Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1494

Brussell, 8 ta' Ottubru 2009

Il-Kummissjoni tmur pass lil hinn fl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli mal-pajjiżi Mediterranji u tal-Golf

Fid-9 ta' Ottubru, il-Kummissarju Ewropew għar-Relazzjonijiet Esterni u Politika Ewropea tal-Viċinat, Benita Ferrero-Waldner se tospita fi Brussell konferenza f'livell Ministerjali dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli bejn l-UE, il-pajjiżi tal-Mediterran u tal-Golf, f'kooperazzjoni mal-Kummissarju responsabbli mill-Enerġija, Andris Piebalgs. Il-konferenza timmira li tistabilixxi appoġġ politiku miżjud għal kooperazzjoni akbar f'dan il-qasam, u tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi tal-ġejjieni. Se jindirizzaw il-konferenza ministri u rappreżentanti f'livell għoli tal-Albanija, il-Baħrejn, ir-Repubblika Ċeka, l-Eġittu, Franza, l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Ġermanja, l-Italja, l-Iraq, il-Ġordan, il-Montenegro, l-Oman, l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, Spanja, is-Sirja, it-Tuneżija u l-Emirati Għarab Magħquda, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Union du Maghreb Arabe. Ir-rappreżentanti mill-industrija mill-istituti ta' riċerka u mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali se jipparteċipaw ukoll, u se jipprovdu opportunità unika sabiex jiġi esplorat l-ambitu għal kooperazzjoni futura dwar l-enerġija rinnovabbli.

Benita Ferrero-Waldner issottolineat li: "L-enerġija rinnovabbli ma tistax tipprovdi t-tweġibiet kollha għat-tibdil fil-klima tagħna ul-isfidi għas-sigurtà tal-enerġija – iżda se tkun element indispensabbli fi kwalunkwe strateġija li tirnexxi. Għaldaqstant, għandna bżonn sħubija mal-pajjiżi tal-Mediterran u l-Golf dwar l-enerġija rinnovabbli. Dawn l-isħab għandhom potenzjal enormi li jipproduċu prodotti rinnovabbli, filwaqt li l-UE għandha ħafna kompetenza teknoloġika u esperjenza x'tikkontribwixxi. Nittama li din il-konferenza toħodna pass aktar qrib lejn ir-realizzazzjoni ta' suq tal-enerġija ekoloġiku żviluppat, u tgħinna nesploraw flimkien il-potenzjal għal sforzi konġunti sabiex invaraw teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari fil-qasam tal-enerġija solari. "

Il-Kummissarju Piebalgs qal: "Il-potenzjal vast tal-enerġija solari fit-tramuntana tal-Afrika u l-kompetenza Ewropea fil-qasam tat-teknoloġiji rinnovabbli jiftħu tieqa ta' opportunità għal kooperazzjoni mtejba fiż-żona tal-Mediterran. Bil-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenhagen fi ftit ġimgħat oħra biss, ma jmissniex nitilfu l-opportunità li niżviluppaw settur industrijali li jista' joħloq impjiegi u tkabbir minn tarf sa tarf tar-reġjun."

Il-konferenza se tipprovdi pjattaforma biex jiġu preżentati l-inizjattivi tal-UE fl-enerġija rinnovabbli, inkluża d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-potenzjal dejjem jikber tal-esportazzjoniet ta' energija rinnovabbli lejn l-UE. Se tkattar il-konsapevolezza fost l-isħab tal-kontribut potenzjali tal-UE u l-Kummissjoni lejn l-iżvilupp tal-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Golf, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-UE fil-promozzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

F'erba' sessjonijiet, il-konferenza se tindirizza:

  • Ir-rwol tal-enerġija fir-relazzjonjiet tal-UE mal-isħab mir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Golf ;

  • l-iżvilupp ta' suq reġjonali tal-"enerġija ekoloġika", inklużi l-kwistjonijiet ta' politika, leġiżlattivi u regolatorji;

  • L-aspetti tar-riċerka u t-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli u l-opportunitajiet għal kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati mill-UE, u mir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Golf;

  • U l-inizjattivi konġunti possibbli u l-proġetti għas-sostenn tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u b'mod partikolari l-enerġija solari.

L-UE ffissat mira għaliha nnifisha ta' 20% ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum globali ta' enerġija. Filwaqt li l-UE se tkompli timmassimizza l-produzzjoni rinnovabbli tagħha, il-kummerċ ma' pajjiżi terzi fil-prodotti rinnovabbli jista' jgħin biex jintlaħaq l-għan ambizzjuż li l-UE ffissat .

Għal aktar tagħrif dwar il-konferenza: http://ec.europa.eu/external_relations/energy/events/renewable_energy_conference_2009/index_en.htm

Għal aktar tagħrif dwar il-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija:

http://ec.europa.eu/external_relations/energy/index_en.htm

Għal aktar tagħrif dwar il-politika tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli:

http://ec.europa.eu/energy/renewables/index_en.htm

Għal aktar tagħrif dwar it-teknoloġija tal-enerġija u l-inizjattivi ta' innovazzjoni tal-UE:

http://ec.europa.eu/energy/technology/set_plan/set_plan_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website