marittima Integrata. Issemmiet il-ħtieġa li jittejjeb il-potenzjal ekonomiku tas-setturi marittimi, tittejjeb l-effikaċja tal-azzjonijiet fuq il-baħar mill-gvernijiet, u li jiġu ġġenerati sinerġiji fl-insegwiment tat-tkabbir ekonomiku, l-istabbiltà ambjentali u dimensjoni soċjali solida għall-attivitajiet marittimi.

Barra minn hekk, il-Kunsill identifika wkoll għadd ta’ oqsma potenzjali għall-PMI. Dawn inkludew id-definizzjoni ta’ strateġija għat-tkabbir, l-impjiegi u s-sostenibbiltà, l-insegwiment ta’ inizjattivi ta’ ppjanar spazjali marittimu, it-tħejjija ta' proposti dwar il-governanza fir-riċerka dwar il-baħar u dik marittima sabiex jittejjeb ir-rwol tal-għarfien xjentifiku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ksib ta' aktar progress lejn is-sorveljanza marittima integrata. B'mod partikolari, il-Kunsill sejjaħ għal aktar żvilupp tal-approċċi strateġiċi lejn il-baċiri reġjonali tal-baħar, biex b'hekk ikompli jsir żvilupp fuq ix-xogħol reċenti tal-Kummissjoni fuq ibħra tal-Artiku, il-Baltiku u l-Mediterran, u testendih għal reġjuni oħra.

Huwa u jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tad-Dimensjoni Internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata, il-Kunsill irrikonoxxa wkoll l-importanza tad-djalogu fuq il-livell internazzjonali dwar il-politika marittima integrata u oqsma marittimi oħra f’fora kompetenti, inkluż dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

F’sett separat ta' konklużjonijiet, il-Kunsill approva l-approċċ tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titlu ‘Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima’ ( MEMO/09/454 ), li tistabbilixxi l-prinċipji għal Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni.

Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-korpi rilevanti tal-UE sabiex jgħaqqdu flimkien l-aspetti xierqa ċivili u militari tas-sorveljanza marittima sabiex jiġi stabbilit approċċ integrat għall-attivitajiet ta’ sorveljanza. Għal dan l-għan, talab lill-Kummissjoni tħejji Pjan Direzzjonali sa tmiem l-2010, li fih ikunu elenkati l-passi meħtieġa lejn dan l-approċċ integrat. Il-Pjan Direzzjonali mbagħad jiġi aġġornat fl-2011 biex jirrifletti r-riżultati ta’ proġetti rilevanti u t-tagħlimiet miksuba mill-operazzjonijiet tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD).

Il-Kunsill appella wkoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil presidenzi futuri tal-Kunsill sabiex iżommu l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima bħala prijorità għall-azzjoni u sabiex jesploraw l-opportunitajiet u s-sinerġiji potenzjali li jistgħu jinkisbu mill-kooperazzjoni u l-appoġġ reċiproku fuq bażi transsettorjali u transkonfinali, inklużi l-aspetti tal-PESD kif inhu xieraq.

Aktar tagħrif:


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website