Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/141

Brussell, it-28 ta' Jannar 2009

It-tibdil fil-klima: Il-Kummissjoni tressaq proposti għal patt globali dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen

Illum il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposti tagħha għal ftehim globali ġdid komprensiv u ambizzjuż biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u kif dan il-pjan jista' jiġi ffinanzjat. Il-patt il-ġdid huwa mistenni li jiġi konkluż fil-konferenza tan-NU dwar il-klima li se ssir f'Diċembru f'Kopenħagen. Sabiex iż-żieda fit temperatura tinżamm taħt iż-2 C, il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw se jeħtieġu finanzjament sostanzjalment ogħla mid-dinja żviluppata u mill-istituzzjonijiet multilaterali biex jgħinuhom jerfgħu l-piż tal-kontribut tagħhom għall-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. Il-proposti tal-Kummissjoni jinkludu l-ħolqien ta' suq tal-karbonju mifrux fuq l-OECD kollha sal-2015, kif ukoll dak ta' għejun ta' finanzjament innovattivi u internazzjonali bbażati fuq l-emissjonijiet tal-pajjiżi u l-kapaċità li jħallsu.

Stavros Dimas, il-Kummissarju għall-Ambjent, qal: "Biex jiġu indirizzati l-kawżi u l-impatti tat-tibdil fil-klima se jeħtieġ investiment sinifikanti mill-privat u mill-pubbliku għall-għexieren ta' snin li ġejjin, għalkemm l-ispiża ta' dawn l-investimenti se tkun ferm anqas milli kieku t-tibdil fil-klima jitħalla għaddej fid-direzzjoni qerrieda li qabad. Il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku u l-miżuri simili li qed jittieħdu madwar id-dinja biex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika huma opportunità biex jiżdied l-investiment meħtieġ li jiffavorixxi livell baxx ta' karbonju u biex jiġu stimulati t-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. Madanakollu, biex jinkiseb ftehim f'Kopenħagen se jkun vitali li jinstabu soluzzjonijiet ta' finanzjament ulterjuri. Il-Komunikazzjoni tal-lum tagħmel kontribut ewlieni billi tressaq sett komprensiv ta' proposti biex jiżdied il-livell ta' finanzi u investiment."

L-għan ta' Kopenħagen

L-għan tal-UE huwa li t-tisħin globali jitrażżan għal anqas minn 2 C aktar mit-temperatura preindustrijali, peress li hemm prova xjentifika qawwija li t-tibdil fil-klima jsir perikoluż lil hinn minn dan il-punt.

Il-ftehim ta' Kopenħagen għandu sew jistabbilixxi l-miri globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll jipprovdi l-bażi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-pajjiżi biex jadattaw għat-tibdil fil-klima. Il-Komunikazzjoni[1] toffri proposti konkreti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Il-miri u l-azzjonijiet

Biex jibqgħu taħt iż-2 C, l-emissjonijiet globali jeħtieġ li jilħqu l-quċċata qabel l-2020, u mbagħad sal-2050 jitnaqqsu għal anqas minn 50 % tal-livelli tal-1990. Dan se jeħtieġ azzjoni kemm mill-pajjiżi żviluppati kif ukoll minn dawk li qegħdin jiżviluppaw.

Il-pajjiżi żviluppati għandhom ikunu minn tal-ewwel u jaqtgħu l-emissjonijiet kollettivi tagħhom bi 30 % tal-livelli tal-1990 sal-2020. L-UE tat eżempju billi ħadet l-impenn li tnaqqas l-emissjonijiet bi 30 % jekk pajjiżi żvillupati oħra jieħdu l-impenn għal tnaqqis komparabbli, u diġà daħħlet fis-seħħ il-miżuri biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha stess b'20 % (IP/08/1998) Il-Komunikazzjoni tipproponi parametri speċifiċi li jiżguraw li l-miri nazzjonali jinvolvu livell ta' sforz komparabbli. Kull pajjiż tal-OECD u kull Stat Membru tal-UE, pajjiż kandidat u kandidat potenzjali tal-UE għandu jieħu l-impenn tal-miri tal-emissjoni.

