Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1626

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2009

Telekomunikazzjonijiet: Il-Kummissjoni żżid l-azzjoni legali kontra r-Renju Unit dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta persunali

Il-Kummissjoni llum għaddiet għat-tieni fażi ta' proċedura ta' ksur kontra r-Renju Unit biex tipprovdi liċ-ċittadini tagħha bil-protezzjoni sħiħa tar-regolamenti tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali fl-użu ta' komunikazzjonijet elettroniċi. Il-liġijiet Ewropej jiddikjaraw li l-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tan-nies bħall-posta elettronika jew il-'browsing' bl-internet billi jipprojbixxu l-interċettazzjoni u s-sorveljanza illegali tagħhom mingħajr il-kunsens tal-utent. Billi dawn ir-regolamenti għadhom ma ddaħħlux fis-seħħ b'mod sħiħ fil-liġi nazzjonali tar-Renju Unit, il-Kummissjoni llum qalet li se tibgħat opinjoni motivata lir-Renju Unit.

“Il-privatezza tan-nies u l-integrità tad-dejta personali tagħhom fid-dinja diġitali mhijiex biss kwistjoni importanti, hija dritt uman, protett mil-liġi Ewropea. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni toqgħod attenta biex tiżgura li r-regoli u d-drittijiet Ewropej jiġu implimentati," qalet il-Kummissarju tal-UE għat-Telekomunikazzjonijiet Viviane Reding. “L-iżgurar tal-privatezza hija essenzjali għall-bini tal-fiduċja fl-internet. Għaldaqstant nitlob lill-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex ibiddlu l-liġijiet nazzjonali tagħhom sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini Britanniċi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-miżuri ta' protezzjoni stabbiliti fil-liġi tal-UE dwar il-kunfidenzjalità tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi."

Il-Kummissjoni żżomm il-pożizzjoni dwar il-fatt li r-Renju Unit qed jonqos milli jikkonforma mar-regoli tal-UE li jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħall-posta elettronika jew is-'surfing' fuq l-internet, li huma pprovduti fid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 2002/58/KE u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 95/46/KE . Dan isegwi analiżi bir-reqqa tar-reazzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit għall-ittra ta' notifika formali – l-ewwel fażi fi proċedura ta' ksur – li bagħtitilhom il-Kummissjoni fl-14 ta' April 2009 ( IP/09/570 ). Il-Kummissjoni varat din l-azzjoni legali wara l-inkjesta tagħha fuq ir-reazzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit għall-ilmenti taċ-ċittadini dwar l-użu ta' riklamar li jagħraf l-imġiba tal-utent minn dawk li jipprovdu s-servizzi tal-internet.

B'mod speċifiku, il-Kummissjoni identifikat tliet nuqqasijiet fir-regoli eżistenti tar-Renju Unit li jikkontrollaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi:

  • Ma hemm ebda awtorità nazzjonali indipendenti li tissorvelja l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet, għalkemm it-twaqqif tat-tali awtorità huwa meħtieġ taħt id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, b'mod partikulari biex jinstemgħu l-ilmenti dwar l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet.

  • Il-liġi attwali tar-Renju Unit – ir-Regolament tal-Att dwar is-Setgħat Investigatorji 2001 (RIPA) – tawtorizza l-interċezzjoni tal-komunikazzjonijiet mhux biss fejn il-persuni kkonċernati jkunu taw il-kunsens tagħhom għall-interċettazzjoni iżda anke meta l-persuna li qed tinterċetta l-komunikazzjonijiet għandha 'bażi raġonevoli biex temmen' li l-kunsens sabiex tagħmel hekk ġie mogħti. Dawn id-diżpożizzjonijiet tal-liġi tar-Renju Unit ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE li jiddefinixxu l-kunsens bħala indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqat tal-persuna mogħtija liberament.

  • Id - dispożizzjonijiet tar-RIPA li jipprojbixxu u jipprovdu sanzjonijiet f'każ ta' interċettazzjonijiet illegali huma limitati għall-interċettazzjonijiet 'intenzjonali' biss, filwaqt li l-liġi tal-UE tesiġi li l-Istati Membri jipprojbixxu u jiżguraw sanzjonijiet kontra kwalunkwe interċettazzjoni illegali b'mod independenti minn jekk isseħħx intenzjonalment jew le.

Ir-Renju Unit għandu xahrejn sabiex iwieġeb għal din it-tieni fażi ta' proċedura ta' ksur. Jekk il-Kummissjoni ma tirċievi ebda risposta, jew jekk it-tweġiba tar-Renju Unit ma tkunx sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Sfond

Id-Direttiva tal-UE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika tesiġi li l-Istati Membri jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u d-dejta dwar it-traffiku relatat billi jipprojbixxu l-interċettazzjoni jew is-sorveljanza illegali sakemm l-utenti konċernati ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għal dan (l-Artikolu 5(1) tad- Direttiva 2002/58/KE ). Id-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tispeċifika li l-kunsens tal-utent irid jkun 'mogħti liberament, speċifiku u infurmat' (l-Artikolu 2(h) tad- Direttiva 95/46/KE ). Barra minn hekk, l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jesiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet xierqa f’każ ta’ ksur u l-Artikolu 28 jgħid li awtoritajiet indipendenti għandhom jiġu inkarigati bis-superviżjoni tal-implimentazzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta japplikaw ukoll fil-qasam tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

Ħarsa dettaljata lejn il-proċeduri tal-ksur fil-qasam tat-telekomunikazzjoni tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/implementation_enforcement/infringement/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website