Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tvara s-Servizz Miftuħ EGNOS – aċċess bla ħlas għaċ-ċittadini u n-negozji

European Commission - IP/09/1399   01/10/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK BG RO

IP/09/1399

Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2009

Il-Kummissjoni tvara s-Servizz Miftuħ EGNOS – aċċess bla ħlas għaċ-ċittadini u n-negozji

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret il-bidu uffiċjali tal-operazzjonijiet tal-EGNOS (European Geostationary Navigation Overlay Service), is-servizz Ewropew ta' navigazzjoni b'kopertura ġeostazzjonarja, li s-Servizz Miftuħ tiegħu issa huwa dipsonibbli b'xejn għan-negozji u ċ-ċittadini. EGNOS huwa l-ewwel kontribut tal-Ewropa għan-navigazzjoni satellitari u prekursur ta' Galileo, is-sistema globali ta' navigazzjoni satellitari li l-Unjoni Ewropea qiegħda tiżviluppa.

Antonio Tajani, Viċi President għat-Trasport, qal: "Li qed nagħmlu llum jiftaħ il-bieb għan-negozji u ċ-ċittadini Ewropej biex igawdu mill-firxa ta' applikazzjonijiet aħjar u opportunitajiet ġodda li jsiru possibbli minħabba sinjali tan-navigazzjoni aktar preċiżi. Qegħdin nibnu s-sisien għal ġejjieni li dalwaqt ikun magħna."

EGNOS hija sistema bbażata fuq is-satellita li ttejjeb il-preċiżjoni tas-sinjali tan-navigazzjoni satellitari fuq l-Ewropa. Il-preċiżjoni tas-sinjali attwali tal-GPS tittejjeb minn madwar għaxar metri għal żewġ metri.

Sew in-negozji sew iċ-ċittadini jistgħu jibbenefikaw bil-kbir mill-EGNOS. Tista' tappoġġa applikazzjonijiet ġodda f'għadd ta' setturi differenti, bħall-agrikoltura, nagħtu kas il-bexx bi preċiżjoni għolja tal-fertilizzanti, jew it-trasport, bħal fil-każ tan-noll awtomatiku tat-triq jew skemi tal-assigurazzjoni tal-ħlas skont l-użu. L-EGNOS tista' wkoll tappoġġa servizzi ta' navigazzjoni personali aktar preċiżi, għall-użu sew speċifiku sew ġenerali, bħal fil-każ ta' sistemi biex għall-iggwidar tal-għomja.

L-EGNOS se tiġi ċċertifikata għall-użu fl-avjazzjoni u żoni oħra b'sikurezza kritika f'konformità mar-regolament tas-Sema Uniku Ewropew. Permezz tal-EGNOS, mistenni jiġi implimentat servizz ta' Sikurezza tal-Ħajja sa nofs l-2010. Dan is-servizz se jipprovdi messaġġ siewi ta' twissija li jgħarraf lill-utent fi żmien sitt sekondi fil-każ ta' ħsara fis-sistema. Qed jiġi ttestjat Servizz Kummerċjali li wkoll se jkun disponibbli fl-2010.

Sew is-Servizz Miftuħ sew is-Servizz ta' Sikurezza tal-Ħajja jingħataw bla ħlas, u l-Unjoni Ewropea ntrabtet li tappoġġa l-EGNOS għaż-żmien fit-tul, anki wara li ssir operattiva s-sistema Gaileo. Dan jinkludi l-estensjoni tal-ambitu ġeografika tas-sistema fi ħdan il-kopertura tat-tliet satelliti involuti.

L-operazzjonijiet tal-EGNOS huma amministrati, bis-saħħa ta' kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea, mill-Fornitur tas-Servizzi Satellitari Ewropew, ESSP SaS, kumpanija bbażata f'Toulouse, Franza, imwaqqfa minn seba' fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru. Il-kuntratt bejn il-Kummissjoni u ESSP SaS ġie ffirmat ilbieraħ it-30 ta' Settembru, u se jiżgura l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet EGNOS kif ukoll il-manutenzjoni tas-sistema sal-aħħar tal-2013.

Sfond

L-EGNOS hija sistema magħmula minn transponders abbord tliet satelliti ġeostazzjonarji u netwerk fuq l-art ta' madwar 40 stazzjoni ta' pożizzjonament u erba' ċentri ta' kontroll, kollha konnessi ma' xulxin.

Il-medda ta' kopertura EGNOS tinkludi l-biċċa l-kbira tal-istati Ewropej, u għandha l-kapaċità integrata fiha li tiġi estiża għal reġjunijiet oħra, bħall-Afrika ta' Fuq u pajjiżi ġirien tal-UE.

Is-Servizz Miftuħ EGNOS huwa aċċessibbli, mingħajr garanzija ta' servizz jew responsabbiltà riżultanti, għal kull utent li jkun mgħammar b'riċevitur kompatibbli GPS/SBAS fiż-żona ta' kopertura tal-EGNOS. Bosta riċevituri mibjugħa llum fl-Ewropa għandhom dan ir-rekwiżit. Mhi meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni jew ċertifikazzjoni speċifika għar-riċevitur.

EGNOS ġiet żviluppata minn industriji Ewropej, l-EOIG (il-Grupp tal-Operazzjonijiet u l-Infrastruttura tal-EGNOS) bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea (KE), l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Eurocontrol. Mill-1 ta' April, l-Unjoni Ewropea hija s-sid tal-EGNOS u tamministraha filwaqt li l-Aġenzija Spazjali Ewropea, li mexxiet id-disinn u l-iżvilupp tas-sistema, issa hija l-aġent għad-disinn u l-akkwist permezz ta' ftehim ta' delega mal-Kummissjoni Ewropea.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur:

http://ec.europa.eu/transport/egnos ,

http://www.gsa.europa.eu/go/egnos ,

http://www.esa.int/esaNA/egnos.html ,

http://www.essp-sas.eu/

Ritratti marbuta mal-EGNOS huma disponibbli wkoll u jistgħu jinkisbu minn dan l-indirizz: mediatheque@ec.europa.eu .


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website