Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ħalib: Il-Kummissjoni tadotta l-aktar proposti reċenti biex tgħin lill-produtturi tal-ħalib

European Commission - IP/09/1501   09/10/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/ 09/1501

Brussell, 9 ta’ Ottubru 2009

Ħalib: Il-Kummissjoni tadotta l-aktar proposti reċenti biex tgħin lill-produtturi tal-ħalib

Bħala parti mill-isforzi kontinwi tagħha biex tistabbilizza s-suq tal-ħalib, il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet żewġ emendi għar-regoli li jirrigwardaw is-settur tal-ħalib. L-ewwel nett, kif tħabbar ix-xahar li għadda mill-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali Mariann Fischer Boel, qed jiġi propost li s-settur tal-ħalib fil-ġejjieni għandu jkun kopert minn klawżola t'emerġenza għal tfixkil li diġà teżisti għal setturi agrikoli oħra, sabiex tkun possibbli reazzjoni aktar malajr għal tfixkil tas-suq li jista' jinqala' fil-ġejjieni. It-tieni nett, għas-snin ta' kwota 2009/2010 u 2010/2011, bis-saħħa ta' bidliet fil-funzjonament tal-iskemi ta' xiri ta' kwoti mill-Istati Membri, għandu jiġi żgurat li kwoti mixtrija miżmuma fir-riżerva nazzjonali ma jibqgħux jgħoddu bħala parti mill-kwota nazzjonali meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi jekk għandhiex tiġi imposta soprataxxa. Jekk imbagħad tinġabar soprataxxa, il-parti li tikkorrispondi għall-kwota mixtrija tista' tintuża mill-Istati Membri għar-ristrutturar tas-settur. Il-ministri tal-agrikoltura tal-UE se jiddiskutu dawn il-proposti fid-19 ta' Ottubru. Aktar tard dan ix-xahar, il-Kummissjoni se tadotta emendi għar-regoli tal-għajnuna mill-istat, b'mod uffiċjali, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu sa EUR 15 000 f'għajnuna nazzjonali lill-bdiewa tagħhom sa tmiem l-2010.

"Dawn il-proposti jerġgħu jixhdu l-impenn tagħna biex ngħinu lill-produtturi tal-ħalib joħorġu mis-sitwazzjoni diffiċli tas-suq," qalet il-Kummissarju Fischer Boel. "Il-varjetà kbira ta' miżuri li diġà ħadna qed iħallu effett pożittiv u l-proposti tal-lum se jkomplu jgħinu fuq terminu taż-żmien aktar twil. Barra minn hekk, il-ġimgħa d-dieħla se ssir l-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Livell Għoli li se jiddiskuti l-futur fit-tul tas-settur tal-ħalib. U fid-19 tax-xahar, il-ministri għandhom jivvotaw dwar il-pjanijiet tagħna biex il-perjodu tal-intervent jiġi estiż."

Żviluppi reċenti fis-suq tal-ħalib

L-aktar dejta reċenti turi li l-prezzijiet mhumiex qed jitjiebu biss għall-prodotti tal-ħalib kollha iżda anke għall-ħalib mhux ipproċessat tal-bdiewa. Il-prezz medju tal-ħalib f' Lulju/Awwissu ġie stmat li kien 25-26 ċenteżmu/litru u skont informazzjoni reċenti li taw proċessuri tal-ħalib kbar fl-Ewropa jidher li għal Settembru/Ottubru se jkompli jogħla b' 1-2 ċenteżmi/litru. Minn Ġunju, il-prezzijiet immedjati (spot prices) tal-ħalib għolew b'mod sostanzjali. Il-prezzijiet ta' prodotti li huma eliġibbli għall-intervent (il-butir u t-trab tal-ħalib xkumat) għolew b'7-9% fi tliet xhur u issa laħqu livell ferm ogħla minn dak ta' intervent.

Miżuri li ttieħdu qabel

Il-Kummissjoni tistenna li se tonfoq sa EUR 600 miljun fuq miżuri tas-suq matul din is-sena. Fid-19 ta' Ottubru, il-Kunsill se jivvota dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex il-perjodu tal-intervent jiġi estiż. Din is-sena, 70 fil-mija tal-ħlasijiet diretti jistgħu jitħallsu 6 ġimgħat aktar kmieni mis-soltu (mis-16 ta' Ottubru). Bħala parti mir-riforma tal-PAK tal-2003, mal-ħlasijiet diretti li jsiru lill-produtturi tal-ħalib, ġew miżjudin EUR 5 biljun addizzjonali fis-sena bħala kumpens għal tnaqqis fi prezzijiet tal-intervent. Fil-qafas tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK u l-Pakkett għall-Irkupru Ekonomiku, hemm EUR 4.2 biljun disponibbli biex jintlaqgħu 'sfidi ġodda', inkluż ir-ristrutturar tas-settur tal-ħalib. Dan jiżdied ma' dak li diġà hemm disponibbli fil-politika ta' Żvilupp Rurali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni reġgħet saħħet il-Programm tal-Ħalib għall-Iskejjel billi żiedet it-tipi ta' prodotti u l-gruppi ta' età tat-tfal koperti mill-iskema. Il-Kummissjoni nediet ukoll sett ġdid ta' miżuri promozzjonali għall-prodotti tal-ħalib. Attwalment, il-Kummissjoni qed tħejji rapport dwar il-katina ta' forniment fis-settur tal-ħalib, biex iżżid it-trasparenza u taċċerta jekk hemmx problemi ta' kompetittività. Dan ir-rapport se jiġi ppubblikat qabel tmiem is-sena u se jiġi diskuss mill-Grupp ta' Livell Għoli.

Għal iktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/agriculture/markets/milk/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website