Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1663

Brussell, it-3 ta’ Novembru 2009

Previżjonijiet tal-ħarifa għall-perjodu 2009-2011: l-ekonomija tal-UE taqbad it-triq ta' rkupru gradwali

Skont il-previżjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fil-ħarifa, l-ekonomija tal-UE għandha toħroġ mir-reċessjoni fl-aħħar sitt xhur ta' din is-sena, għalkemm il-PDG għas-sena 2009 kollha mistenni li jonqos b'madwar 4%. Il-previżjonijiet jindikaw rkupru gradwali, fejn il-PDG mistenni jiżdied bi ¾% fl-2010 u b'madwar 1½% fl-2011. L-irkupru tal-attività fi żmien qasir huwa dovut għal titjib fl-ambjent estern u fil-kundizzjonijiet finanzjarji, kif ukoll għall-miżuri sinifikanti ta' politika fiskali u monetarja li ddaħħlu fis-seħħ. Barra minn hekk, għadd ta' fatturi mistennija jnaqqsu d-domanda mis-settur privat u b'hekk ikompli jissaħħaħ l-irkupru. B'mod partikulari, il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol se jibqgħu dgħajfa u r-rata tal-qgħad fl-UE mistennija li tilħaq l-10¼%. Fl-2010, id-defiċit pubbliku huwa mistenni li jiżdied ukoll, għal 7½% tal-PDG, qabel ma jerġa' jinżel bi ftit fl-2011, hekk kif l-ekonomija terġa' taqbad u xi miżuri temporanji jiġu fi tmiemhom b'mod gradwali.

" L-ekonomija tal-UE ħierġa minn reċessjoni. Dan hu dovut l-aktar għall-miżuri ambizzjużi li ttieħdu mill-gvernijiet, mill-banek ċentrali u mill-UE, li mhux talli evitaw l-ikkrollar sistematiku iżda saħansitra taw bidu għall-irkupru. Madankollu, għad fadal ħafna sfidi għall-ġejjieni. Sabiex ma jintilifx il-momentum u biex tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tal-irkupru, huwa essenzjali li nkomplu nimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri kollha li tħabbru kif ukoll li ntemmu x-xogħol li sar biex nirranġaw is-sitwazzjoni tas-settur bankarju. Jeħtieġ ukoll li nibdew nippjanaw aktar f'termini ta' żmien medju, u nqisu liema jkun l-aħjar mod li bih nistgħu nindirizzaw l-effetti negattivi li l-kriżi ħalliet fuq is-swieq tax-xogħol, il-finanzi pubbliċi u t-tkabbir potenzjali", qal Joaquín Almunia, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

Wara li għaddiet mill-aktar reċessjoni qawwija, twila u tal-usa' ambitu fl-istorja tagħha, l-ekonomija tal-UE sabet punt mnejn tista' tibda tirkupra. F'dawn l-aħħar xhur deher titjib sostanzjali fis-sitwazzjoni ekonomika u fil-qagħda finanzjarja, li kien dovut l-aktar għall-azzjonijiet ta' politika fiskali u monetarja li ttieħdu għall-ewwel darba. Diversi indikaturi finanzjarji reġgħu laħqu l-livelli li kellhom qabel ma seħħet il-kriżi, filwaqt li l-kunfidenza qed tikber. Il-prospettivi għat-tkabbir u l-kummerċ fuq livell globali tjiebu wkoll, speċjalment fl-ekonomiji tas-suq ġodda. Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, flimkien ma' aġġustament favorevoli tal-inventarju, it-tkabbir tal-PDG fl-UE u fiż-żona tal-euro tul l-aħħar sitt xhur ta' din is-sena huwa mistenni li jieħu xejra pożittiva.

Irkupru gradwali imminenti

It-titjib tal-prospettivi fi żmien qasir fl-UE u f'pajjiżi oħra huwa dovut parzjalment għal xi fatturi temporanji. Hekk kif fl-2010 jibda jonqos l-impatt ta' dawn il-fatturi, l-attività globali x'aktarx li tgħaddi minn żmien diffiċli. B'hekk, iż-żieda fl-esportazzjoni mill-UE tul il-perjodu ta' previżjoni hija mistennija li sseħħ b'mod gradwali biss. Id-domanda domestika wkoll tiffaċċja għadd ta' ostakoli. Minħabba l-użu skars tal-kapaċità, il-prospetti pjuttost dgħajfa tad-domanda, iż-żieda modesta tar-rendiment u t-tkabbir moderat tas-self, l-investiment mhux mistenni li jirkupra qabel l-2011. Minkejja li l-konsum mis-settur privat kien fattur li fi żmien ir-reċessjoni ħalla effetti ta' stabbilizzazzjoni, l-infiq fil-perjodu li ġej mistenni li jkun limitat minħabba l-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-bilanċi domestiċi u l-prospetti dgħajfa tas-suq tax-xogħol. Il-konsegwenzi negattivi tal-kriżi finanzjarja previsti għall-produzzjoni potenzjali huma ostaklu ieħor għall-irkupru. Għaldaqstant, wara żieda li wera fil-bidu, it-tkabbir tal-PDG fl-UE u fiż-żona tal-euro huwa mistenni li jonqos xi ftit qabel ma jerġa' jibda jiżdied fl-aħħar sitt xhur tal-2010 u wara.

