Navigation path

Left navigation

Additional tools

Sajd: Il-Kummissjoni tilqa bi pjaċir l-azzjoni deċisiva tal-ICCAT biex issalva t-tonn u speċijiet oħrajn tal-baħar

European Commission - IP/09/1720   16/11/2009

Other available languages: EN FR DE ES IT PT EL

IP/09/1720

Brussell, is-16 ta’ Novembru 2009

Sajd: Il-Kummissjoni tilqa bi pjaċir l-azzjoni deċisiva tal-ICCAT biex issalva t-tonn u speċijiet oħrajn tal-baħar

Il-bieraħ il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), li ltaqat ħdejn Recife, il-Brażil, adottat għadd ta' pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali ġodda li jġibu l-opportunitajiet tas-sajd konformi mal-aħħar opinjonijiet xjentifiċi. Il-Kummissjoni Ewropea hija partikolarment sodisfatta bil-kunsens li ntlaħaq dwar il-pjan ta' rkupru li jindirizza l-qagħda tal-istokk tat-tonn tal-Lvant, li l-qabda totali permissibbli (TAC) tiegħu għall-2010 tnaqqset għall-13 500 tunnellata (meta mqabbel mat-22 000 tunnellata tal-2009). Dan se jkun akkumpanjat minn tnaqqis drastiku fil-kapaċità tas-sajd. L-ICCAT approvat ukoll miżuri addizzjonali ta' ġestjoni għall-pixxispad tal-Mediterran li, min-naħa waħda, jinforzaw il-protezzjoni tal-ħut mhux matur bl-egħluq iżjed strett tal-attivitajiet tas-sajd fl-aħħar perjodu tas-sena u, min-naħa l-oħra, jipprevedu l-adozzjoni ta' pjan ta' ġestjoni għal żmien twil fil-laqgħa tal-ICCAT tal-2010 abbażi tal-iżjed pariri xjentifiċi aġġornati.

Għal darb'oħra din is-sena, it-tonn kien ta' importanza kbira fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-ICCAT. L-ICCAT qablet dwar miżuri stretti ġodda ta' konservazzjoni biex jgħinu l-irkupru tal-istokk tat-tonn. Minbarra li l-kwota għall-2010 tnaqqset għal 13 500 tunnellata, l-istaġun tas-sajd bit-tartarun idur se jitnaqqas għal xahar wieħed fis-sena biss (bejn il-15 ta' Mejju u l-15 ta' Ġunju). Dan l-istaġun iqsar ma jistax jiġi estiż iżjed fil-każ ta' kundizzjonijiet tat-temp ħżiena. Bħala miżura ta' prekawzjoni addizzjonali, ġie maqbul li, f'każ li fl-2010 x-xjentisti jiskopru li jkun hemm xi riskju serju ta' kollass tal-istokk, is-sajd għat-tonn tal-Atlantiku tal-Lvant u għat-tonn tal-Mediterran jista' jiġi sospiż kompletament. Fl-2010 wkoll, wara li ssir valutazzjoni xjentifika ġdida u aġġornata, l-ICCAT se tadotta livelli tal-qabda li joffru probabbiltà qawwija li jippermettu lill-ispeċijiet biex jerġgħu jitkattru.

Il-kapaċità tas-sajd, jiġifieri d-daqs tal-flotta tas-sajd, se jkollha tiċkien fil-futur sabiex tkun konformi mal-allokazzjonijiet futuri tal-kwota.

Dawn il-miżuri kollha joħorġu mill-proposti ppreżentati mill-UE li rċevew appoġġ kbir u ġew addottati b'kunsens fis-sessjoni plenarja tal-bieraħ.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Joe Borg huwa kunfidenti li "dan is-sett ta' miżuri konkreti u ambizzjużi li qatt ma kien hemm bħalhom, se jwasslu għal progress deċisiv fil-ġestjoni u l-konservazzjoni ta' dan l-istokk ta' ħut li jemigra fil-Mediterran u l-Atlantiku. L-għan tagħna huwa li niżguraw ir-ritorn ta' stokk b'saħħtu tat-tonn u sajd vijabbli u sostenibbli għall-flotta tagħna. Huwa minnu li l-ICCAT kellha biċċa xogħol iebsa ħafna din is-sena, imma ma hemmx dubju li rnexxiela tegħleb din l-isfida."

Matul il-laqgħa, l-ICCAT irrevediet u ddiskutiet fit-tul ukoll il-kwistjoni tal-konformità u l-kontroll. L-UE ingħatat il-prosit mill-Partijiet għall-attivitajiet tal-kontroll li saru matul l-2009 fl-ambitu tal-qafas tal-Pjan ta' Skjerament Konġunt. Grazzi għal għadd ta' proposti tal-UE, ġew introdotti diversi miżuri ġodda ta' kontroll:

  • ġew adottati mekkaniżmi ġodda li se jgħinu lill-ICCAT biex tevalwa aħjar l-isforzi ta' kontroll tal-Partijiet;

  • format ġdid ta' rappurtar għall-ispezzjonijiet fuq il-baħar se jtejjeb l-effiċjenza tal-ispezzjonijiet li jsiru fl-ambitu tal-Iskema Internazzjonali tal-Ispezzjoni tal-ICCAT;

  • ġiet introdotta skema ġdida ta' sanzjonijiet, abbażi ta' punti, għall-dawk il-Partijiet Kontraenti li ma jirrispettawx l-obbligi tal-ICCAT;

  • laqgħat addizzjonali tal-Kumitat ta' Konformità u laqgħa "speċjali" ddedikata għall-kontroll, fil-bidu tal-2010, se jsegwu d-diversi aspetti tekniċi tal-infurzar u l-konformità;

Speċijiet oħrajn:

  • Dwar il-pixxispad fil-Mediterran : Sar progress sostanzjali fil-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' din l-ispeċi, kif ġie nnutat iktar kmieni ( MEX/09/1112 ).

  • Dwar il-kelb il-baħar : Mit-tliet proposti li ġew ippreżentati mill-UE (jiġifieri dwar il-pixxivolpi, il-pixxiplamtu u l-pixxitondu), l-ewwel waħda biss kisbet il-kunsens meħtieġ għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-ICCAT: din il-proposta ssejjaħ għall-projbizzjoni effettiva tal-qbid tal-pixxivolpi ta' għajnu kbira, flimkien ma' impenn min-naħa tal-Partijiet biex ma jagħmlux sajd dirett għall-ispeċijiet kollha li jiffurmaw parti mill-istess ġene.

  • Dwar it-tajr tal-baħar : Sfortunatament, proposta addizzjonali mill-UE li kienet se ssaħħaħ ir-rakkomandazzjonijiet attwali biex jonqos il-qbid sekondarju tat-tjur tal-baħar ma kisbetx kunsens. L-UE se tkompli tħeġġeġ lill-ICCAT biex tirreġistra l-progress li jsir fil-protezzjoni tat-tjur tal-baħar sa mill-bidu tal-2010.

Kumplessivament, il-Kummissjoni Ewropea hija sodisfatta bir-riżultat tal-laqgħa annwali tal-ICCAT u qed tistenna bil-ħerqa li taħdem b'mod kostruttiv mal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn u mal-partijiet interessati matul is-sena d-dieħla. Għal-laqgħa annwali li jmiss fl-2010, il-Partijiet aċċettaw proposta tal-UE li din issir ġewwa Pariġi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website