Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Konsumaturi: L-UE għandha tistabbilixxi standards ġodda ta' sikurezza għall-prodotti tal-irqad għal trabi tat-twelid u għat-tfal żgħar

Commission Européenne - IP/09/1554   21/10/2009

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1554

Brussell, 21 ta’ Ottubru 2009

Konsumaturi: L-UE għandha tistabbilixxi standards ġodda ta' sikurezza għall-prodotti tal-irqad għal trabi tat-twelid u għat-tfal żgħar

Standards ġodda ta' sikurezza għall-affarijiet marbuta mal-irqad tat-tfal – inkluż kutri, sleeping bags tat-trabi u saqqijiet tal-kott – li għandhom jgħinu biex jiġu evitati ħafna aċċidenti relatati mal-kott, ġew approvati illum mill-Istati Membri tal-UE. Il-vot sar fil-Kumitat dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodott fi Brussell. Aċċidenti relatati mal-kott huma responsabbli għal aktar imwiet fit-tfulija kull sena minn kwalunkwe prodott ieħor ta' kura tat-tfal 1 . Skont il-Bażi ta' Dejta Ewropea dwar il-Korrimenti, bejn l-2005-2007, 17 000 aċċident li involva tfal minn 0 sa 4 snin fl-UE ġara fil-kott. Minkejja l-frekwenza ta' aċċidenti serji u xi kultant fatali kkawżati minn saqqijiet tal-kott, bumpers tal-kott, sodod imdendlin tat-trabi, kutri tat-tfal u sleeping bags tat-trabi, attwalment m'hemm l-ebda standard ta' sikurezza tal-UE għal dawn il-prodotti. L-istandards il-ġodda proposti se jnaqqsu r-riskju tal-aċċidenti minn, pereżempju, fgar ikkaġunat minn partijiet laxki, qbid ta' trabi minħabba d-disinn ħażin tas-saqqu jew aċċidenti ta' asfissija kkaġunati minn ċintorini jew ingases. Se jiġu introdotti wkoll standards oħra neċessarji, bħar-rekwiżiti ta' stabbilità u disinn biex jitnaqqas ir-riskju ta' waqgħat u korrimenti minn sodod imdendlin għat-trabi. Ir-rekwiżiti ta' sikurezza proposti huma issa suġġett għal perjodu ta' skrutinju ta' tlett xhur fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u mbagħad se jintbagħtu lill-Kulleġġ tal-Kummissjarji biex tittieħed deċiżjoni formali qabel ma jintbagħtu lill-entitajiet ta' standardizzazzjoni Ewropej.

Il-Kummissarju tal-UE tal-Affarijiet għall-Konsumatur Meglena Kuneva qalet, "Il-ġudizzju dwar kif wieħed għandu jimmaniġġja bl-aħjar mod is-sikurezza tat-tfal tiegħu se jitħalla f’idejn kull ġenitur jew kull min jieħu ħsieb it-tfal. Ir-responsabilità tagħna hija li l-ġenituri li jagħżlu li jużaw dawn il-prodotti m'għandhomx għalfejn joqogħdu jinkwetaw dwar is-sikurezza tagħhom. Għandna nkunu viġilanti f'isem l-aktar konsumaturi vulnerabbli tagħna. L-istruzzjonijiet għandhom ikunu ċari ħafna, il-prodotti għandhom ikunu sikuri kemm nistgħu nagħmluhom u għandhom jirreżistu t-testijiet kollha neċessarji ta’ sikurezza."

Is-sitwazzjoni attwali:

L-istandards li ġew ivvotati illum huma parti minn mira aktar wiesgħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex jaġġornaw varjetà wiesgħa ta' standards ta' sikurezza għall-prod otti tat-tfal fl-UE. Hemm evidenza estensiva mad-dinja kollha li l-prodotti tat-trabi huma responsabbli għal numru għoli ħafna ta' aċċidenti u korrimenti kmieni fit-tfulija. Pereżempju, fl-Istati Uniti fl-2007, id-dipartimenti tal-emerġenza trattaw madwar 62 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin għal korrimenti assoċjati ma' prodotti tat-trabi.

