Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-mezzi tal-massa jista' jkollhom rwol ċentrali fil-qirda tal-faqar

European Commission - IP/09/1597   28/10/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1597

Brussell, 28 ta’ Ottubru 2009

Il-mezzi tal-massa jista' jkollhom rwol ċentrali fil-qirda tal-faqar

Il-Kummissjoni Ewropea llum qegħda tfittex l-għajnuna tal-gazzetti u tal-mezzi tal-massa fil-ġlieda kontra l-faqar b'żewġ okkażjonijiet ewlenin fi Brussell fid-dawl tas-Sena Ewropea Kontra l-Faqar 2010 - li se tiġi mnedija f'Madrid fil-21 ta' Jannar. Is-seminar dwar "Il-Faqar u l-Mezzi tal-Massa" u l-konferenza dwar "Il-Faqar: realtà u perċezzjonijiet - l-sfidia tal-komunikazzjoni" se jlaqqgħu l-ġurnalisti ewlenin u l-partijiet interessati biex jiddiskutu kif l-esperti tal-komunikazzjoni u l-mezzi tal-massa jistgħu jkollhom rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni.

"Aħna fl-UE għandna x-xorti li ngħixu f'wieħed mir-reġjuni l-aktar għonja tad-dinja, iżda l-faqar għadu realtà ta' kuljum għal madwar 80 miljun Ewropew," qal Vladimír Špidla, il-Kummissarju għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs. "F'Jannar, se nniedu s-Sena Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010. Il-professjonisti tal-mezzi tal-massa u l-komunikazzjoni għandhom rwol ċentrali biex din il-kampanja tkun suċċess u aħna qed nistednuhom jingħaqdu magħna matul is-sena d-dieħla."

Illum, is-seminar dwar "Il-Faqar u l-Mezzi tal-Massa" se jieħu lill-ġurnalisti li jispeċjalizzaw fil-faqar u l-esklużjoni soċjali minn madwar l-Ewropa kollha għal mawra ta' studju, flimkien ma' skambju ta' prassi professjonali. Żewġ gruppi ta' diskussjoni se jitmexxew minn ATD Fourth World and the Joseph Rowntree Foundation (UK), u tliet żjarat fil-post se jiġu organizzati fi Brussell, biex il-ġurnalisti jkollhom iċ-ċans li jintervistaw lil min qiegħed fil-livell l-aktar baxx tal-proċess.

Il-konferenza "Il-Faqar: bejn ir-realtà u l-perċezzjoni - l-isfida tal-komunikazzjoni" se ssir fid-29 ta' Ottubru b'aktar minn 400 ġurnalist, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-NGOs u r-riċerkaturi. se jiġu żvelati l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjoni tal-Ewropej dwar il-faqar u l-esklużjoni u dwar il-perċezzjonijiet tagħhom dwar l-impatt soċjali tal-kriżi. (ara IP/09/1585 u MEMO/09/480 ).

L-okkażjoni se tipprovdi forum ta' diskussjoni dwar kif il-mezzi tal-massa jħarsu lejn il-kwistjoni u kif il-komunikazzjoni tista' tkun strumentali għall-inklużjoni soċjali. F'dan il-forum se jitkellem il-President José Manuel Barroso permezz ta' vidjo kif ukoll il-Kummissarju Vladimír Špidla.

Sfond

Għaxar snin ilu, il-mexxejja tal-UE wegħdu li 'jwettqu impatt deċiżiv fuq il-qirda tal-faqar' sal-2010. Illum iżda, għadd sinifikanti ta' Ewropej għadhom jgħixu fil-faqar u għandhom aċċess limitat għas-servizzi bażiċi bħall-kura tas-saħħa. Il-faqar u l-esklużjoni mhux biss jaffettwaw il-benesseri tal-individwu u l-kapaċità tiegħu li jkollu rwol fis-soċjetà; iħallu wkoll effett negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku. Meqjus dan, l-UE qegħda tenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà kollettiva fil-ġlieda kontra l-faqar, billi tinvolvi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u kull min huwa involut fl-oqsma pubbliċi u privati. Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010 se tfittex li tagħti leħen lill dawk li jsofru fuq bażi ta' kuljum. Il-websajt uffiċjali għas-Sena Ewropea Kontra l-Faqar se tiġi mnedija fid-29 ta' Ottubru fuq http://www.2010againstpoverty.eu

Aktar tagħrif

Il-Programm

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=88&langId=en&eventsId=211&furtherEvents=yes

Rapport dwar l-istħarriġ tal-Ewrobarometru

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_321_en.pdf

Sena Ewropea Kontra l-Faqar

www.2010againstpoverty.eu

Inkiteb fin-newsletter bl-e-mail mingħajr ħlas tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjieg, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs

http://ec.europa.eu/social/e-newsletter


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website