Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/ 09/1519

Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2009

Il-Proċess tat-Tkabbir tal-UE: Sena ta’ Progress fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija

Illum il-Kummissjoni adottat l-istrateġija annwali tagħha dwar it-tkabbir tal-UE. Il-komunikazzjoni tenfasizza l-progress li l-Balkani tal-Punent u t-Turkija għamlu lejn integrazzjoni Ewropea matul sena diffiċli ta’ kriżi ekonomika globali, u tispjega l-isfidi prinċipali li se jaffaċċjaw fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Fid-dawl tal-progress miksub, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrakkomanda l-ftuħ ta’ negozjati mal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. B’pass kbir il-quddiem għar-reġjun, il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Balkani tal-Punent se tagħmel progress sostanzjali fl-2010.

L-2009 hi l-20 anniversarju mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin u ħames snin mit-tkabbir tal-UE lejn l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Il-prospettiva tal-adeżjoni tal-UE tibqa’ tipprovdi inkoraġġiment qawwi għal riforma politika u ekonomika u ssaħħaħ mill-ġdid il-paċi u l-istabbiltà. Huwa fl-interess strateġiku tal-UE li jinżamm il-momentum ta’ dan il-proċess, abbażi tal-prinċipji u l-kundizzjonijiet miftehmin.

Il-proċess tat-tkabbir tal-UE attwalment qed jitwettaq fuq sfond ta’ reċessjoni profonda u mifruxa ħafna, li affettwat kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi tat -tkabbir. Tilwimiet bilaterali ma għandhomx iwaqqfu l-proċess ta’ adeżjoni Għandhom jiġu solvuti mill-partijiet konċernati

L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għamlet progress importanti u indirizzat b’mod sostanzjali l-prijoritajiet ewlenin tas-sħubija għall-adeżjoni.Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pajjiż jissodisfa b’mod suffiċjenti l-kriterji politiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fl-1993 u l-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċazzjoni u għalhekk iddeċidiet li tirrakkomanda l-ftuh tan-negozjati dwar l-adeżjoni.

Filwaqt li ppreżenta l-pakkett dwar it-tkabbir, il-Kummissarju għat-Tkabbir Olli Rehn qal: "L-istrateġija dwar it-tkabbir li qed nippreżentaw illum turi l-impenn tagħna għall-ġejjieni Ewropew tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija. F’dan il-perjodu diffiċli ta’ kriżi ekonomika, l-applikazzjonijiet għas-sħubija mill-Albanija u l-Montenegro jenfasizzaw is-setgħa kontinwa ta’ attrazzjoni tal-Unjoni u r-rwol tagħna fil-promozzjoni tal-istabbiltà, is-siġurtà u l-prosperità. L-applikazzjoni tal-Iżlanda żżid dimensjoni ġdida mal-aġenda tagħna dwar it-tkabbir."

L-ivvjaġġar mingħajr viża għal ċittadini tal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro u tas-Serbja fil-bidu tal-2010 ser iġib benefiċċji prattiċi għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni se tressaq proposti lill-Albania u lill-Bożnija u l-Ħerzegovina sa nofs l-2010, sakemm dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti.

Rigward it-Turkija, il-Kummissarju Rehn kompla jgħid:

“It-Turkija wriet sforzi mġeddin għar-rif orma politika. Il-progress fin-negozjati dwar l-adeżjoni tagħha jorbtu ma’ dan il-momentum, speċjalment il-konsolidazzjoni tal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt. Aħna nilqgħu l-konsultazzjonijiet ta’ dan l-aħħar dwar inizjattiva Kurda importanti li, jiena nittama, se tirriżulta f’azzjonijiet konkreti għad-drittijiet tat-Torok kollha."

"Iqawwuli qalbi l-passi storiċi li t-Turkija u l-Armenja għadhom kemm għamlu lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ta' bejniethom. Dan il-proċess għandu jwassal għal normalizzazzjoni sħiħa malajr kemm jista’ jkun."

Il-Kroazja għamlet progress tajjeb biex tilħaq l-għanijiet stabbiliti fin-negozjati dwar l-adeżjoni u n- negozjati issa formalment reġgħu bdew wara l-ftehim politiku bejn is-Slovenja u l-Kroazja dwar kif se tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-fruntiera. Jeħtieġ li l-Kroazja tkompli bl-isforzi tagħha biex twettaq riforma, partikolarment dwar l-amministrazzjoni ġudizzjarja u pubblika, id-drittijiet tal-minoranzi u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Jekk il-Kroazja tissodisfa l-punti ta' riferiment kollha li fadal fiż-żmien previst, in-negozjati dwar l-adeżjoni jistgħu jiġu konklużi s-sena d-dieħla.

Il-Montenegro applika għall-Isħubija fl-UE f’Diċembru 2008 u l-Kummissjoni attwalment qed tħejji Opinjoni hekk kif mitlub mill-Kunsill. L-elezzjonijiet Parlamentari ssodisfaw kważi l-istandards internazzjonali kollha. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-konsolidament tal-istat tad-dritt jibqgħu sfidi prinċipali.

L-Albanija applikat għas-sħubija fl-UE f’April. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tħejji l-Opinjoni tagħha, ladarba tiġi mistiedna mill-Kunsill biex tagħmel dan. L-elezzjonijiet Parlamentari ssodisfaw kważi l-istandards internazzjonali kollha. It-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-iżgurar tat-tħaddim xieraq tal-istituzzjonijiet tal-Istat jibqgħu sfidi prinċipali .

Il-Bożnija u l-Ħerzegovina jeħtieġ li jħaffu r-riformi ewlenin b'urġenza. Il-ġejjieni Ewropew tal-pajjiż jeħtieġ viżjoni kondiviża dwar id-direzzjoni ġenerali tal-pajjiż mill-mexxejja tiegħu u rieda politika biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet Ewropej għall-integrazzjoni u biex jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġew stabbiliti għall-għeluq tal-OHR .

Is-Serbja wriet l-impenn tagħha biex toqrob lejn l-UE billi tibni rekord ta' riżultati tajbin fl-implimentazzjoni tad- dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interim mal-UE u billi wettqet riformi prinċipali. Fid-dawl tal-kooperazzjoni sostnuta mal-ICTY, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Ftehim Interim issa għandu jiġi implimentat mill-UE. Is-Serbja jeħtieġ li turi attitudni aktar kostruttiva dwar kwistjonijiet relatati mal-Kosovo.

Fil-Kosovo 1 , l-istabbiltà nżammet iżda tibqa’ fraġli. Il-missjoni tal-UE dwar l-istat tad-dritt, l-EULEX, daħlet fil-Kosovo kollu kemm hu u hi operattiva fl-intier tagħha. Il-Kosovo qed jaffaċċja sfidi kbar, inklużi l-iżgurar tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-ħarsien tal-minoranza Serba u ta' minoranzi oħrajn.

F’dokument separat, il-Kummissjoni tipproponi li tqarreb liċ-ċittadini tal-Kosovo lejn l-UE, inkluż permezz djalogu dwar il-viża bil-perspettiva ta’ liberalizzazzjoni eventwali tal-viża meta r-riformi meħtieġa jiġu mwettqa u l-kondizzjonijiet jiġu sodisfatti .

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li testendi r-reġim dwar il-kummerċ preferenzjali ("miżuri ta’ kummer ċ awtonomi") li l-Kosovo attwalment qed jibbenefika minnhom u se tipproponi l-innegozjar ta’ direttivi għal ftehim dwar il-kummerċ ladarba l-Kosovo jissodisfa r-rekwiżiti relevanti.

1 :

Taħt l-UNSCR 1244/99


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website