Fl-2007-2008, il-Kummissjoni Ewropea għamlet studju, wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, li identifika l-aktar prodotti tat-trabi li huma ta' riskju għoli, li għalihom jew m'hemm l-ebda standard ta' sikurezza jew l-istandard eżistenti ma jkoprix ir-riskji kollha. Il-ħames prodotti li kienu s-suġġett tal-vot tal-lum kienu fost il-prodotti identifikati f'dan l-istudju.

Il-problemi tal-affarijiet marbuta ma l-irqad tat-tfal

Ir-riskji ewlenin assoċjati ma dawn il-prodotti huma kif ġej:

Saqqijiet tal-kott. Ir-riskji ewlenin huma qbid u fjammabbiltà. Pereżempju, qbid tat-tarbija minħabba problemi ta' disinn eż. daqs mhux xieraq - is-saqqu huwa żgħir wisq u jħalli spazji fejn it-tifel/tifla jista'/tista' jinqabad/tinqabad jew jifga/tifga. Riskji wkoll minħabba n-nuqqas li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' fjammabbiltà.

Sleeping bags għat-trabi u cot bumpers . Riskji ewlenin huma marbuta ma' tgħalliq, soffokazzjoni u fgar, minħabba ċ-ċintorini, l-ingassi, partijiet li jinqalgħu jew materjali tal-mili li jillaxka.

Kutri tat-tfal. Riskji ewlenin huma marbuta ma' soffokazzjoni u ipertermija. Mingħajr informazzjoni adegwata ta' sikurezza, dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-inċidenza tas-Sindromu tal-Mewt għall-Għarrieda tat-Trabi ( Sudden Infant Death Syndrome - SIDS) minħabba sħana żejda u asfissija.

Sodod imdendla tat-trabi. Ir-riskji ewlenin huma soffokazzjoni, qbid jew korriment, minħabba disinn ħażin – b'mod partikolari instabbilità jew nuqqas ta' integrità strutturali (għal sodod imdendla).

Il-Kuntest

Kuljum, it-trabi tat-twelid jorqdu medja ta' 16-il siegħa, u fl-età ta' 3-5 snin it-tfal jibqgħu jorqdu għal 11-13-il siegħa kuljum . It-trabi u t-tfal żgħar iqattgħu ta' mill-inqas nofs il-ġurnata jew aktar f'ambjent ta' rqad fl-ewwel ħames snin ta' ħajjithom. Il-prodotti fl-ambjent tal-irqad għandhom ikunu sikuri, għaliex dan hu fejn it-trabi u t-tfal żgħar huma regolarment afdati waħedhom għal perjodi twal .

Il-proposti

L-istandards il-ġodda tal-UE se jintroduċu rekwiżiti ġodda ta' saħħa li jimmiraw li jtejbu s-sikurezza ġenerali ta' dawn il-prodotti. Pereżempju, saqqijiet tal-kott se jkollhom jiġu ddisinjati b'tali mod li jnaqqsu r-riskji ta' qbid jew asfissija billi jiżguraw li m'hemmx spazji bejn is-saqqu u l-bażi tal-kott, u li t-tfal fis-sodda ma jistgħux jerfgħu s-saqqu faċilment. Sleeping bags tat-trabi, kutri tat-tfal u cot bumpers mhux se jkunu permessi li jkollhom ċintorini, ingassi, partijiet żgħar li jinqalgħu jew truf li jaqtgħu li jistgħu jwasslu għall-tgħalliq, soffokazzjoni jew korrimenti oħra. It-twissijiet u l-istruzzjonijiet se jkollhom jinkludu messaġġi ċari dwar kwalunkwe riskju speċifiku marbut ma' kull prodott, u r-rekwiżiti tal-iġjene huma wkoll inklużi. Ara MEMO/09/473 .

Xi jmiss

Il-proposta tal-Kummissjoni se tkun eżaminata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill (perjodu ta’ skrutinju ta’ tliet xhur) u mbagħad tgħaddi għand il-Kulleġġ tal-Kummissarji għal deċiżjoni formali. Wara jintbagħat mandat għand is-CEN (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni) biex jibda jaħdem fuq l-istandards il-ġodda tal-prodotti, li jista’ jieħu aktar minn sentejn.

Il-link għall-istudju :

http://ec.europa.eu/consumers/safety/projects/ongoing-projects_en.htm#project_results .

1 :

Il-Kummissjoni tal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza tal-Prodott tal-Konsumatur (CPSC), 2009


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site