Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet konkreti biex ittejjeb il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-UE

European Commission - IP/09/1593   28/10/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1593

Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2009

Il-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet konkreti biex ittejjeb il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-UE

Il-Kummissjoni laħqet qbil dwar Komunikazzjoni li timmira li ttejjeb il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-UE. It-tnaqqis qawwi reċenti fil-prezzijiet tal-kommoditajiet agrikoli fl-istess waqt ta' prezzijiet tal-ikel għall-konsumaturi persistentement għolja ħoloq preokkupazzjonijiet dwar l-effiċjenza ta' dan is-settur kruċjali fl-ekonomija Ewropea. It-titjib tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-atturi fil-katina ser ikun pass sinifikanti lejn katina tal-provvista tal-ikel aktar effiċjenti li fl-aħħar mill-aħħar tkun għall-ġid tal-atturi kollha fil-katina u l-konsumaturi kollha bl-istess mod.

" Huwa importanti li għall-atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, il-konsumaturi u l-fassala tal-politiki, tiżdied it-trasparenza tal-prezzijiet matul il-katina tal-provvista. L-għodda l-ġdida Ewropea għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel hija pass 'il quddiem importanti f'din id-direzzjoni, " qal Joaquín Almunia, il-Kummissarju tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali, qalet: "Kif urew żviluppi reċenti fis-suq tal-ħalib, spiss ma jkunx hemm rabta bejn il-prezz li jirċievi l-bidwi u dak li jħallas il-konsumatur fil-ħwienet. Flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, ser nirduppjaw l-isforzi tagħna biex niżguraw li l-katina tal-provvista tiffunzjona b'mod effikaċi mill-farm għall-furketta. Ser nitlob lill-Grupp Espert ta' Livell Għoli dwar il-Ħalib biex jistudja fid-dettall il-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport u fejn meħtieġ jirrakkomandaw azzjoni. Neħtieġu niżguraw li l-bdiewa tagħna tal-ħalib ikun jista' jkollhom għajxien deċenti kemm illum kif ukoll għada. U dan jgħodd ukoll għall-produtturi tal-prodotti l-oħra tal-biedja."

Il-Komunikazzjoni tal-lum tipproponi azzjonijiet ta' politika konkreti fil-livelli tal-Istati Membru u tal-UE biex jittejjeb il-funzjonament tal-katina tal- provvista tal-ikel fl-UE.

Il-katina tal-provvista tal-ikel tinvolvi setturi importanti - l-industrija agrikola u tal-ipproċessar tal-ikel u d-distribuzzjoni - li b'kollox tirrappreżenta aktar minn 7 % tal-impjiegi Ewropej. Dawn is-setturi għandhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini kollha, billi l-ikel jirrappreżenta medja ta' 16 % tan-nefqiet tal-unitajiet domestiċi. Għalhekk huwa essenzjali li l-katina tal-provvista tal-ikel tiffunzjona tajjeb biex jitfornew prodotti tal-ikel ta' kwalità u sikuri bi prezzijiet aċċessibbli.

L-iżviluppi fil-prezzijiet tal-ikel għal xi żmien kienu qed joħolqu preokkupazzjonijiet dwar il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel. It-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-kommoditajiet agrikoli fl-2008 sal-lum ma rnexxielux jissarraf fi prezzijiet orħos tal-ikel fil-livelli tal-produttur jew tal-konsumatur. Dan partikolarment ħareġ biċ-ċar fis-settur tal-ħalib fl-aħħar xhur.

Il-Komunikazzjoni tidentifika tensjonijiet sinifikanti fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-atturi tal-katina, li jirriżultaw mid-diversità u d-differenzi tagħhom fis-setgħa fin-negozjati. Tisħaq ukoll in-nuqqas ta' trasparenza tal-prezzijiet matul il-katina tal-ikel kif ukoll fiż-żieda tal-varjabbiltà tal-prezzijiet tal-kommoditajiet. Fl-aħħar nett, turi li s-suq intern tal-ikel għadu fframmentat fil-prodotti u fl-Istati Membri.

