Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1552

Brussell, il-21 ta' Ottubru 2009

Proċedura tal-ażil waħdanija u aktar ġusta għal status uniformi fl-UE: inqiegħdu l-aħħar ġebliet f'posthom fil-binja tal-protezzjoni internazzjonali

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposti biex temenda żewġ strumenti leġiżlattivi eżistenti tas-Sistema Komuni Ewropea għall-Ażil: id-Direttiva dwar il-kwalifiki u l-istatus tal-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u d-Direttiva dwar il-proċeduri tal-ażil.

Dawn l-emendi jsegwu l-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni f'Diċembru 2008 u fl-2009 għall-implimentazzjoni tal-Programm tal-Aja u l-Pjan ta' Politika dwar l-Ażil: id-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza ta' dawk li jkunu qed jitolbu ażil, ir-Regolament ta' Dublin, ir-Regolament Eurodac, ir-Regolament dwar l-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ tal-Ażil u l-iskema konġunta tal-UE dwar ir-reinstallazzjoni. Il-miżuri ppjanati għandhom l-għan li joffru livell għoli ta' protezzjoni lill-vittmi tal-persekuzzjonijiet, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fil-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Fl-istess ħin, il-proposti huma mistennija li jtejbu l-koerenza bejn l-istrumenti tal-ażil tal-UE, u jissimplifikaw u jikkonsolidaw l-istandards tal-protezzjoni sostantivi u proċedurali madwar l-Unjoni, biex b'hekk iwaqqfu l-frodi u jtejbu l-effiċjenza tal-proċess tal-ażil.

Il-Viċi-President Jacques Barrot, il-Kummissarju responsabbli għal-Libertà, il-Ġustizzja u s-Sigurtà ddikjara: "Illum il-Kummissjoni qed tpoġġi l-aħħar ġebliet fil-binja tas-Sistema Komuni Ewropea għall-Ażil. Sar progress sinifikanti fis-snin riċenti b'riżultat tal-implimentazzjoni ta' standards komuni, iżda għad hemm diskrepanzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Il-proposti tagħna jirrappreżentaw pass importanti 'l quddiem lejn il-kisba ta' standards ogħla ta' protezzjoni, kundizzjonijiet aktar ugwali u kif ukoll aktar effiċjenza u koerenza għas-sistema".

Id-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni

B’mod partikolari, il-proposta għandha l-għan li:

  • tiċċara ċerti kunċetti legali użati sabiex jiddefinixxu r-raġunijiet għall-protezzjoni, bħal "atturi tal-protezzjoni", "protezzjoni interna" jew "sħubija fi grupp soċjali partikolari". Pereżempju, kwistjonjiet ta' sess se jitqiesu aħjar meta tiġi vvalutata applikazzjoni. Dawn il-kjarifiki se jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex japplikaw il-kriterji b'mod aktar robust u jidentifikaw aktar malajr persuni li jeħtieġu l-protezzjoni u dawk li ma jeħtiġuhiex;

  • telimina d-differenzi fil-livell tad-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u l-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja li m'għadhomx jistgħu jitqiesu bħala ġustifikati. L-emendi jirrigwardaw it-tul tal-permessi tar-residenza, l-aċċess għall-benefiċċji soċjali, il-kura tas-saħħa u s-suq tax-xogħol.

  • ittejjeb l-aċċess effettiv għad-drittijiet li diġà ngħataw mid-Direttiva billi tqis l-isfidi speċifiċi tal-integrazzjoni ffaċċjati mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Pereżempju, huma ma jistgħux jitolbu lill-awtoritajiet ta' pajjiżhom għal dokumenti li jipprovaw il-kwalifiki akkademiċi u professjonali tagħhom. Għaldaqstant, il-proposta tfittex li tgħinhom jegħlbu dawn l-ostakli prattiċi billi tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom, l-aċċess tagħhom għat-taħriġ vokazzjonali u kif ukoll għall-faċilitajiet tal-integrazzjoni.

Id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil

B’mod partikolari l-proposta għandha l-għan li:

  • tipprovdi għal proċedura waħdanija billi tara li jkun hemm simplifikazzjon u razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri tal-ażil, u kif ukoll tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-Istati Membri;

  • tiffaċilita l-aċċess għall-proċeduri tal-analiżi. Informazzjoni u pariri relevanti għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta' persuni li jixtiequ jressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali diġà f'fażi inizjali ħafna tal-preżenza tagħhom fit-territorju. Gwardji tal-fruntieri, pulizija u awtoritajiet oħra li huma l-ewwel li jiġu f'kuntatt mal-persuni li jfittxu protezzjoni se jkollhom stampa aktar ċara dwar kif jittrattawhom;

  • ittejjeb l-effiċjenza tal-proċess tal-analiżi tal-applikazzjonijiet. Waħda mill-miżuri l-aktar importanti hija l-introduzzjoni ta' limitu taż-żmien ġenerali ta' sitt xhur għat-tlestija tal-proċeduri fl-ewwel istanza. Il-proposta tipprovdi għal perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw għal dan il-limitu ta' żmien. Hija wkoll tissimplifika u tiċċara l-kunċetti u l-mezzi proċedurali bħall-kunċett ta' "pajjiż tal-oriġini mingħajr periklu", l-obbligu ta' dawk li jfittxu l-ażil li jikkoperaw mal-awtoritajiet nazzjonali jew il-proċeduri aċċellerati. L-emendi huma strumentali sabiex ikun hemm aċċess aktar mgħaġġel għall-protezzjoni għal persuni li ġenwinament jeħtieġu l-protezzjoni.

  • ittejjeb il-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-ażil. Il-proposta ssaħħaħ il-garanziji proċedurali, b'mod partikolari għal persuni vulnerabbli bħall-vittmi tat-tortura jew tfal mhux akkumpanjati. Il-persunal li jittratta l-applikanti għall-ażil irid ikollu l-ħiliet esperti xierqa

  • tassigura aċċess għal rimedju effettiv għal applikanti għall-ażil skont l-obbligazzjonijiet Komunitarju internazzjonali tal-Istati Membri. Il-proposta tiddikjara b'mod ċar li l-qrati jew it-tribunali għandhom jirrevedu d-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza sew fuq il-fatti u kif ukoll fuq punti ta' liġi u tistabbilixxi regoli ċari dwar l-effett ta' sospensjoni tal-appelli. L-emendi jassiguraw konsistenza mal-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza dwar id-dritt tad-difiża, il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-armi u d-dritt tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

http://www.ec.europa.eu/commission_barroso/barrot/welcome/default_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website