Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1538

Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2009

Sajd: Proposta tal-Kummissjoni għall-Qabdiet Totali Permissibbli għas-sena 2010

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-livelli l-ġodda għall-qabdiet totali permissibbli (TAC) u għall-isforzi tas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut disponibbli għall-bastimenti tas-sajd Komunitarji, prinċipalment fl-Atlantiku u fil-Baħar tat-Tramuntana. Din il-proposta hija bbażata fuq pariri xjentifiċi li ngħataw dwar il-kwantitajiet ta' ħut li jista' jinqabad b'mod sostenibbli. Il-Kummissjoni ddiskutiet ukoll il-metodi tax-xogħol mal-Istati Membri u s-setturi tas-sajd, u wara li semgħet il-parir tagħhom iddeċidiet li tillimita t-tnaqqis għal mhux aktar minn 15% mis-sena li għaddiet.

Mill-2005 'l hawn, jidher li s-sitwazzjoni ta' diversi stokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet Ewropej tjiebet – iżda dan kien titjib bil-mod. Filwaqt li fl-2005, mill-34 stokkijiet ta' ħut li ġew ikkontrollati 32 kienu mistada żżejjed, għal din is-sena ċ-ċifra naqset għal 30 minn 35 (ara l- Figura   1 ). Fl-istess żmien, l-għadd ta' każijiet fejn ix-xjentisti taw parir li s-sajd għandu jitwaqqaf niżel minn 24 għal 17 (ara l- Figura2 ). Minħabba nuqqasijiet fir-rappurtar tad-dejta mill-bastimenti tas-sajd jew minħabba nuqqas ta' sorveljanza, is-sitwazzjoni ta' madwar 57 speċi ta' stokk għadha mhix magħrufa. Madankollu, il-progress li sar biex l-istokkijiet tal-ħut Ewropej kollha joqorbu lejn livelli sostenibbli seħħ bil-mod. Il-flotot ma rnexxielhomx jadattaw malajr biżżejjed għall-pariri xjentifiċi li ngħataw. Barra minn hekk, f'xi każijiet, sfortunament il-livelli tat-TACs f'dawn l-aħħar snin ġew iffissati f'livelli ferm ogħla minn dawk sostenibbli.

Meta kkummenta dwar il-proposta, il-Kummissarju tas-Sajd Joseph Borg qal hekk: "Ħdimna qatigħ biex niżguraw li l-proposti tagħna jkunu konkreti, fattibbli u bis-sens. Ikkonsultajna mas-setturi tal-industrija u smajna x'kien dak li qed iħassibhom. Nifhem li bosta mill-professjonisti tas-settur tas-sajd huma ħerqana li jaraw li l-istokkijiet tal-ħut użati b'mod sostenibbli. Dan huwa ta' ġid kemm għall-industrija tas-sajd kif ukoll għas-soċjetà kollha."

Il-proposta ta' din is-sena hija ferm iqsar minn dawk ta' snin preċedenti minħabba li l-miżuri tekniċi u temporanji dwar l-istaġuni magħluqa, id-daqs tal-malji tax-xbieki u t-tnaqqis tar-rimi tal-ħut ġew trasferiti għal sett differenti ta' pro posti. Mil-lum 'il quddiem, il-proposti dwar l-"opportunitajiet tas-sajd" se jkun fihom biss TACs, kwoti u livelli ta' sforzi tas-sajd u miżuri li jkunu marbutin mill-qrib mal-aċċettazzjoni tal-kwoti u tal-isforzi.

Il-konservazzjoni tal-istokk tal-merluzz:

Il-Kummissjoni għadha mħassba ħafna dwar il-konservazzjoni tal-istokk tal-merluzz. Fil-każ tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, il-Lvant tal-Kanal u Skagerrak, minkejja t-tentattivi li ilhom isiru mill-2002 biex il-konservazzjoni tal-merluzz titjieb, fl-2008 s-sitwazzjoni qalbet għall-agħar peress li l-proporzjon tal-istokk li nqabad kien l-ogħla wieħed reġistrat mill-1999. Biex ikompli jgħarraq is-sitwazzjoni, mill-2005 'l hawn ma kienx hemm biżżejjed ħut adult li jbid u l-ammont ta' ħut żgħir li jiżdied mal-istokk kien żgħir (ara l- Figura   3 ).

L-għeluq fil-ħin reali u l-iskemi għall-prevenzjoni tal-qbid tal-merluzz ma kinux biżżejjed biex jipproteġu l-istokk u ftit ħallew impatt fuq ix-xejriet tas-sajd. Jekk din is-sitwazzjoni tittejjeb, dan għandu jgħin biex ikomplu jitħaffu l-isforzi tal-konservazzjoni u fl-implentazzjoni tal-pjan għall-merluzz li ġie adottat fil-ħarifa li għaddiet. Dan għandu jwassal għal livelli aktar baxxi fl-isforzi tas-sajd u għaldaqstant għal inqas pressjoni fuq l-istokk tal-merluzz. It-TACs se jiġu addattati f'kull żona skont l-ammonti ta' merluzz li jkun fadal fil-baħar.

