Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tfittex fehmiet diversi dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema diġitali

European Commission - IP/09/1534   16/10/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1534

Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2009

Il-Kummissjoni Ewropea tfittex fehmiet diversi dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema diġitali

Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika ta’ professjonisti mill-industrija awdjoviżiva tal-UE dwar l-aħjar mod ta’ kif għandhom jinħatfu l-opportunitajiet u jiġu indirizzati l-isfidi tar-‘rivoluzzjoni diġitali’ fis-settur tal-films fl-UE. Iċ-ċinema diġitali jista’ jwassal għal distribuzzjoni rħas u iktar flessibbli tal-films u b’hekk il-films Ewropej ikunu jistgħu jixterdu aktar . Madankollu, li kollox isir diġitali jitlob investimenti kbar . Terz tas-swali taċ-ċinema Ewropej jistgħu jiġu mhedda bl-għeluq tagħhom minħabba t-tagħmir diġitali li jiswa ħafna flus – sakemm ma jiġux żviluppati issa mudelli ġodda ta' kummerċ u skemi vijabbli ta' appoġġ pubbliku . Ir-rispons tal-professjonisti awdjoviżivi u taċ-ċinema kif ukoll tal-aġenziji nazzjonali tal-films u ta’ partijiet interessati oħrajn matul ix-xahrejn ta’ konsultazzjoni miftuħa llum mill-Kummissjoni se jissawwar f’Komunikazzjoni fil-bidu tas-sena d-dieħla fejn tiġi stabbilita l-politika tal-Kummissjoni dwar iċ-ċinema diġitali.

"Ir-rivoluzzjoni diġitali qed isseħħ issa u ċ-ċinema Ewropew għandu jkun mħejji sew għaliha!," qalet Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. "Il-konverġenza bejn il-kontenut tradizzjonali u t-teknoloġija diġitali tbiddel għal kollox il-mod li bih il-films jiġu prodotti, distribwiti u murija. L-iżvilupp teknoloġilku jista’ joħloq opportunitajet ġodda ta’ kummerċ, impjiegi ġodda u servizzi ġodda għall-konsumatur – jekk noħolqu l-aħjar qafas sabiex nistimulaw dan il-proċess. Għalhekk il-Kummissjoni trid tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati kollha dwar l-esperjenzi, il-ħtiġijiet u l-istennijiet tagħhom fir-rigward tad-diġitizzazzjoni li hija kruċjali għall-ġejjieni taċ-ċinema Ewropew."

Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes ikkumentat: " Dibattitu pubbliku dwar l-impatt taċ-ċinema diġitali fl-Ewropa missu ilu li sar. Se jkun meħtieġ investiment sinifikanti u s-sussidji mill-Istat jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lid-diġitizzazzjoni. Għalhekk neħtieġu fehim bir-reqqa tad-dinamiċi ta' dan is-settur sabiex niżguraw li t-tranżizzjoni għas-sistema diġitali tkun ta’ benefiċċju għall-operaturi fis-settur taċ-ċinema u fl-aħħar mill-aħħar għall-konsumaturi. "

It-teknoloġiji diġitali qed jintużaw dejjem iktar minn min jagħmel il-films. Kameras u formati ġodda jagħmlu l-produzzjoni tal-films eħfef. Għodod diġitali oħra qed jintużaw għal effetti speċjali eċitanti u għal films 3D. Id-distribuzzjoni ta’ kopja ta’ film diġitali tista’ tkun għaxar darbiet irħas minn kopja tradizzjonali ta’ 35 mm; għalhekk iċ-ċinema diġitali jagħmilha eħfef biex il-films Ewropej jintwerew lil udjenzi globali. Madankollu t-tagħmir diġitali għas-swali taċ-ċinema jista’ jkun għali wisq għal ħafna mis-swali fl-Ewropa; bejn wieħed u ieħor 31 % tas-swali taċ-ċinema fl-Ewropa għandhom sala waħda u 10 % biss għandhom ħafna swali.

Fil-konsultazzjoni mnedija llum il-Kummissjoni Ewropea trid titkixxef dwar kif iċ-ċinema diġitali jista’ jaffettwa s-settur tal-film Ewropew u b’mod partikolari t-30 000 sala taċ-ċinema fl-Ewropa. Hija tistieden lill-eżibituri u d-distributuri tal-films fl-UE, l-aġenziji nazzjonali tal-film, kif ukoll l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati tal-film sabiex jagħtu l-fehma tagħhom.

