Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/1710

It-13 ta' Novembru 2009

L-ambjent: iż-żamma tal-ekosistemi f’qagħda tajba tagħmel sens għall-ekonomija u hija vitali għall-kontroll tat-tibdil fil-klima, qal il-Kummissarju Dimas

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, Stavros Dimas, illum se jenfasizza l-importanza li nagħtu valur lill-benefiċċji li nieħdu min-natura sabiex nipproteġuhom b’mod iktar effettiv. In-natura tipprovdi għadd kbir ta’ servizzi b’xejn, bħar-regolazzjoni tal-ilma, il-protezzjoni mill-għargħar u l-ħażna tal-karbonju. Iż-żied a tal-pressjoni fuq l-ekosistemi madwar id-dinja tfisser li l-forniment ta ħafna minn dawn is-servizzi huwa mhedded. Filwaqt li s-soluzzjonijiet teknoloġiċi jistgħu jieħdu post xi wħud minnhom, dawn is-soluzzjonijiet ħafna drabi jiswew ħafna flus. Għalhekk, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità huma pass essenzjali fil-mixja lejn ekonomija iktar sostenibbli, partikolarment minħabba li l-bijodiversità se jkollha rwol vitali jekk aħna rridu li jirnexxielna niġġieldu t-tibdil fil-klima. Il-Kummissarju Dimas se jniedi s-sejbiet f’rapport ewlieni mill-proġett tal-Ekonomija tal-Ekosistemi u tal-Bijodiversità (TEEB), studju globali indipendenti ewlieni kkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Il-kap tal-istudju, Pavan Sukhdev, se jippreżenta wkoll ir-rapport tat-TEEB għal dawk li jfasslu l-politika.

Il-Kummissarju Dimas qal: "Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport tat-TEEB huma ċari: in-nuqqas ta’ protezzjoni tan-natura ta’ spiss ikun konsegwenza tan-nuqqas tagħna li nifhmu l-valur tagħha. Aħna rridu nitgħallmu nagħtu valur lin-natura biex nipproteġuha b’mod iktar effettiv. Ta’ spiss ħafna, in-natura ftit li xejn titqies li għandha rilevanza ekonomika, jekk għandha, imma l-verità hija li din issostni u ssaħħaħ l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, u li tista’ toffri protezzjoni effettiva mit-tibdil fil-klima. Aħna mhux se jirnexxielna ntaffu t-tibdil fil-klima jew nadattaw ruħna għalih jekk mhux se nipproteġu l-ekosistemi ta’ valur, u mhux se jirnexxielna nwaqqfu t-telf tal-bijodiversità jekk se nonqsu milli nevitaw il-livelli perikolużi tat-tibdil fil-klima."

Il-kap tal-istudju tat-TEEB, Pavan Sukhdev, qal: "L-inviżibbiltà ekonomika tal-ekosistemi u tal-bijodiversità hija r-raġuni ewlenija għat-telf allarmanti tagħhom, minkejja l-valur ekonomiku enormi tagħhom għas-soċjetà. Il-ħażna tagħna tal-assi naturali, jew il-kapital naturali tagħna, huma importanti daqs l-assi magħmulin mill-bniedem jew il-kapital fiżiku. Li nagħrfu u li nippremjaw il-valur tal-benefiċċji li l-kapital naturali jagħti lis-soċjetà għandhom isiru prijoritajiet politiċi."

In-natura – investiment effettiv f’termini tan-nefqa

Ir-rapport juri li l-investiment fil-protezzjoni tal-ekosistemi jista’ jkun effettiv ħafna f’termini tan-nefqa. In-natura tappoġġa firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi u twessa’ l-għażliet tagħna għat-tkabbir ekonomiku fit-tul. Il-kapaċità tan-natura li tipprovdi servizzi vitali bħar-regolazzjoni tal-ilma ħelu u tal-klima, ta’ spiss tkun irħas mill-investiment fis-soluzzjonijiet teknoloġiċi. Iż-żoni protetti il-bażi tal-politiki ta konservazzjoni tagħna mhux biss huma tajbin għan-natura, imma jistgħu jiġġeneraw ukoll benefiċċji sinifikanti. Fl-Iskozja, il-benefiċċji pubbliċi tal-protezzjoni tan-netwerk tan-Natura 2000 (in-netwerk Ewropew taż-żoni protetti) huma stmati li huma tliet darbiet iktar mill-ispejjeż tagħha.