Sabiex jingħelbu l-isfidi identifikati u jittejjeb il-funzjonament tal-katina, il-Kummissjoni tipproponi li:

  • Tiġi promossa relazzjonijiet sostenibbli u kummerċjali bejn il-partijiet interessati fil-katina tal-provvista tal-ikel:

  • Il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri biex jiġu identifikati aħjar prattiki kuntrattwali inġusti li jirriżultaw minn assimetriji fis-setgħa fin-negozjati, biex tiżdied il-kuxjenza tal-atturi dwar il-kwistjoni u biex tiffaċilita n-notifika ta' abbużi potenzjali;

  • F'kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni, il-Kummissjoni ser tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi tal-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni matul il-katina.

  • Tiżdied it-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel:

  • Il-Kummissjoni llum qed tippubblika l-ewwel verżjoni tal-għodda Ewropea tal-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel li ser tgħin biex jinftihem aħjar kif jevolvu l-prezzijiet tal-ikel u tappella lill-Istati Membri biex iwaqqfu servizzi ta' tqabbil tal-prezzijiet tal-ikel għall-konsumaturi, fuq l-internet u li jkunu faċilment aċċessibli.

  • Il-Kummissjoni qed tipprovdi wkoll sensiela ta' miżuri biex tittejjeb is-sorveljanza tas-suq tad-derivati tal-kommoditajiet agrikoli bil-ħsieb li jiġu llimitati l-varjabbiltà u l-ispekulazzjoni.

  • Tisseddaq l-integrazzjoni tas-suq intern tal-ikel u l-kompetittività fis-setturi kollha tal-katina tal-provvista tal-ikel:

  • Il-Kummissjoni ser tirrevedi standards ambjentali magħżula u skemi tat-tikkettar tal-oriġini li jistgħu jxekklu l-kummerċ transkonfinali;

  • Il-Kummissjoni ser tivvaluta miżuri li jindirizzaw il-prattiki ta' limiti territorjali ta' provvista li bihom il-fornituri "jisfurzaw" lill-bejjiegħa bl-imnut biex ibiegħu lokalment.

  • Speċifikament fis-settur primarju, għandu jiġi investigat dwar kif il-pożizzjoni tal-bdiewa fin-negozjati tista' tissaħħaħ, pereżempju, bil-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, fiwaqt li jitħarsu r-regoli tal-kompetizzjoni ġusta. Dan jista' jseħħ, pereżempju, kemm fil-kuntest tal-politika tal-Iżvilupp Rurali, kif ukoll fil-kuntest tal-PAK ta' wara l-2013.

Il-Kummissjoni ser tirrapporta dwar il-progress ta' dawn il-proposti sa tmiem l-2010. Billi l-involviment tal-partijiet interessati u l-Istati Membri huwa essenzjali għas-suċċess ta' dawn l-inizjattivi, tipproponi li twessa' s-sħubija, l-istatus u l-mandat tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-kompetittività tal-industrija agroalimentari għall-ħolqien ta' forum ta' diskuzzjoni dwar il-katina tal-provvista tal-ikel.

Din il-Komunikazzjoni hija l-eżitu ta' Grupp ta' Inkarigu fost is-servizzi, immexxija mid-Direttorati Ġenerali AGRI u ECFIN, li fih ikkontribwew attivament is-servizzi tal-Kummissarji Kroes u Kuneva.

Sfond

Il-Kummissjoni kienet qed issegwi l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-ikel bħala parti mill-eżerċizzju tal-monitoraġġ tas-swieq varat fil-kuntest tal-Analiżi tas-Suq Uniku 2007. F'Diċembru 2008, ippubblikat rapport interim dwar "Il-Prezzijiet tal-Ikel fl-Ewropa" bi pjan strutturat li jidentifika d-direzzjonijiet ewlenin għall-azzjonijiet ta' politika.

It-test sħiħ tal-Komunikazzjoni jinsab fis-sit:

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article16028_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website