Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1508

Brussell, l-14 ta' Ottubru 2009

Il-Kummissjoni tipproponi li r-Regolament dwar is-suċċessjonijiet internazzjonali jiġi ssimplifikat u li tissaħħaħ il-previsibbiltà tar-regoli li jirregolawhom

Illum, il-Kummissjoni adottat proposta mmirata biex tissimplifika b’mod konsiderevoli r-Regolament dwar is-suċċessjonijiet ta’ dimensjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Dan jirrigwarda l-faċilitar tal-ħajja taċ-ċittadini bid-definizzjoni tar-regoli komuni li jippermettu l-identifikazzjoni faċli tal-awtorità kompetenti u l-liġi li għandha tapplika għall-beni kostitutivi kollha ta’ suċċessjoni, independentement mill-post fejn jinsabu. Apparti li d-drittijiet tal-eredi, tal-legatarji u ta’ kull persuna oħra kkonċernata jkunu garantiti aħjar, ir-Regolament propost għandu jippermetti lill-persuni sabiex jippjanaw is-suċċessjoni tagħhom b’mod iktar seren billi joffrilhom għażla fir-rigward tal-liġi li tirregola t-trażmissjoni tal-beni kollha tagħhom. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jinħoloq Ċertifikat Ewropew ta’ Suċċessjoni li jippermetti lil kull eredi jew amministratur ta’ suċċessjoni li juru faċilment il-prova ta’ dan l-istatut fl-Unjoni kollha.

Filwaqt li laqa' l-adozzjoni tal-proposta, il-Viċi President Jacques Barrot, Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzj a, Libertà u Sigurtà ddikjara: " Huwa importanti ħafna li ċ-ċittadini u dawk li jipprattikaw il-liġi jkunu jistgħu jifhmu, u sa ċertu punt jagħżlu, ir-regoli li japplikaw għall-beni kostitutivi kollha ta’ suċċessjoni, indipendentement minn fejn jinsabu. Bil-proposta li l-post ta’ residenza abitwali jiddetermina l-awtorità kompetenti u l-liġi applikabbli b’kontumaċja filwaqt li persunatkun tista’ tagħżel li s-suċċessjoni tagħha tiġi deċiża skont il-liġi tan-nazzjonalità tagħha, qed noffru kemm iktar sigurtà ġuridika kif ukoll iktar flessibbiltà, u għalhekk iktar serħan il-moħħ. Fir-rigward taċ-Ċertifikat Ewropew ta’ Suċċessjoni, dan għandu jippermetti lil persuna li tipprova mingħajr formalitajiet oħra l-istatut tagħha ta’ eredi jew amministratur ta’ suċċessjoni kullimkien fl-Unjoni. Din hija ġebla oħra li qed inżidu fil-binja għal żona ġudizzjarja ċivili Ewropea reali".

L-450 000 suċċessjoni internazzjonali li jinfetħu kull sena fl-Unjoni Ewropea jirrappreżentaw wirt kunsiderevoli, stmat għal iktar minn 120 biljun euro. Ir-regoli applikabbli għal dawn is-suċċessjonijiet huma kumplessi ħafna u mhumiex faċilment prevedibbli. Ir-regoli li jiggvernaw il-kompetenza iżda wkoll il-liġijiet applikabbli jvarjaw b’mod kunsiderevoli bejn Stat Membru u ieħor. Għalhekk hemm nuqqas kbir ta’ sigurtà ġuridika, li toħloq problemi: kemm għall-eredi, li jkollhom jiffaċċjaw sitwazzjoni ġuridika u amministrattiva kkumplikata meta jkunu wirtu beni li jinsabu fi Stat Membru ieħor, kif ukoll għal dawk li jridu jorganizzaw is-suċċessjoni meta jkunu ħajjin.

Din il-proposta għandha tliet għanjiet: iżżid is-sigurtà ġuridika billi tiġi garantita l-prevedibbiltà u l-koerenza tar-regoli applikabbli; toffri lill-persuni flessibbiltà ikbar fl-għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom; u fl-aħħar nett tiggarantixi d-drittijiet tal-eredi u/jew legatarji, iżda wkoll dawk tal-persuni l-oħra kkonċernati (pereżempju kredituri).

Madankollu din l-inizjattiva ma tibdilx ir-regoli nazzjonali materjali li jirregolaw is-suċċessjonijiet. Domandi bħal "Min hu eredi ?" jew "Liema parti tal-beni tiegħi se jkunu għat-tfal u għall-żewġi?" jibqgħu irregolati mir-regoli nazzjonali. Bl-istess mod, il-liġi tal-beni jew il-liġi tal-familja ta’ kull Stat Membru mhuma affetwati bl-ebda mod. Fl-aħħarnett, it-taxxa applikabbli għall-beni kostitutivi tas-suċċessjoni mhijiex emendata bil-proposta u tibqa definita mil-liġi nazzjonali.

Kif se jaħdem ir-Regolament futur ?

Il-proposta tipprevedi l-applikazzjoni ta’ kriterju uniku li jippermetti d-determinazzjoni kemm tal-kompetenza tal-awtoritajiet kif ukoll il-liġi applikabbli b’kontumaċja għal suċċessjoni transkonfinali: dik tar-residenza abitwali tal-persuna deċeduta. Iċ-ċittadini li jgħixu barra jkunu jistgħu jażlu li jissottomettu s-suċċessjoni sħiħa tagħhom għal-liġi tan-nazzjonalità tagħhom. B’dan il-mod Il-beni kollha tas-suċċessjoni jkunu rregolati b'liġi waħda, li jnaqqas ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji minn Stat Membru għal ieħor. Bl-istess mod, awtorità waħda biss tkun kompetenti biex tirregola s-suċċessjoni, dik tar-residenza abitwali, li madankollu tkun tista’ tirreferi għall-Istat ta’ nazzjonalità jekk din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni iktar xierqa għall-każ. Fl-aħħarnett, se jkun hemm għarfien reċiproku sħiħ fid-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi li jittieħdu fil-materja ta’ suċċessjoni.

Ċertifikat Ewropew ta’ Suċċessjoni se jinħoloq ukoll, li jippermetti li l-prova li wieħed huwa eredi jew li għandu setgħat amministrattivi jew eżekutur ta’ suċċessjoni tiġi ppreżentata mingħajr formalitajiet oħra. Dan ikun progress kunsiderevoli fil-konfront tas-sitwazzjoni attwali fejn kultant huwa tassew diffiċli li wieħed ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Dan jirriżulta f'aċċelerazzjoni tal-proċeduri u tnaqqis fl-ispejjeż.

Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Viċi President Barrot, jekk jogħġbok żur il-websajt tiegħu fl-indirizz:

http://www.ec.europa.eu/commission_barroso/barrot/index_fr.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website