Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ħalib: Grupp ta' Livell Għoli biex jiddiskuti l-futur fit-tul tas-settur tal-ħalib

European Commission - IP/09/1420   05/10/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/ 09/1420

Brussell, 5 ta’ Ottubru 2009

Ħalib : Grupp ta' Livell Għoli biex jiddiskuti l-futur fit-tul tas-settur tal-ħalib

Illum, Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, infurmat lill-ministri tal-agrikoltura li mill-ġimgħa d-dieħla, Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Ħalib se jibda jiddiskuti miżuri fuq terminu ta' żmien medju u twil li jirrigwardaw is-settur tal-ħalib fid-dawl tal-iskadenza tal-kwoti tal-ħalib fl-1 ta' April 2015. F'laqgħa ministerjali waqt l-ikel, il-Kummissarju ħabbret li l-Grupp ta' Livell Għoli se janalizza jekk għandhomx jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ġodda li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar stabbilità fis-suq u dħul tal-produtturi, biex tonqos il-volatiltà tal-prezzijiet u biex tiżdied it-trasparenza tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissarju tat xi tagħrif lill-ministri dwar l-aktar pakkett reċenti ta' proposti li l-Kummissjoni qiegħda tħejji biex tgħin lis-suq tal-ħalib u aġġornathom dwar is-sitwazzjoni attwali tas-suq, li tindika li l-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib qed jogħlew.

"Bi pjaċir ngħid li jidher biċ-ċar li l-miżuri li diġà ħadna qed iħallu effetti pożittivi fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib," qalet il-Kummissarju Fischer Boel. "Madankollu, jeħtieġ ukoll li nħarsu aktar fil-bogħod. Kien għalhekk li x-xahar li għadda ssuġġerejt li jiġi stabbilit Grupp ta' Livell Għoli biex jiddiskuti l-futur aktar fit-tul tas-settur tal-ħalib. Dan il-grupp se jibda bil-ħidma tiegħu fit-13 ta' Ottubru u se joffri opportunità lill-esperti biex jiddiskutu l-kwistjonijiet kollha li jolqtu lis-settur tal-ħalib fil-futur. Jeħtieġ li nippruvaw innaqqsu l-volatilità tas-suq, inżidu t-trasparenza u niddiskutu kif il-bdiewa jistgħu jtejbu l-organizzazzjoni tagħhom. Sadanittant, se nkomplu bil-ħidma tagħna biex insolvu l-problemi b' terminu ta' żmien qasir li jiffaċċjaw il-produtturi tal-ħalib tagħna. Fil-jiem li ġejjin, se nawtorizzaw lill-Istati Membri biex jagħtu sa EUR 15 000 f'għajnuna nazzjonali lill-bdiewa tagħhom. U nispera li ġimgħatejn oħra, il-Kunsill jaċċetta uffiċjalment il-proposta tagħna biex nestendu l-miżuri rigward xibka ta' sikurezza."

Grupp ta' Livell Għoli

Il-Grupp ta' Livell Għoli se jkun presedut mid-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvulupp Rural tal-Kummissjoni, Jean-Luc Demarty, u se jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Meta jkun żmien xieraq, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tistieden lil esperti u lil partijiet interessati biex jassistu lill-Grupp ta' Livell Għoli fil-ħidma tiegħu. Bħala regola ġenerali, il-grupp għandu jiltaqa' darba fix-xahar u jippreżenta rapport b'mod regolari. Il-grupp qed jiġi mistieden jiddiskuti dawn l-aspetti li ġejjin, għalkemm din mhijiex neċessarjament lista sħiħa:

  • Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-produtturi tal-ħalib u l-manifatturi ta' prodotti tal-ħalib sabiex jittejjeb il-bilanċ bejn il-forniment u d-domanda fis-suq tal-ħalib

  • X'jista' jsir biex il-produtturi tal-ħalib ikollhom aktar saħħa fin-negozjar?

  • Kemm huma adegwati l-istrumenti attwali tas-suq?

  • Aspetti li għandhom x'jaqsmu mat-trasparenza u l-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi, il-kwalità, is-saħħa u t-tikkettar.