Attwalment l-Istati Uniti tal-Amerika huma minn tal-ewwel fl-użu taċ-ċinema diġitali. Master diġitali diġà huwa disponibbli għal 90 % tal-films ġodda kollha fl-Istati Uniti tal-Amerika filwaqt illi fi Franza (l-ikbar produzzjoni tal-films fl-UE) inqas minn nofs il-films ġodda huma disponibbli diġitalment. Barra minn hekk, l-Istati Uniti tal-Amerika żviluppaw il-mudell VPF (Virtual Print Fee, ħlas għall-ispejjeż tal-kopja virtwali) fejn partijiet terzi jiġbru parti mill-flus iffrankati mid-distributuri tal-films u jużawhom għall-finanzjament tat-tagħmir diġitali. S’issa, fl-Ewropa, 2428 sala biss qalbu għall-projjezzjoni diġitali. Fid-dinja kollha, xi 12 000 sala ġew mgħammra diġitalment fuq total ta' madwar 110 000 fid-dinja kollha. Sal-2012, huwa kkalkulat li kważi 20 % tas-swali taċ-ċinema fid-dinja kollha se jaqilbu għas-sistema diġitali.

Il-gvernijiet nazzjonali qed jikkunsidraw li jissussidjaw it-tranżizzjoni lejn iċ-ċinema diġitali. L-Italja diġà nnotifikat skema ta’ għajnuna mill-Istat li dwarha għaddejja konsultazzjoni pubblika bħalissa ( IP/09/1181 ). Pajjiżi oħrajn (inklużi Franza, il-Ġermanja u n-Norveġja) qed jippjanaw jew jiffinalizzaw l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom, iżda bosta teatri taċ-ċinema tal-arti (dawk li juru films indipendenti Ewropej, bħalma huma l-membri tan-netwerk Europa Cinemas appoġġat mill-Programm MEDIA) bħalissa ma għandhom la finanzjament pubbliku u lanqas privat biex jgħinhom jaqilbu għas-sistema diġitali.

Illum, barra mill-mistoqsijiet għall-professjonisti tal-films u taċ-ċinema fl-Ewropa, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll analiżi dwar iċ-ċinema diġitali u enfasizzat il-politika tagħha f’dan is-settur inklużi l-mistoqsijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. L-analiżi u r-rispons mill- konsultazzjoni pubblika li se tibqa’ għaddejja sas-16 ta’ Diċembru 2009 se jagħtu l-possibiltà lill-Kummissjoni biex tiffinalizza Komunikazzjoni fuq "l-Opportunitajiet u l-Isfidi għaċ-Ċinema Ewropew fl-era diġitali" fl-2010.

Sfond

Din il-konsultazzjoni pubblika tirriżulta mid-diskussjonijiet ta’ grupp espert stabbilit mill-Kummissjoni fir-Rebbiegħa tal-2008 sabiex tingħata ħarsa lejn il-possibiltà ta’ theddida għad-diversità tas-swali taċ-ċinema Ewropej kif ukoll lejn il-ħtieġa ta' mudelli ta' kummerċ alternattiv.

Fl-Ewropa, il-programm MEDIA 2007 eżistenti se jipprovdi EUR 755 miljun għall-industrija awdjoviżiva tal-Ewropa mill-2007 sal-2013, u b’hekk ikun qed jgħin lill-professjonisti Ewropej biex jitħarrġu u jiżviluppaw, jiddistribwixxu u jippromwovu x-xogħlijiet tagħhom madwar l-Ewropa ( IP/07/169 ).

Mill-1991 il-Programm MEDIA baqa’ jiġi adattat kontinwament biex jappoġġa l-industrija awdjoviżiva Ewropea. Dan l-aħħar teknoloġiji ġodda ġew integrati fil-programm, mit-taħriġ għall-eżibizzjoni. Wieħed mit-taħriġ appoġġati minn MEDIA huwa ddedikat għat-teknoloġiji diġitali, kemm jekk fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni jew fl-eżibizzjoni. Diversi proġetti piloti ġew imnedija wkoll, il-kosti diġitali għad-distribuzzjoni tal-films Ewropej ilhom eliġibbli s-snin u flimkein mal-Europa Cinemas ġiet imwaqqfa skema speċifika ta’ appoġġ għas-swali taċ-ċinema diġitali għal films Ewropej.

Ħolqa għall-konsultazzjoni pubblika u għad-dokument ta’ sfond:

http://ec.europa.eu/information_society/media/overview/consultations/index_en.htm

MEDIA 2007 Decision :

http://ec.europa.eu/information_society/media/overview/2007/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website