Sal-2020 il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minbarra l-ifqar fosthom, għandhom irażżnu ż-żieda fl-emissjonijiet kollettivi tagħhom għal 15-30 % inqas mil-livelli li jkun hemm matul l-attività normali ta' xogħol. Dan għandu jinkludi tnaqqis b'rittmu mgħaġġel tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni tropikali (IP/08/1543). Dawn il-pajjiżi għandhom jieħdu l-impenn li jadottaw strateġiji ta' żvilupp b'livell ta' karbonju baxx li jkopru s-setturi ewlenin kollha ta' tniġġis sal-2011. Dawn l-istrateġiji se jiġu vvalutati minn mekkaniżmu internazzjonali ġdid, li sejjer ukoll jorbot l-azzjonijiet proposti mal-appoġġ estern li jkun jixraq.

Il-finanzjament għall-iżvilupp b’livell baxx ta’ karbonju

Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, l-investiment addizzjonali globali nett jeħtieġ li jiżdied għal madwar €175 biljun kull sena fl-2020, skont estimi indipendenti. Aktar min-nofs dan ammont se jkun meħtieġ f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Sal-2020, il-parti l-kbira tal-azzjonijiet f'dawn il-pajjiżi se jkollhom spejjeż baxxi – jew saħansitra benefiċċji – u għandhom ikunu ffinanzjati domestikament. L-appoġġ finanzjarju internazzjonali għal azzjonijiet li jaqbżu l-kapaċitajiet domestiċi ta' pajjiż għandu jiġi minn għejun li jinkludu l-fondi pubbliċi u l-mekkaniżmi internazzjonali għall-ikkreditar tal-karbonju.

Il-ftehim ta' Kopenħagen għandu jipprovdi wkoll qafas biex jgħin lill-pajjiżi biex jadattaw għat-tibdil inevitabbli fil-klima. Il-pajjiżi kollha żviluppati kif ukoll dawk kollha li qed jiżviluppaw għandu jkollhom l-obbligu li jippreparaw strateġiji elaborati għal adattament nazzjonali. Għandu jingħata appoġġ għall-adattament lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u lill-Istati gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli.

L-UE għandha tesplora għejun innovattivi potenzjali ta' finanzjament internazzjonali abbażi tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u l-kapaċità li jħallas. L-Istati Membri tal-UE jistgħu jagħmlu użu minn parti tad-dħul tagħhom tal-ġejjieni mill-irkant ta' kwoti skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) sabiex jappoġġaw pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Is-suq globali tal-karbonju

Sal-2015, l-UE għandha tipprova tibni suq tal-karbonju mifrux mal-OECD kollha billi torbot l-EU ETS ma' sistemi komparabbli oħra ta' limiti massimi u skambji (cap-and-trade systems) biex ittaffi t-tibdil fil-klima u u tiġbor fondi għall-ġlieda kontrieh. Is-suq għandu jiġi estiż biex sal-2020 jinkludi l-ekonomiji emerġenti ewlenin bil-għan li tistabbilixxi suq globali tal-karbonju.

Il-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif tal-Protokoll ta' Kjoto għandu jiġi rriformat. Għal pajjiżi avvanzati li qed jiżviluppaw u għal setturi ekonomiċi kompetittivi ħafna, il-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif (CDM) għandhu jinbidel gradwalment minn mekkaniżmu settorjali tal-ikkreditar u minn sistemi ta' limiti massimi u skambji.

Il-passi li jmiss

Il-Komunikazzjoni hija indirizzata lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-korpi konsultattivi tal-UE. Il-Kunsill Ewropew mistenni jagħti r-reazzjoni tiegħu f'Marzu.

Ara wkoll MEMO/09/34

Għal aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/environment/climat/future_action.htm


[1] Lejn ftehim kopmrensiv dwar it-tibdil fil-klima li se jsir f'Kopenħagen COM(2009) 39


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website