Navigation path

Left navigation

Additional tools

Disgħa minn kull għaxar Ewropej għadhom jappoġġjaw bil-qawwa l-għajnuna għall-iżvilupp minkejja l-kriżi ekonomika

European Commission - IP/09/1540   19/10/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/ 1540

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2009

Disgħa minn kull għaxar Ewropej għadhom jappoġġjaw bil-qawwa l-għajnuna għall-iżvilupp minkejja l-kriżi ekonomika

Eurobarometer Nru 318

Edizzjoni Speċjali ta' Eurobarometer "L-Għajnuna għall-Iżvilupp fi żmien ta' taqlib ekonomiku"

Hekk kif qed jitfakkru għar-raba' darba l-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp (European Development Days), edizzjoni speċjali tal-Eurobarometer dwar "L-Għajnuna għall-Izvilupp fi żmien ta' taqlib ekonomiku" turi li l-kriżi li qed taffetwa l-pajjiżi Ewropej mhix qed taffettwa l-appoġġ tal-pubbliku għal għajnuna għall-iżvilupp, li għadu qawwi.

Madwar 90% tal-Ewropej għadhom jaħsbu li l-iżvilupp hu importanti u 72% tal-Ewropej huma favur li jonoraw, jew li jmorru lil hinn, minn impenji eżistenti ta' għajnuna lid-dinja li qed tiżviluppa. "Dan l-istħarriġ juri biċ-ċar li ċ-ċittadini jistennew li l-gvernijiet tagħhom u l-Kummissjoni tal-UE ma jixxaħħux fejn jidħol l-iffinanzjar tal-iżvilupp", qal il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja, Karel De Gucht. "Anki fil-kuntest tal-kriżi ekonomika, nappella mill-ġdid lill-Istati Membri tal-UE biex iżommu mal-impenji tagħhom biex iżidu l-għajnuna għall-iżvilupp sa € 69 miljun sal-2010 biex jilħqu l-għan fuq terminu ta' żmien medju tal-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millenju".

Maġġoranza kbira ta' ċittadini Ewropej (61%) jidhrilhom li l-Ewropa tista' b'mod pożittiv tikkontribwixxi fid-dibattitu dwar l-iżvilupp globali. "L-Ewropej qed jifhmu dejjem aktar għaliex l-iżvilupp huwa importanti. Qed jitolbu li l-media nazzjonali titkellem aktar dwar kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp", qalet il-viċi-president tal-KE, u l-Kummissjoni għall-Istrateġija tal-Komunikazzjoni, Margot Wallström.

Hija ħaġa interessanti li l-kriżi ekonomika mhix qed titqies bħala sfida ewlenija għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Nofs l-Ewropej iqisu l-faqar bħala l-akbar sfida li għandhom quddiemhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, aktar mill-kriżi ekonomika u dik tal-ikel (35%). Jidher li l-Ewropej jifhmu li lil hinn mill-kriżi ekonomika, il-faqar huwa l-problema strutturali l-aktar li toħloq tħassib.

Riżultati oħra interessanti:

  • Żewġ terzi tal-Ewropej huma tal-fehma li l-għajnuna għandha tingħata b’motivazzjonijet ta' interess proprju (64%), jiġifieri l-kummerċ, it-terroriżmu, il-migrazzjoni u r-relazzjonijiet politiċi ma' pajjiżi terzi.

  • Ma hemm l-ebda nuqqas ta' interess, peress li 42% tal-Ewropej jixtiequ li l-medja titkellem aktar dwar kwistjonijiet ta' żvilupp.

  • 74% tal-Ewropej qatt ma semgħu bl-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, iżda din iċ-ċifra hija anqas milli kienet fl-2007 (80%).

Sfond

Ir-rapport jagħti d-dettalji tar-riżultati li nkisbu madwar l-UE kollha kemm hi, kif ukoll analiżi pajjiż pajjiż. Juru li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tqarreb lill-Unjoni Ewropeja flimkien. L-effettività tal-għajnuna titlob koerenza akbar u qbil ġenerali bejn l-istati membri. L-istħarriġ Ewropew juri li mill-2004, id-differenza bejn pajjiż u ieħor qed tonqos, speċjalment bejn il-pajjiżi li aderew mal-UE mill-2004 u l-istati membri oħra.

L-edukazzjoni, l-età u d-dejta soċjo-ekonoika dwar dawk li wieġbu hija disponibbli.

L-istħarriġ għall-edizzjoni speċjali tal-Eurobarometer Nru. 318 dwar "L-Għajnuna għall-Iżvilupp fi żmien ta' taqlib ekonomiku" sar bejn Mejju u Ġunju 2009. L-għan tiegħu kien li jiġi evalwat jekk il-kriżi ekonomika affettwatx l-appoġġ tal-pubbliku għall-kooperazjoni għall-iżvilupp fil-pajjiżi Ewropej. Minkejja li l-impuls li wassal għal dan l-istħarriġ kien l-impatt tal-kriżi fuq kif l-Ewropej jistgħu jaraw l-importanza tal-għajnuna għall-iżvilupp, dan l-istħarriġ l-aktar reċenti huwa wieħed minn serje li qed tesplora l-għarfien Ewropew ta' kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp mill-2004 lil hawn. Fejn huwa applikabbli sar taqbil ma' riżultati ta' studji preċedenti.

Fejn issib ir-rapport sħiħ:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm

Websajt

http://ec.europa.eu/development/index_en.cfm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website