TACs ogħla għal ftit speċijiet:

Fuq nota aktar pożittiva, xi stokkijiet li kienu suġġetti għal pjanijiet ta' ġestjoni fuq żmien twil bdew juru l-benefiċċji ta' approċċi aqwa ta' ġestjoni fuq żmien twil. Għall-lingwata tal-Baħar tat-Tramuntana, wara ż-żieda ta' 7% fit-TACs tas-sena li għaddiet, kienet possibbli żieda żgħira oħra. Għal stokk ieħor li huwa suġġett għal pjan fuq żmien twil il-lingwata tal-Bajja ta' Biscay kienet possibbli żieda ta' 2%. Skont dan il-pjan qed tiġi proposta żieda ta' 12% għall-aringi fl-ibħra punent tal-Iskozja.

Tnaqqis fit-TACs biex tiżdied is-sostenibbiltà ta' ħafna stokkijiet:

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll diversi tnaqqis fil-qabdiet sabiex tipproteġi l-aktar speċijiet vulnerabbli u biex tqarreb is-sajd lejn livelli sostenibbli:

  • Bħal ma kien miftihem is-sena li għaddiet, it-TACs għall-mazzola griża tnaqqsu b'90% u t-TACs jistgħu jintużaw għall-qabdiet inċidentali biss.

  • Ġie ippruvat li t-tnaqqis kbir li sar fit-TACs għall-haddock fl-ibħra punent tal-Iskozja, il-lingwata fil-lvant tal-Kanal Ingliż u l-ksampu (Awwista tan-Norveġja) madwar l-Irlanda kien meħtieġ.

  • Ġie propost tnaqqis ta' 25% għall-istokkijiet vulnerabbli tal-petriċa tat-Tramuntana, il-merlangu fil-Baħar tal-Irlanda u fl-ibħra punent tal-Iskozja, il-linarda, il-lingwata tal-Baħar tal-Irlanda, u l-aringi fl-ibħra lejn it-Tramuntana u l-Punent tal-Irlanda.

  • Għal 50 stokkijiet oħra, ġie propost tnaqqis ta' 15% jew inqas.

Dan it-tnaqqis sar skont il-pariri xjentifiċi mgħotija, iżda ġie mmoderat sabiex titnaqqas it-tbatija li s-setturi tal-qbid jistgħu jsofru fit-terminu ta' żmien qasir. Il-punt kruċjali hu li bla ħut ma jistax ikun hemm sajjieda. Għalhekk, minkejja li dawn huma miżuri ibsin, huma wkoll meħtieġa biex inġibu l-istokkijiet f'livelli sostenibbli.

Il-proposta ta' din is-sena ma tinkludix ċifri għal stokkijiet li huma ġestiti b'mod konġunt man-Norveġja, l-Iżlanda, ir-Russja, il-Gżejjer Faroe u pajjiżi terzi oħra, minħabba li l-partijiet għadhom ma laħqux ftehim dwar dawn ir-riżorsi.

Il-Kummissjoni se tkompli bl-impenn tagħha biex tnaqqas ir-rimi tal-ħut, iżda s-sajjieda wkoll iridu jagħmlu l-parti tagħhom u għandhom jistadu b'mod responsabbli billi jirritornaw lura lejn il-port hekk kif ikunu ntlaħqu l-kwoti tagħhom, billi jgħażlu tajjeb l-irkaptu tas-sajd li jużaw u billi ma jistadux fuq konċentrazzjonijiet ta' ħut żgħir. Il-Kummissjoni bdiet tfassal proposti għal dan l-għan.

Abbażi tal-proposta, fil-laqgħa tagħhom li se ssir fl-14 u l-15 ta' Diċembru, il-Ministri tas-Sajd tal-Istati Membri se jiddeċiedu dwar il-livelli tat-TACs għas-sena 2010.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/fisheries/press_corner/press_releases/2009/com09_54_en.htm

  • mappa taż-żoni tas-sajd tal-ICES

  • Tabella li turi t-TACs attwali u l-proposti tal-Kummissjoni għas-sena 2010

  • graffs

  • Figura 1: Ix-xejra ta' sajd żejjed f'għadd ta' stokkijiet

  • Figura 2: Għadd ta' każijiet fejn ix-xjentisti taw parir li s-sajd għandu jitwaqqaf

  • Figura  3: Il-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, il-Lvant tal-Kanal u Skagerrak

Ara wkoll MEMO/09/458


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website