  • L-innovazzjoni u r-riċerka bl-għan li jżidu l-kompetittività tas-settur

  • Il-possibbiltà ta' suq tal-ħalib għall-futur

Barra minn hekk, il-Kummissa rju Fischer Boel għaddiet informazzjoni dettaljata lill-ministri dwar l-aktar pakkett reċenti ta' miżuri immedjati b'appoġġ għas-suq tal-ħalib, li fis-17 ta' Settembru kienu ppreżentati lill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li s-settur tal-ħalib jiġi protett permezz ta' klawżola t'emerġenza għal tfixkil li diġà teżisti għal setturi agrikoli oħra, sabiex tkun possibbli reazzjoni aktar malajr għal tfixkil tas-suq li jista' jinqala' fil-ġejjieni. Bis-saħħa ta' bidliet fil-funzjonament tal-iskemi ta' xiri ta' kwoti mill-Istati Membri, għandu jiġi żgurat li kwoti mixtrija miżmuma fir-riżerva nazzjonali ma jibqgħux jgħoddu bħala parti mill-kwota nazzjonali meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi jekk għandhiex tiġi imposta soprataxxa. Jekk imbagħad tinġabar soprataxxa, il-parti li tikkorrispondi għall-kwota mixtrija tista' tintuża mill-Istati Membri għar-ristrutturar tas-settur. Fil-jiem li ġejjin, il-Kummissjoni għandha tadotta l-proposti leġiżlattivi neċessarji biex dawn l-ideat jitwettqu fil-prattika.

Żviluppi reċenti fis-suq tal-ħalib

L-aktar dejta reċenti turi li l-prezzijiet mhumiex qed jitjiebu biss għall-prodotti tal-ħalib kollha iżda anke għall-ħalib mhux ipproċessat tal-bdiewa. Il-prezz medju tal-ħalib f' Lulju/Awwissu ġie stmat li kien 25-26 ċenteżmu/litru u skont informazzjoni reċenti li taw proċessuri tal-ħalib kbar fl-Ewropa jidher li għal Settembru/Ottubru se jkompli jogħla b' 1-2 ċenteżmi/litru. Minn Ġunju, il-prezzijiet immedjati (spot prices) tal-ħalib għolew b'mod sostanzjali. Il-prezzijiet ta' prodotti li huma eliġibbli għall-intervent (il-butir u t-trab tal-ħalib xkumat) għolew b'7-9% fi tliet xhur u issa laħqu livell ferm ogħla minn dak ta' intervent.

Miżuri li ttieħdu qabel

Il-Kummissjoni tistenna li se tonfoq sa EUR 600 miljun fuq miżuri tas-suq matul din is-sena. Fid-19 ta' Ottubru, il-Kunsill se jivvota dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex il-perjodu tal-intervent jiġi estiż Din is-sena, 70 fil-mija tal-ħlasijiet diretti jistgħu jitħallsu 6 ġimgħat aktar kmieni mis-soltu (mis-16 ta' Ottubru). Bħala parti mir-riforma tal-PAK tal-2003, mal-ħlasijiet diretti li jsiri lill-produtturi tal-ħalib, ġew miżjudin EUR 5 biljun addizzjonali fis-sena bħala kumpens għal tnaqqis fi prezzijiet tal-intervent. Fil-qafas tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK u l-Pakkett għall-Irkupru Ekonomiku, hemm EUR 4.2 biljun disponibbli biex jintlaqgħu 'sfidi ġodda', inkluż ir-ristrutturar tas-settur tal-ħalib. Dan jiżdied ma' dak li diġà hemm disponibbli fil-politika ta' Żvilupp Rurali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrinforzat il-Programm tal-Ħalib għall-Iskejjel billi żiedet it-tipi ta' prodotti u l-gruppi ta' età tat-tfal koperti mill-iskema. Il-Kummissjoni nediet ukoll sett ġdid ta' miżuri promozzjonali għall-prodotti tal-ħalib. Attwalment, il-Kummissjoni qed tħejji rapport dwar il-katina ta' forniment fis-settur tal-ħalib, biex iżżid it-trasparenza u taċċerta jekk hemmx problemi ta' kompetittività. Dan ir-rapport se jiġi ppubblikat qabel tmiem is-sena u se jiġi diskuss mill-Grupp ta' Livell Għoli.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website