Is-suq tax-xogħol u l-finanzi pubbliċi taħt pressjoni

Filwaqt li s-suq tax-xogħol tal-UE rnexxielu jirreżisti r-reċessjoni aktar milli kien mistenni (l-aktar minħabba miżuri ta' politika għal żmien qasir, riformi preċedenti u eċċess ta' ħaddiema disponibbli f'xi Stati Membri), fit-trimestri li ġejjin huwa mistenni telf ta' impjiegi. Għal din is-sena huwa mistenni tnaqqis ta' madwar 2¼%, u fl-2010 dan mistenni jkompli b'madwar 1¼%. Lejn tmiem l-2010 u fis-sena ta' wara, hekk kif l-irkupru jkompli jissoda, x'aktarx li l-qagħda tax-xogħol issir aktar stabbli b'mod gradwali.

Il-finanzi pubbliċi ntlaqtu ħażin ukoll. Id-defiċit pubbliku fl-UE għal din is-sena huwa mistenni li jittripplika (joqrob is-7% tal-PDG, jiġifieri jiżdied meta mqabbel mat-2¼% li kien fl-2008) u fl-2010 jkompli jiżdied għal madwar 7½%. Din ix-xejra negattiva hija dovuta parzjalment għall-funzjonament ta' stabbilizzaturi awtomatiċi u għall-miżuri diskrezzjonali li ttieħdu biex jappoġġaw l-ekonomija, iżda turi wkoll tnaqqis straordinarju fid-dħul b'konsegwenza tal-qagħda ekonomika li marret għall-agħar. Fl-2001, hu mistenni li d-defiċit jonqos bil-mod, għal ftit inqas minn 7%, hekk kif l-attività ekonomika terġa' taqbad u xi miżuri temporanji jiġu fi tmiemhom. Madankollu, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG x'aktarx li jkompli jiżdied.

L-inflazzjoni tibqa' moderata

L-inflazzjoni fl-UE u fiż-żona tal-euro, li bħalissa tinsab f'livell baxx ħafna, mistennija li tiżdied xi ftit, iżda xorta tibqa' moderata tul dan il-perjodu ta' previżjoni. Fl-2010, il-medja tal-inflazzjoni tal-HICP mistennija tkun ftit aktar minn 1%, u madwar 1½% fl-2011, fiż-żewġ żoni li huma. Filwaqt li l-inflazzjoni mistennija li tiġi effettwata mill-prezzijiet ogħla tal-materja prima, it-tnaqqis sostanzjali fl-attività ekonomika u ż-żieda baxxa fil-pagi għandhom iħallu effett kontrarju li jikkontrolla din l-inflazzjoni.

Il-livell tal-inċertezza jibqa' għoli

Il-prospettivi tal-ekonomija tal-UE, waqt li ħierġa mir-reċessjoni, għadhom inċerti ħafna u huma suġġetti għal riskji li ma jistgħux jiġu injorati imma li jidhru li huma ekwilibrati. Jekk il-miżuri ta' politika jkunu effettivi aktar milli mistenni fit-tisħiħ tas-settur finanzjarju u fit-tkattir tal-kunfidenza, jew jekk id-domanda globali terġa' taqbad b'mod sinifikanti, l-irkupru jista' jseħħ b'rata ferm aktar mgħaġġla. Min-naħa l-oħra, l-effett tal-kundizzjonijiet dgħajfa tas-suq tax-xogħol u tal-ostakoli għall-investimenti jistgħu jkunu ferm ogħla milli mistenni. Barra minn hekk, jekk is-settur bankarju ma jirranġax il-bilanċi finanzjarji tiegħu, jista' jispiċċa f'qagħda fejn ma jkun jista' jagħti biżżejjed appoġġ għall-irkupru. Ir-riskji li hemm għall-perspettivi ta' inflazzjoni jidher li huma ekwilibrati.

It-tabelli ta' hawn taħt u t-test sħiħ tad-dokument ta' previżjoni huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article16051_en.htm

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED



Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website