Navigation path

Left navigation

Additional tools

Disgħa minn kull għaxar Ewropej iridu azzjoni urġenti dwar il-faqar.

European Commission - IP/09/1585   27/10/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1585

Brussell, 27 ta’ Ottubru 2009

Disgħa minn kull għaxar Ewropej iridu azzjoni urġenti dwar il-faqar.

Tlieta u sebgħin fil-mija tal-Ewropej iqisu l-faqar bħala problema mifruxa ma' kullimkien f'pajjiżhom filwaqt li 89 % iridu azzjoni urġenti mill-gvern tagħhom biex tinstab soluzzjoni għall-problema. Dawn huma r-riżultati ewlenin minn stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru dwar x'jaħsbu n-nies dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali, ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea llum. L-istħarriġ qed jiġi ppreżentat bħala tnedija tas-Sena Ewropea Kontra l-Faqar 2010.

"Dawn ir-riżultati juru li l-Ewropej għandhom għarfien qawwi tal-problemi tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fis-soċjetà tal-lum u jixtiequ li jsir aktar biex tinstab soluzzjoni," qal Vladimír Špidla, il-Kummissarju tal-Affarijiet Soċjali. "Filwaqt li l-biċċa l-kbira tan-nies iqisu l-gvern nazzjonali tagħhom bħala l-ewwel istituzzjoni responsabbli, tliet kwarti tan-nies jistennew ukoll li l-UE jkollha rwol importanti. Is-Sena Ewropea tas-sena d-dieħla tagħtina l-isbaħ opportunità biex nagħtu prominenza lill-ġlieda kontra l-faqar madwar l-UE."

Fuq sfond ta' swied il-qalb ta' madwar 80 miljun ruħ - jew 16 % tal-popolazzjoni tal-UE - li jgħixu taħt il-linja tal-faqar, u li jiltaqgħu ma' xkiel serju meta jfittxu l-aċċess għax-xogħol, l-edukazzjoni, id-djar, is-servizzi soċjali u finanzjarji, l-istħarriġ tal-lum jiżvela l-ħafna aspetti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom għarfien qawwi tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, bi 73 % li jħossu li l-faqar f'pajjiżhom huwa mifrux.

Ir-rati ta' qgħad għolja (52 %) u l-pagi baxxi (49 %) huma l-ispjegazzjonijiet l-aktar komuni li jingħataw bħala tort tas-soċjetà għall-faqar, flimkien ma' benefiċċji soċjali u pensjonijiet (29 %) mhux suffiċjenti u l-ispejjeż eċċessivi biex wieħed ikollu dar diċenti (26 %). Mill-banda l-oħra, in-nuqqas ta' edukazzjoni, taħriġ jew snajja' (37 %), kif ukoll il-"wirt" ta' faqar (25 %) u ta' vizzji (23 %) huma l-aktar spjegazzjonijiet komuni li jingħataw għall-faqar bħala tort "personali".

Aktar minn nofs tal-popolazzjoni Ewropea (56 %) jemmnu li min hu bla xogħol jinsab f'riskju akbar ta' faqar, filwaqt li 41 % jemmnu li l-anzjani huma l-aktar vulnerabbli, u 31 % isemmu lil dawk li għandhom livell baxx ta' edukazzjoni, taħriġ jew snajja'.

Kważi disgħa minn kull għaxra fl-Ewropa (87 %) jemmnu li l-faqar huwa ta' xkiel biex wieħed ikollu l-opportunità ta' aċċess għal dar diċenti, tmienja minn għaxra jħossu li l-faqar jillimita l-aċċess għal edukazzjoni għolja jew tagħlim għall -kbar, u 74 % jemmnu li l-faqar itellef lil min ikun qed ifittex xogħol. Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej (60 %) jemmnu li l-aċċess għall-edukazzjoni skolastika bażika diċenti huwa affettwat, u 54 % jemmnu li l-kapaċità li wieħed iżomm grupp ta' ħbieb jew ta' nies li jafhom hija limitata mill-faqar.

Bħala medja, 89 % tal-Ewropej jgħidu li teħtieġ azzjoni urġenti mill-gvern nazzjonali tagħhom biex tinstab soluzzjoni għall-faqar. Madwar l-Ewropa, 53 % iħossu li fil-ġlieda kontra l-faqar l-ewwelnett huma responsabbli l-gvernijiet tagħhom. Anki jekk l-Ewropej ma jqisux l-Unjoni Ewropea bħala l-ewwel responsabbli fil-ġlieda kontra l-faqar, ir-rwol tagħha xorta waħda jitqies bħala importanti minn ħafna (28 % jarawh bħala "importanti ħafna", u 46 % bħala "importanti mhux ħażin").

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar bejn it-28 ta' Awwissu u s-17 ta' Settembru 2009. B'kollox, madwar 27 000 ċittadin fl-Istati Membri kollha tal-UE ġew intervistati wiċċ imbwiċċ, wara għażla bl-addoċċ ta' dawk li wieġbu.

Sfond

Għaxar snin ilu, il-mexxejja tal-UE wegħdu li 'jwettqu impatt deċiżiv fuq il-qirda tal-faqar' sal-2010. Illum iżda, għadd sinifikanti ta' Ewropej għadhom jgħixu fil-faqar u għandhom aċċess limitat għas-servizzi bażiċi bħall-kura tas-saħħa. Il-faqar u l-esklużjoni mhux biss jaffettwaw il-benesseri tal-individwu u l-kapaċità tiegħu li jkollu rwol fis-soċjetà; iħallu wkoll effett negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku. Meqjus dan, l-UE qegħda tenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà kollettiva fil-ġlieda kontra l-faqar, billi tinvolvi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u kull min huwa involut fl-oqsma pubbliċi u privati. Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010 se tfittex li tagħti leħen lill dawk li jsofru fuq bażi ta' kuljum.

Aktar tagħrif

Memo/0 9/480

Rapport dwar l-istħarriġ tal-Ewrobarometru

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_321_en.pdf

Sena Ewropea Kontra l-Faqar

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=637

Inkiteb fin-newsletter bl-email mingħajr ħlas tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjieg, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs

http://ec.europa.eu/social/e-newsletter


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website