Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ninvestu fil-futur: Il-Kummissjoni titlob għal investiment addizzjonali ta' €50 biljun fit-teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju

Commission Européenne - IP/09/1431   07/10/2009

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1431

Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2009

Ninvestu fil-futur : Il-Kummissjoni titlob għal investiment addizzjonali ta' €50 biljun fit-teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-kummerċ u lir-riċerkaturi biex jingħaqdu fi sforz sabiex sal-2020 jiżviluppaw it-teknoloġiji meħtieġa ħalli jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, tkun żgurata l-provvista tal-enerġija tal-UE u tiġi żgurata l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna. Fi proposta dwar "l-investiment fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju", il-Kummissjoni stimat li matul l-għaxar snin li ġejjin ser ikun meħtieġ investiment addizzjonali ta' €50 biljun fir-riċerka tat-teknoloġiji tal-enerġija. Dan ifisser kważi t-triplu tal-investiment annwali fl-Unjoni Ewropea, minn €3 għal €8 biljun. Dan jirrapreżenta pass 'il quddiem fl-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET-Plan), il-pilastru teknoloġiku tal-politika tal-UE għall-enerġija u l-klima. Qegħdin jitqiesu sorsi differenti ta' finanzjament, minn setturi pubbliċi u privati fil-livell nazzjonali u tal-UE, li għandhom jintużaw b'mod koordinat kif ukoll jgħinu biex jimbuttaw 'il quddiem settur industrijali li qiegħed jikber b'rata mgħaġġla u biex jinħolqu l-impjiegi.

Il-Kummissarju tal-UE għax-Xjenza u r-Riċerka, Janez Potočnik, qal: "Żieda fl-investiment fir-riċerka tat-teknoloġiji nodfa hija urġenti jekk l-Ewropa trid tasal sa Copenhagen u lil hinn b'mod aktar ekonomiku. Bl-istimi tal-lum, il-Kummissjoni trid tagħmel is-SET Plan mezz li jipprojjettana f'ekonomija b'livell baxx ta' karbonju, ħaġa li hija possibbli biss jekk l-atturi pubbliċi u privati jipprovdu riżorsi b'mod koerenti. Żieda llum fl-investimenti intelliġenti fir-riċerka hija opportunità biex jiġu żviluppati sorsi ġodda ta' tkabbir, nagħmlu l-ekonomiji tagħna ekoloġiċi u tiġi żgurata l-kompetittività tal-UE meta noħorġu mill-kriżi."

Il-Kummissarju għall-Enerġija Energy, Andris Piebalgs, qal: "Rivoluzzjonijiet industrijali preċedenti wrew li t-teknoloġiji addattati jistgħu jibdlu għall-aħjar il-mod li ngħixu bih. Illum għandna opportunità unika li nibdlu mudell enerġetiku msejjes fuq it-tniġġis, il-fjuwils fossilu skarsi u riskjużi, f'wieħed nadif, sostenibbli u anqas dipendenti. Kollox jiddependi fuq l-għażla tat-teknoloġiji addattati ".

" L-investiment meħtieġ għall-iżvilupp ta' enerġiji ġodda u rinnovabbli jista' jinkiseb biss permezz ta' firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji. Il-Kummissjoni u l-BEI diġà żiedu b'mod sinifikanti l-finanzjar għal dan il-għan. Iżda jeħtiġielna nimmobilizzaw aktar fondi mis-settur pubbliku u privat. Qegħdin nipproponu li nsaħħu l-Faċilità tal-Kondiviżjoni tar-Riskju Finanzjarju, insostnu aktar il-kapital ta' riskju u niżviluppaw il-Marguerite u fondi oħra," qal Joaquin Almunia,Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Teknoloġiji u attivitajiet ewlenin li se jiġu ffinanzjati

Il-Kummissjoni, flimkien mal-industrija u l-komunità tar-riċerka, fasslet 'pjanijiet ta' direzzjoni' għat-teknoloġija li jidentifikaw it-teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju ewlenin b'potenzjal qawwi f'sitt oqsma fil-livell tal-UE: ir-riħ, dak solari, il-grids tal-elettriku, il-bijoenerġija, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS) u l-fissjoni nukleari sostenibbli. L-ispejjeż addizzjonali jkopru r-riċerka bażika u applikata, id-dimostrazzjoni u l-qbid bikri fis-suq, b'esklużjoni tal-attivitajiet tal-addozzjoni. Inizjattiva ġdida għall-effiċjenza enerġetika għal massimu ta' 30 belt (l-'Inizjattiva Bliet Intelliġenti') ġiet proposta biex tippromwovi l-introduzzjoni tat-teknoloġiji b'effiċjenza enerġetika, rinnovabbli u tan-netwerks tal-enerġija fis-suq tal-massa.

Responsabbiltà kondiviża għall-kosteffettività.

Il-Kummissjoni ssejjaħ għal azzjoni kkoordinata u komplementari mingħand l-atturi relevanti u għal aktar teħid ta' riskju. Meta l-livell tal-inċertezzi teknoloġiċi u tar-riskju tas-suq ikun għoli wisq, ikun meħtieġ l-appoġġ pubbliku. Dan għandu jkun ta' inċentiv għall-involviment tal-industrija, bl-għajnuna ta' investiment akbar mill-banek tal-investiment u l-investituri privati f'kumpaniji li se jiggwidaw it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. L-intervent tal-BEI li jżid is-self biex jiffinanzja is-SET Plan qiegħed jitqies ukoll.

Ara wkoll MEMO/09/437 - Mistoqsijiet u tweġibiet

Websajts:

SET plan: http://ec.europa.eu/energy/technology/set_plan/set_plan_en.htm

L-appoġġ taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għas-SET Plan/ http://ec.europa.eu/dgs/jrc/index.cfm?id=4390&lang=en

Sistema tal-Informazzjoni tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġiji tal-Enerġija (SETIS): http://setis.ec.europa.eu

IP u MEMO preċedenti:

IP/07/1750 , MEMO/07/494 u MEMO/07/493 ippublikati fit-22 ta' Novembru 2007:

IP/08/1587 , MEMO/08/657 , ippublikati fit-28 ta' Ottubru 2008:


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site