Navigation path

Left navigation

Additional tools

Konsumaturi: 70% tal-websajts li jbiegħu ringtones b'qerq regolarizzati wara investigazzjoni tal-UE

European Commission - IP/09/1725   17/11/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1725

Brussell, is-17 ta’ Novembru 2009

Konsumaturi: 70% tal-websajts li jbiegħu ringtones b'qerq regolarizzati wara investigazzjoni tal-UE

70% tal-websajts investigati minħabba bejgħ b'qerq ta' ringtones, wallpapers u servizzi oħra tal-mowbajl ġew soġġetti għal korrezzjoni jew ingħalqu, wara kampanja ta' 18-il xhar mill-UE f'isem il-konsumatur imwettqa minn 27 Stat Membru, in-Norveġja u l-Iżlanda. Minn Ġunju tal-2008 lil hawn, meta saru l-ewwel kontrolli, 301 websajt ġew investigati mill-awtoritajiet ta' infurzar nazzjonali għal ksur serju tal-liġi tal-konsumatur fl-UE. 70% tat-301 każ investigati issa ġew solvuti. 52% (159 websajt) ġew soġġetti għal korrezzjoni u 17% (54 websajt) għalqu. It-tliet problemi ewlenin li nstabu kienu: prezzijiet mhux ċari (pereżempju, it-tagħrif kien nieqes jew mhux komplut); tagħrif komplut dwar in-negozjant mhux ipprovdut; reklamar li jqarraq, b'mod partikolari, reklamar ta' ringtones bħala "b'xejn" meta l-konsumatur fil-fatt ikun marbut li jħallas abbonament. Fl-Italja, fi Frar u f'Mejju l-awtoritajiet ta' infurzar, bħala riżultat tal-kampanja, applikaw multi kbar ta' madwar 2 miljun Ewro fuq 9 kumpaniji ewlenin li nstabu fi ksur tal-liġi.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Konsumaturi, Meglena Kuneva qalet: "Din l-investigazzjoni mal-UE kollha kienet tweġiba diretta għal mijiet ta' talbiet ġejjin minn ġenituri u konsumaturi minn ħafna pajjiżi differenti tal-UE. Iż-żgħażagħ ma għandhomx għalfejn isibu ruħhom vittmi ta' ingann bħal reklamar b'qerq li jiġbidhom lejn abbonamenti tar-ringtones li jaħsbuhom b'xejn. U l-ġenituri ma għandhomx isibu sorpriżi koroh fil-kontijiet tat-telefown, meta wliedhom bi żball jagħmlu abbonamenti li jqumu aktar milli ħasbu. Dawn ir-riżultati juru li l-kooperazzjoni fl-infurzar mal-UE kollha tista' tagħmel differenza kbira fit-tindif tas-suq għall-konsumaturi. Din it-tip ta' azzjoni konġunta għall-infurzar hija fejn il-politika tal-konsumatur tal-UE se tikkonċentra l-isforzi tagħha fil-ġejjieni."

Dott. Paolo Saba, Direttur Ġenerali tad-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Awtorità Taljana tal-Antitrust qal, "Għall-Awtorità Taljana għall-Kompetizzjoni, din l-inizjattiva ta' infurzar kisbet riżultati importanti fl-interess tal-konsumaturi li jagħmlu tranżazzjonijiet onlajn u transkonfinali. Ir-riżultati jirrappreżentaw pass importanti lejn protezzjoni aktar effettiva tal-konsumaturi Ewropej u politika Ewropea aktar integrata ta' protezzjoni għall-konsumatur.

Is-suq

Aktar minn 495 miljun Ewropew għandhom mowbajl. Ir-ringtones waħedhom huma stmati li jirrappreżentaw 29% tas-suq ta' dak kollu li għandu x'jaqsam mal-mowbajs fl-Ewropa fl-2007 (madwar 10% aktar mill-2006). Il-valur tal-bejgħ Ewropew tar-ringtones fl-2007 huwa stmat għal EUR 691 miljun.

