Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1683

Brussell, is-6 ta’ Novembru 2009

Sajd: il-ftuħ ta' laqgħa ta' importanza kbira tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT)

Għada se tiftaħ il-Laqgħa Annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) ġewwa Recife, il-Brażil. Il-kwistjonijiet ewlenin għall-UE li se jitqegħdu fuq il-mejda huma l-mod ta' kif jiġi żgurat l-irkupru tat-tonn tal-Atlantiku, b'mod partikolari billi titnaqqas il-qabda totali permissibbli (TAC) u l-kapaċità tas-sajd, it-tisħiħ tal-konformità mar-regoli tal-ICCAT u l-adozzjoni tal-miżuri korretti bbażati fix-xjenza għall-istokkijiet tal-ħut kollha. L-UE trid tiżgura li, barra mit-tonn, l-istokkijiet l-oħrajn li jeħtieġu l-attenzjoni jirċevuha u li jiġu adottati l-miżuri ta' konservazzjoni korretti sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tas-sajd relatat.

Il-Kunsill approva mandat solidu li l-Kummissjoni se tinnegozja f'isem l-UE fil-laqgħa tal-ICCAT ta' din is-sena. Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Joe Borg, iddikjara:

"Minkejja l-isforzi li saru mis-sajjieda Ewropej u l-progress milħuq, l-istat tat-tonn jeħtieġ iżjed sforzi. L-ICCAT teħtieġ li tikseb kontroll tas-sitwazzjoni din is-sena. Jeħtieġ li nimxu mal-pariri xjentifiċi b'mod strett f'dak li jirrigwarda t-tonn u l-istokkijiet tal-ħut l-oħra kollha kkonċernati. Il-qabda totali permissibbli għandha titnaqqas skont dan, u l-kapaċità ż-żejda tas-sajd trid tiġi indirizzata b'mod effettiv. Quddiemna għandna deċiżjonijiet ebsin imma dak huwa l-prezz li rridu nħallsu sabiex niżguraw il-futur tas-sajd ikkonċernat. L-UE ħa tisfrutta r-rwol tagħha kompletament bħala parteċipanta ewlenija f'dan is-sajd."

Għat-tonn tal-Lvant, is-sena l-oħra f'Marrakesh, l-ICCAT adottat reviżjoni ta' pjan ta' rkupru ta' 15-il sena, li jinkludi staġuni tas-sajd imnaqqsa, programm sabiex tonqos il-kapaċità tas-sajd u, għall-ewwel darba u mhux mistennija, sett ta' miżuri ta' kontroll. Madankollu, l-aħħar parir mill-Kumitat Xjentifiku tal-ICCAT jisħaq fuq il-ħtieġa li tonqos il-qabda totali permissibbli. Barra minn hekk, il-pjanijiet amministrattivi tal-kapaċità mill-pajjiżi tal-ICCAT iridu jiġu diskussi għal approvazzjoni fil-laqgħa tal-ICCAT li jmiss, kif previst fil-pjan ta' rkupru ta' Marrakesh. F'Recife se jiġi żgurat ukoll is-segwitu tal-laqgħa speċjali tal-Kumitat ta' Konformità tal-ICCAT f'Marzu li għadda ġewwa Barċellona. Għal stokkijiet ta' ħut oħrajn ta' importanza kbira, li jinkludu t-tonn ta' għajnu kbira, il-pixxispad tal-Atlantiku u tal-Mediterran u l-alonga tat-Tramuntana tal-Atlantiku, huma skedati pjanijiet amministrattivi multiannwali għar-reviżjoni jew l-istabbiliment. Ċerti pjannijiet, bħal dak għall-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku, taw prova ta' suċċess, imma jeħtieġ li jkun hemm iżjed adattamenti fid-dawl tal-aħħar tagħrif xjentifiku. Barra minn hekk, l-eżaminazzjoni tal-konformità mar-regoli tal-ICCAT għal dawn l-ispeċijiet għandha tkun kemm jista' jkun intiża bħal dik tal-obbligi għat-tonn.

F'dak li jirrigwarda l-klieb il-baħar, l-UE se tagħmel pressjoni għal miżuri ta' protezzjoni ambizzjużi, f'konformità mal-impenn tagħha fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal kelb il-baħar. B'mod partikolari din is-sena, l-UE se tippreżenta proposti għal miżuri sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-pixxiplamtu u l-pixxivolpi.

Il-Laqgħa Annwali ta' din is-sena tal-ICCAT se tkun bejn is-7 u l-15 ta' Novembru. L-ICCAT hija organizzazzjoni tas-sajd intergovernattiva responsabbli mill-konservazzjoni tat-tonn u speċijiet bħat-tonn fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra ta' madwaru. Din inħolqot fl-1966 u fil-preżent għandha 51 membru. Għal iktar dettalji, ara www.iccat.int


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website