Navigation path

Left navigation

Additional tools

Iż-Żona Unika għall-Ħlasijiet bl-Euro (SEPA) id-debiti diretti transkonfinali issa saru realtà

European Commission - IP/09/1665   03/11/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1665

Brussell, it-3 ta’ Novembru 2009

Iż-Żona Unika għall-Ħlasijiet bl-Euro (SEPA) id-debiti diretti transkonfinali issa saru realtà

(ara MEMO/09/489 )

Mit-2 ta' Novembru, il-banek se jibdew joffru lill-klijenti l-possibbiltà li jagħmlu pagament regolari permezz tal-iskema l-ġdida SEPA għad-Debiti Diretti. Dan ifisser li, għall-ewwel darba, il-konsumaturi u n-negozji se jkunu jistgħu jagħmlu transazzjonijiet tad-debitu dirett bejn pajjiżi differenti fiż-żona euro. Qegħdin jappoġġaw din l-iskema mmexxijja mill-industrija regoli ġodda tal-UE dwar servizzi ta' ħlas u pagamenti transkonfinali, fis-seħħ mill-1 ta' Novembru, li huma mfassla sabiex jiżguraw li d-Debiti Diretti SEPA jkunu faċli, effiċjenti u sikuri bħall-iskemi nazzjonali mingħajr ma jkunu iktar għaljin. Eluf ta' banek euro ġa nkitbu f'din l-iskema ġdida.

Il-Kummissarju tas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: "Din hija kisba sinifikanti oħra fit-triq lejn Żona Unika għall-Ħlasijiet bl-Euro. Bis-saħħa tal-isforzi tal-industrija u pjattaforma legali solida fil-livell tal-UE, il-ħlasijiet tad-debitu dirett issa jistgħu jsiru bejn pajjiżi differenti fiż-żona euro – aħbar tajba għall-konsumaturi, għan-negozji u għall-ekonomija kollha kemm hi. Dan huwa prodott ġdid u innovattiv għall-aħħar b'benefiċċji prattiċi reali, u nħeġġeġ lil dawk il-bank li bħalissa mhumiex jieħdu sehem fl-iskema biex jingħaqdu mal-euf li diġà nkitbu fiha."

Id-Debiti Diretti SEPA

Id-Debiti Diretti huma mod konvenjneti biex il-konsumaturi jwettqu pagamenti rikorrenti u mod effiċjenti għall-kumpaniji biex jiġbru l-flus bħal tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, tal-gass, u servizzi tat-telekomunikazzjoni kif ukoll abbonamenti f' ġurnali u rivisti. Debitu dirett jinbeda mill-kredituri, iżda l-klijenti dejjem għandhom id-dritt jiddeċiedu jaċċettawx je le debitu dirett fuq il-kont tal-bank tagħhom. Minkejja li d-debiti diretti huma użati ħafna fbosta pajjiżi taż-żona tal-euro, bħalissa għad m'hemmx skema pan-Ewropea implimentata li tagħmel dawn il-pagamenti possibbli minn fruntiera għall-oħra. Eluf ta' banek Ewropej ġa nkitbu f'din l-iskema ġdida mad-data tat-tnedija.

Il-pjattaforma legali tal-UE

Id-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas (DSĦ) tiżgura li l-ħlasijiet elettroniċi fl-UE – prinċipalment id-debiti diretti kif ukoll trasferimenti tal-kreditu u ħlasijiet għall-kards – isiru faċli, effiċjenti u sikuri daqs il-ħlasijiet domestiċi korrispondenti. Barra minn hekk, id-DSĦ issaħħaħ id-drittijiet u l-ħarsien tal-utenti kollha tas-servizz tal-ħlas, bħall-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri laħqu l-iskadenza tal-1 ta' Novmebru għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, filwaqt li l-bqija tal-Istati għandhom jagħmlu dan sal-aħħar tas-sena (b'żewġ eċċezzjonijiet: il-Finlandja u l-Iżvezja).

Ir-Regolament rivedut dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità jestendi l-prinċipju tal-imposti ugwali għall-ħlasijiet nazzjonali u transkonfinali f'euro (sa EUR 500 000) għad-debiti diretti. It-trasferimenti tal-kreditu, il-ħlasijiet elettroniċi (inklużi t-transazzjonijiet tal-kard) u l-ġbid tal-kontanti mill-ATM ġa ġew koperti mill-verżjoni preċedenti tar-Regolament. Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata t-tnedija tal-iskema SEPA tad-Debitu Dirett, ir-Regolament jintroduċi wkoll regoli temporanji dwar il-kummissjonijiet multilaterali tal-interkambju bejn il-banek, u jistabbilixxi skadenza għall-aċċessibbiltà totali għat-transazzjonijiet b'debitu dirett sa Novmebru 2010 fiż-żona euro. Għall-banek li mhumiex fiż-żona euro, l-iskadenza hija Novembru tal-2014.

Sfond – SEPA

Iż-Żona Unika għall-Ħlasijiet bl-Euro (SEPA) hija ż-żona li fiha ċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-atturi ekonomiċi l-oħra se jkunu jistgħu jagħmlu u jirċievu pagamenti f'euro, fi ħdan l-Ewropa, jew minn fruntiera għall-oħra jew fi ħdan il-fruntieri nazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet, drittijiet u obbligi bażiċi, ikunu fejn ikunu jinsabu. Fi kliem ieħor, pagamenti bl-euro madwar l-Ewropa kollha se jsiru faċli, irħas u siguri daqs il-pagamenti domestiċi.

Is-SEPA se tarmonizza l-miljuni ta' pagamenti elettroniċi ta' kuljum li jsiru permezz ta' trasferimenti ta' krediti, debiti diretti u kards tal-ħlas (kards ta' debitu u ta' kreditu). Is-SEPA se tippermetti li l-klijenti jagħmlu u jirċievu pagamenti bl-euro mingħajr flus kontanti fi kwalunkwe post fis-SEPA (jiġifieri fl-UE 27, kif ukoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera), billi jintużaw kont bankarju uniku u sett uniku ta' strumenti ta' ħlas. Is-SEPA għalhekk hija avvanz naturali wara l-introduzzjoni tal-euro u pass ieħor ewlieni fit-twettiq tal-potenzjal sħiħ tas-suq uniku għall-Ewropa .

Iż-Żona Unika għall-Ħlasijiet bl-Euro hija inizjattiva tal-industrija bankarja Ewropea, irrappreżentata mill-Kunsill Ewropew tal-Ħlasijiet li huwa appoġġat b'mod qawwi mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropea (BĊE).

Iktar tagħrif huwa disponibbli fuq:

Għas-SEPA:

http://ec.europa.eu/internal_market/payments/sepa/index_en.htm

Għad-Direttiva dwar is-Servizz ta' Ħlas:

http://ec.europa.eu/internal_market/payments/framework/index_en.htm

Għar-Regolament dwar il-Ħlas Transkonfinali

http://ec.europa.eu/internal_market/payments/crossborder/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website