Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Min hu/hi l-istudent(a) tal-Erasmus numru 2 000 000?

Commission Européenne - IP/09/1421   05/10/2009

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1421

Brussell, 5 ta' Ottubru 2009

Min hu/hi l-istudent(a) tal-Erasmus numru 2 000 000?

Minn mindu ġie varat fl-1987, il-programm tal-Erasmus għen zewġ miljun student biex iwettqu parti mill-istudji tagħhom jew biex jiġu kkollokati f'impjieg f'pajjiż Ewropew ieħor. Issa ntagħżlu 31 student (student(a) għal kull pajjiż li jieħu sehem fl-Erasmus), biex jirrappreżentaw b'mod simboliku l-istudent(a) numru żewġ miljuni. Huma ġew onorati f'konferenza li qed issir fil-5-6 ta' Ottubru f'Lund, fl-Iżvezja. Matul din il-konferenza, il-partijiet interessati qed jiddiskutu r-rotta li għandu jaqbad il-programm tal-Erasmus u b'mod aktar wiesa' jiddibattu l-kwistjoni li jinfetħu opportunitajiet għaż-żgħażagħ kollha biex isiefru għal skopijiet ta' tagħlim.

Filwaqt li ppreżenta l-premjijiet, il-Kummissarju l-ġdid għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, il-Kultura u ż-Żgħażagħ, Maroš Šefčovič , qal: " L-Erasmus huwa ġrajja Ewropea ta' suċċess u għandi pjaċir kbir li qiegħed niċċelebra dan il-mument speċjali tal-istudent tal-Erasmus numru żewġ miljuni . Il-Kummissjoni tappoġġja kemm tiflaħ il-perspettiva li s-safar bl-iskop ta' tagħlim għandu jsir ir-regola u mhux l-eċċezzjoni għaż-żgħażagħ Ewropej. Il-konferenza f'Lund qed tgħin biex twettaq dan l-għan ".

Il-ġrajjiet tal-31 student magħżula huma deskritti fil-qosor f'pubblikazzjoni li tikkumplementa l-konferenza. Pereżempju, iż-żewġ testimonjanzi li ġejjin juru kif l-Erasmus kellu effett pożittiv fuq il-ħajja tal-istudenti:

Stefanie Bakelandt, studenta ta' 21 sena mill-Università ta' Ghent fil-Belġju, studjat il-Filosofija fl-Università Pedagoġika ta' Vilnius, il-Litwanja, bħala studenta tal-Erasmus għal erba' xhur. Kif qalet hi: " Indunajt li l-esperjenza biddlitni f'persuna kompletament ġdida u qatt mhu se nerġa' nħares lejn id-dinja u l-Ewropa, dari, bħal qabel. "

Kate Samways, għalliema tal-ilsna ta' 21 sena mill-Università ta' Cardiff , ir-Renju Unit, ingħatat kollokazzjoni f'impjieg fl-istitut "2isa" Ċentru tat-Taħriġ tat-Teknoloġija tal-Informatika għal Adulti b'Diżabilità Fiżika f'Millau, ġewwa Franza, kif ukoll għall-istudji tagħha tal-Erasmus fl-Università Ca' Foscari f'Venezja, ġewwa l-Italja. Hija qalet: " Il-ħajja tal-Erasmus għalija tfisser opportunitajiet. Kull opportunità li kelli, ħadtha u nirringrazzja lill-Erasmus għaliha."

Il-programm tal-Erasmus beda fl-1987, u bl-appoġġ tiegħu llum isiefru 'l fuq minn 180 000 student fis-sena. F'nofs l-2009 l-għadd totali ta' nies li siefru permezz tal-Erasmus bħala studenti laħaq iż-żewġ miljuni. Fatt inqas magħruf huwa li mill-1997 'l hawn, 'il fuq minn 200 000 għalliem mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla wkoll ħadu sehem fl-Erasmus biex jgħallmu barra minn pajjiżhom. Flimkien ma' dawn l-iskambji, l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien ukoll madwar l-Ewropa permezz ta' proġetti u netwerks iffinanzjati mill-Erasmus.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-istudent(a) numru żewġ miljuni ħabtet fl-istess żmien tal-konferenza msemmija "Erasmus - Il-pass li jmiss u l-Green Paper dwar il-mobilità taż-żgħażagħ", organizzata taħt il-Presidenza Żvediża tal-UE. Id-diskussjonijiet jiffukaw fuq it-titjib tal-programm tal-Erasmus u fuq il-mod kif is-safar għal skopijiet ta' studju għandu jsir ir-regola mhux l-eċċezzjoni għaż-żgħażagħ kollha tal-Ewropa. Din hija l-mistoqsija essenzjali tal-Green Paper dwar il-mobilità għat-tagħlim għaż-żgħażagħ, ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea f'Lulju 2009. Bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika (inkluż kwestjonarju fuq l-Internet) dwar din il-kwistjoni u din hija miftuħa sal-15 ta' Diċembru 2009.

Għal aktar tagħrif:

Il-Kummissjoni Ewropea: L-istudent(a) numru żewġ miljuni: 31 student minn 31 pajjiż jirrakkuntaw l-esperjenza tagħhom tal-Erasmus:

http://ec.europa.eu/education/erasmus/doc1805_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea: IP/09/1204, 30 ta' Lulju 2009: "L-Erasmus jilħaq iż-żewġ miljun student li użawh": IP/09/1204

Il-Kummissjoni Ewropea: Il-Green Paper u l-konsultazzjoni dwar il-mobilità għat-tagħlim għaż-żgħażagħ: http://ec.europa.eu/education/focus/focus363_en.htm

Il-websajt tal-konferenza: http://www.kongresslund.se/erasmus

Il-Kummissjoni Ewropea: Il-Programm Erasmus:

http://ec.europa.eu/education/erasmus


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site