Riżultati tal-Istħarriġ tar-Ringtones 2008

  • Mit-301 websajt investigati, 70% tal-problemi issa nstabitilhom soluzzjoni. (159 ġew soġġetti għal korrezzjoni (52%), u 54 għalqu (17%) (ara t-tabella fil- MEMO/09/505 għaċ-ċifri għal kull Stat Membru).

  • Aktar minn nofs ta' dawn il-websajts kellhom fil-mira b'mod speċifiku lit-tfal (54%, 163 websajt) bl-użu ta' karattri tal-kartuns għat-tfal, personalitajiet magħrufa sewwa tat-TV jew kienu jeħtieġu l-kunsens tal-ġenituri.

  • Ħafna websajts urew irregolritajiet multipli. (ara l- MEMO/09/505 )

It-3 problemi ewlenin li nstabu fil-websajts investigati kienu:

  • 41% tal-websajts kollha kkontrollati kellhom xi irregolarità marbuta mal- informazzjoni dwar il-prezz tal-offerta (124 websajt minn 301). Fuq ħafna websajts l-informazzjoni dwar il-prezz ma kinitx kompluta jew ma kien hemm ebda referenza għalih - sakemm il-konsumatur jirċievi l-fattura permezz tal-kont tat-telefown. B'mod partikolari, f'każ ta' abbonament, il-kelma abbonament ma ssemmitx b'mod ċar jew il-perjodu tal-abbonament ma kienx ċar.

  • 75% tal-websajts kollha kkontrollati kellhom nieqsa xi informazzjoni meħtieġa biex isir kuntatt man-negozjant - isem in-negozjant, l-indirizz ġeografiku jew id-dettalji ta' kuntatt ma kinux kompluti (225 websajts minn 301). Dan huwa kontra l-liġi tal-UE (id-Direttivi dwar l-eKummerċ u l-bejgħ mill-bogħod - ara l- MEMO/09/505 ) li teħtieġ li jkun hemm id-dettalji ta' min jipprovdi s-servizz, inkluż l-indirizz elettroniku.

  • 35% tal-websajts investigati ppreżentaw l-informazzjoni b'mod li jqarraq (105 minn 301). L-informazzjoni dwar il-kuntratt kienet tidher fuq is-sit iżda moħbija f'ittri żgħar jew fejn diffiċli ssibha. Fi 28% tal-każijiet li fihom kien hemm qerq, is-servizzi kienu riklamati bħala "b'xejn", iżda l-konsumatur kien imqarraq u wara jsib li kien hemm ħlas jew li kien marbut f'kuntratt fit-tul.

L-Italja timponi multi ibsin

Fl-Italja (fi Frar u Mejju 2009), 9 kumpaniji li nstabu bi ksur tar-regoli matul l-istħarriġ, ġew im multati saħansitra madwar 2 miljun Ewro. Il-kumpaniji kienu Telecom Italia, Vodafone, Wind, Dada, Zed, H3G u Zeng, Fox Mobile u Tutto gratis. L-Awtorità Taljana tal-Antitrust qalet li dawn il-kumpaniji kellhom jingħataw multa peress li s-siti ma kinux qed jipprovdu informazzjoni ċara (pereżempju dwar l-għadd ta' ringtones għall-prezz imsemmi jew dwar kemm jiswew).

X'se jiġri issa?

L-awtoritajiet nazzjonali se jkomplu jaħdmu biex jikkonkludu l-każijiet li fadal. Is-sistema l-ġdida ta' investigazzjoni mal-UE kollha se tkompli, b'bosta kampanji oħra u azzjonijiet konġunti ppjanati għall-2009-2010.

Ara wkoll il- MEMO/09/505

Għal aktar informazzjoni, ara:

http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/sweep/mobile_phone/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website