Sélecteur de langues
Chemin de navigation
IP/09/1521
Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2009
Il-Ħalib: L-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Livell Għoli tanalizza r-relazzjonijiet kuntrattwali u s-setgħa tal-innegozjar fis-settur tal-prodotti li jiġu mill-ħalib
Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Ħalib iltaqa' għall-ewwel darba fi Brussell nhar it-Tlieta, 13 ta' Ottubru, meta ddiskuta b'mod kostruttiv ir-relazzjonijiet kuntrattwali u s-setgħa tal-innegozjar fis-suq tal-prodotti li jiġu mill-ħalib. Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli twaqqaf mill-Kummissjoni Ewropea biex janalizza l-futur fuq medda medja u twila ta' żmien tas-settur tal-prodotti li jiġu mill-ħalib, partikolarment fid-dawl tat-tneħħija gradwali tal-kwoti fuq il-ħalib, li se tiġi konkluża f'April 2015. Ħidmietu hija parallela mal-miżuri li l-Kummissjoni se tintroduċi biex tistabbilizza s-suq tal-prodotti tal-ħalib fuq il-medda qasira ta' żmien. Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli huwa presedut minn Jean-Luc Demarty, id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Istati Membri jirrappreżentawhom uffiċjali għolja. Aktar laqgħat huma skedati li jsiru darba fix-xahar, u l-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli se jippubblika r-rapport finali tiegħu sa tmiem Ġunju 2010.
Il-laqgħa nediet diskussjoni fuq l-ewwel blokka ta' kwistjonijiet previsti fl-aġenda għall-grupp: ir-relazzjonijiet kuntrattwali u s-setgħa tal-innegozjar. L-ewwel sensiela ta' diskussjonijiet kienet imsejsa fuq il-mistoqsijiet li ġejjin:
1) Jeħtieġ li jkun hemm kuntratti formalizzati bejn il-bdiewa tal-prodotti li jiġu mill-ħalib u x-xerrejja/proċessuri ta' dawn il-prodotti li jkopru l-forniment tal-ħalib nej?
Dawn jgħinu biex titnaqqas il-volatilità?
Għandhom ikunu obbligatorji għall-kunsinni kollha jew l-għażla titħalla f'idejn il-partijiet?
2) X'għandhom ikunu l-elementi essenzjali ta' kuntratti ta' dan it-tip?
Il-prezz? Dan kif jista' jiġi nnegozjat liberalment bejn il-partijiet filwaqt li jiġi żgurat trattament ekwivalenti għal tranżazzjonijiet simili?
Il-volum – iffissat bil-quddiem? Kif għandhom jiġu stipulati s-sottofornimenti jew il-volumi addizzjonali?
It-tul ta' żmien – x'inhu perjodu xieraq? Għandu jiġi ffissat perjodu minimu obbligatorju bil-quddiem?
3) Kif għandhom jiġu trattati l-infrazzjonijiet ta' kuntratt?
Permezz tal-liġi tal-kuntratti privati jew b'inforz dirett mill-Istat Membru?
4) Kemm tista' tiżdied is-setgħa tal-innegozjar tal-bdiewa?
X'sehem jista' jkollhom l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa (il-produtturi) f'dan il-kuntest?
Ħidma futura:
Il-laqgħat li jmiss tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli se jsiru fl-10 ta' Novembru u fit-8 ta' Diċembru rigward din il-blokka ta' kwistjonijiet. Iktar laqgħat se jiġu skedati kull xahar.
Is-seduti ta' smigħ se jsiru mal-partijiet interessati mil-laqgħa ta' Novembru 'l quddiem. Dawn se jinkludu, fost oħrajn, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-produtturi u l-proċessuri, l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-kompetizzjoni, akkademiċi, konsumaturi u distributuri. Il-laqgħa ta' Jannar se tfittex ukoll esperjenzi minn pajjiżi terzi.
Hemm ippjanat li tiġi organizzata konferenza f'Marzu 2010. F'Jannar 2010 se titnieda konsultazzjoni bl-internet li se tingħalaq ftit qabel il-konferenza.
Għal iktar tagħrif: