Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1423

Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2009

Il-Kummissjoni twitti t-triq għal Servizz Ewropew tan-Nolijiet tat-Toroq waħdieni

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjoni li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti tekniċi essenzjali meħtieġa biex jitnieda Servizz Elettroniku Ewropew tan-Nolijiet (EETS) li se jippermetti lill-utenti tat-toroq iħallsu n-nolijiet faċilment madwar l-Unjoni Ewropea (UE) kollha bis-saħħa ta’ kuntratt ta' abbonament wieħed ma' fornitur tas-servizz wieħed u unità abbord waħdanija. L-EETS se jkun disponibbli fl-infrastrutturi kollha fil-Komunità kollha bħall-awtostradi, il-mini u l-pontijiet fejn in-nolijiet jistgħu jitħallsu bl-użu ta’ tagħmir abbord. Eventwalment, l-EETS se jillimita t-tranżazzjonijiet f'kontanti fl-istazzjonijiet tan-nolijiet, u b’hekk itejjeb il-fluss tat-traffiku u jnaqqas il-konġestjoni.

Il-viċi president tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, li huwa responsabbli mit-trasport, jikkunsidra din id-deċiżjoni bħala l-iktar titjib importanti għas-sewwieqa minn meta tneħħew il-kontrolli fil-fruntieri, billi ddikkjara li “s-Servizz Elettroniku Ewropew tan-Nolijiet se jippermetti lill-utenti jħallsu b’mod faċli fl-Unjoni Ewropea kollha grazzi għal kuntratt ta’ abbonament wieħed ma’ fornitur tas-servizz wieħed u unità abbord waħdanija”.

Is-sistemi elettroniċi tan-nolijiet ġew introdotti f’diversi pajjiżi Ewropej fil-bidu tad-disgħinijiet. Ħafna mis-sistemi jaħdmu b’unità abbord li tikkomunika l-karatteristiċi tal-vettura lill-operaturi tat-triq bl-għan li jiġi determinat in-nol, pereżempju abbażi tal-piż u d-daqs tal-vettura.

Madankollu, ġeneralment id-diversi sistemi elettroniċi tan-nolijiet tat-toroq nazzjonali u lokali ma jkunux jaqblu u jkunu jistgħu jikkomunikaw biss mal-unitajiet abbord rispettivi. Dawn is-sistemi tan-nolijiet tat-toroq li mhumiex interoperabbli jtellfu b’mod speċjali t-trasport internazzjonali bit-triq. Pereżempju, biex tivvjaġġa mill-Portugal sad-Danimarka, fuq id- dashboard tal-vettura jistgħu jkunu meħtieġa ħames unitajiet abbord jew iktar, b'kull unità koperta b’kuntratt partikolari għal operatur tat-triq partikolari. Għat-trasportatur dan jinvolvi xogħol tal-kitba li jieħu ħafna ħin u piż amministrattiv li jiswa l-flus biex jirrikonċilja d-dejta tal-ivvjaġġar, il-fatturi li jirċievi, il-klawżoli fil-kuntratti u l-ordnijiet tal-ħlasijiet.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata llum tistabbilixxi wkoll id-drittijiet u l-obbligi tal-kolletturi tan-nolijiet, il-fornituri tas-servizz, u l-utenti. L-utenti se jkunu jistgħu jabbonaw mal-fornitur tas-servizz li jixtiequ huma. Il-kolletturi tan-nolijiet se jikkomunikaw in-nolijiet dovuti lill-fornituri tas-servizz, li eventwalment jibagħtu l-fattura lill-utent. In-nolijiet imħallsa permezz tal-EETS ma jistgħux jaqbżu n-nolijiet nazzjonali jew lokali korrispondenti.

L-EETS se jkun disponibbli fi żmien tliet snin għall-vetturi kollha 'l fuq minn 3.5 tunnellata jew li għandhom permess iġorru iktar minn disa’ passiġġieri, inkluż is-sewwieq. Se jkun disponibbli għall-vetturi l-oħra kollha fi żmien ħames snin.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website