In-natura hija wkoll l-iktar mod effettiv f’termini tan-nefqa biex wieħed itaffi t-tibdil fil-klima u jadatta ruħu għalih. Minkejja l-isforzi sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima, huwa previst li r-riskju li jkun hemm perikli naturali se jiżdied bit-tibdil fil-klima. L-investimenti f’ekosistemi li jinsabu f’qagħda tajba se jkunu importanti sabiex ikun hemm protezzjoni mill-avvenimenti bħall-għargħar u l-maltempati. Dawn jerġa’ huma iktar attraenti meta wieħed iqis il-firxa wiesgħa ta’ servizzi li jipprovdu.

Is-sejbiet ikomplu jenfasizzaw il-ħtieġa li jintlaħaq ftehim f’Kopenħagen dwar azzjoni ta’ finanzjament biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (tas-CO 2 ) mill-qerda tal-foresti u mid-degradazzjoni tagħhom fil-pajjiżi tropikali (permezz ta’ skema magħrufa bħala r-REDD). Il-qerda tal-foresti u d-degradazzjoni tagħhom huma responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet globali tas-CO 2 – iktar milli mill-forom kollha tat-trasport f’daqqa. L-UE trid li l-ftehim ta’ Kopenħagen jistabbilixxi l-għan li sal-2020 il-qerda tal-foresti titnaqqas mill-inqas bin-nofs mil-livelli attwali u li, sal-2030, ikun waqaf kompletament it-telf globali tal-foresti. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li żżid il-finanzjament lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tinkludi dispożizzjonijiet biex tieqaf il-qerda tal-foresti (ara IP/09/1297 ).

L-isfidi quddiemna

Ir-rapport jenfasizza żewġ sfidi ewlenin għal dawk li jfasslu l-politika. L-ewwel sfida hija li nifhmu l-valuri tal-ekosistemi, tal-bijodiversità u tar-riżorsi naturali tagħna u li nintegrawhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-oqsma kollha tal-politika fil-livelli kollha – lokali, nazzjonali u globali. It-tieni sfida hija li nwieġbu b’mod effiċjenti u li nfasslu s-soluzzjonijiet tal-politika b’mod li dawn ikunu adattati għall-ħtiġijiet ta’ ekonomiji u ta’ soċjetajiet differenti. Il-fehim u l-kejl aħjar tal-valuri tal-bijodiversità u tal-ekosistema sabiex ikun hemm appoġġ għall-valutazzjonijiet integrati tal-politika huma parti ċentrali mis-soluzzjoni fit-tul.

L-isfond

It-TEEB tnieda mill-Ġermanja u mill-Kummissjoni Ewropea bħala tweġiba għall-proposta mill-Ministri tal-Ambjent tal-G8+5, li ltaqgħu f’Potsdam, il-Ġermanja fl-2007, li jsir studju globali indipendenti dwar l-ekonomija tat-telf tal-bijodiversità. Huwa mmexxi mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (l-UNEP) b’appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea, il-Ġermanja u r-Renju Unit, u reċentement ngħaqdu magħhom in-Norveġja, l-Olanda u l-Iżvezja.

Stqarrija għall-istampa tal-UNEP u r-rapporti kollha tat-TEEB huma disponibbli fuq il-websajt www.teebweb.org .

Il-konferenza stampa se ssir fis-14:00 fil-lukanda Sofitel Brussels Europe, li tinsab f’1 Place Jourdan, Brussell. Stqarrija għall-istampa f'forma ta' filmat hija disponibbli fuq il-websajt:

http://www.tvlink.org/media.php?type=video&chid=11&titleleft=Environment&order_by=date&chid=11&offset=5


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site