Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/138

Brussell, it-28 ta’ Jannar 2009

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tesdendi r-regoli dwar appoġġ għall-films sal-aħħar tal-2012

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li testendi l-validità tal-kriterji ta' valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni tal-films u xogħol awdjoviżwali sal-31 ta' Diċembru 2012. Dawn il-kriterji, stipulati f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001, jintużaw mill-Kummissjoni biex jiġu approvati skemi lokali u reġjonali għall-appoġġ tal-films taħt ir-regoli tal-UE dwar għajnuna mill-istat. Il-Komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni tidentifika wkoll numru ta' tendenzi li x'aktarx iridu jiġu indirizzati minn Komunikazzjoni ġejjiena dwar iċ-Ċinema. Fl-UE, madwar €1.6 bn jintnefqu fuq sostenn nazzjonali għal films kull sena

Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: "Iċ-Ċinema Ewropea hija waħda mis-sisien tal-espressjoni kulturali Ewropea. L-importanza tagħha hija rikonoxxuta mir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u b'mod partikolari mill-kontroll fuq l-għajnuna mill-istat. Jiena kuntenta li ninsab f'pożizzjoni fejn nista' nibqa napprova l-appoġġ mogħti mill-Istati Membri lill-films Ewropej permezz tal-estensjoni tal-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema. Ir-regoli tagħna juru biċ-ċar li l-kompetizzjoni u l-kultura jistgħu jeżistu flimkien mingħajr xkiel u jsaħħu lil xulxin"

Is-suċċess kbir tal-film Taljan "Gomorra", li kiseb it-titolu tal-aħjar film Ewropew fl-2008, juri l-ħeġġa li hemm fiċ-ċinema Ewropea li hija kapaċi tivvjaġġa u tkun ta' suċċess lil hinn mill-fruntieri" qalet Viviane Reding, Il-Kummissarja tal-UE dwar il-Midja. "Sabiex l-artisti Ewropej ikunu jistgħu jesprimu lilhom infushom, jinħtieġ li jkollhom ambjent stabbli fl-industrija tal-films. Minħabba f'hekk qegħdin illum nikkonfermaw mill-ġdid l-approċċ attwali tal-Kummissarju lejn għajnuna mill-istat lill-industrija taċ-ċinema għal tliet snin oħra. L-industrija adjoviżwali Ewropea qiegħda tħabbat wiċċha ma' sfidi ġodda fis-swieq li qegħdin jevolvu b'rata mgħaġġla. Minħabba f'hekk għandna niedu wkoll dibattitu biex jinstabu l-mezzi biex dawn l-isfidi jissarfu f'opportunitajiet, b'mod partikolari fl-użu aħjar tad-dimensjoni tas-Suq Intern u billi inħarsu lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa. Il-proposta reċenti tal-Kummissjoni dwar MEDIA Mundus, programm ta' kooperazzjoni bejn professjonisti tal-film Ewropej u dawk minn pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw, tieħu din id-direzzjoni" (ara IP/09/26).

Permezz tad-Deċiżjoni tal-lum, il-Kummissjoni se tibqa tapplika l-kriterji tal-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema tal-2001 (ara IP/01/1326) biex tevalwa l-kumpatibbiltà tal-Iskemi ta' għajnuna tal-istati Membri mar-regoli tat-trattat tal-EU dwar għajnuna mill-istat sal-31 ta' Diċembru 2012, l-iżjed tard. Dawn il-kriterji diġà ġew estiżi fl-2004 u fl-2007 (ara IP/04/343 u IP/07/820)

It-tendenzi l-aktar reċenti li ġew identifikati fil-Komunikazzjoni tal-lum jinkludu appoġġ għal aspetti oħra minbarra l-produzzjoni tal-film u tal-programmi tat-televiżjoni (bħal ma huma d-distribuzzjoni tal-films u l-projezzjoni diġitali), aktar skemi reġjonali ta' appoġġ għall-films, kif ukoll kompetizzjoni fost xi Stati Membri ħalli jużaw l-għajnuna mill-Istat biex jiġbdu lejhom investiment minn kumpaniji li jipproduċu l-films fuq skala kbira, prinċipalment mill-Istati Uniti. Biż-żmien, dawn it-tendenzi jistgħu jwasslu għal raffinament fil-kriterji tal-għajnuna mill-istat Madanakollu, peress illi dawn huma kwistjonijiet kumplessi, il-Kummissjoni tixtieq tirrefletti fuq dan mal-Istati Membri, bl-għanjuna ta' korporazzjonijiet li joffru appoġġ għall-industrija tal-films u mal-istess industrija tal-films Ewropea.

L-isfond

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċinema tal-2001 stipulat erba' kriterji speċifiċi ta' kumpatibbiltà skont liema għajnuna għall-produzzjoni ta' films għaċ-Ċinema u t-Televiżjoni tista' tiġi approvata bħala għajnuna kulturali b'konformità mal-Artikolu 87.3(d) tat-Trattat tal-KE, sakemm tkun konformi mal-prinċipju ta' legalità ġenerali. Dawn il-kriterji huma:

  • l-għajnuna għandha tkun ta' benefiċċju għal prodott kulturali
  • il-produttur għandu jkollu l-libertà li jonfoq għal menu 20% tal-baġit ta' produzzjoni f'Stati Membri oħra mingħajr ma jkun hemm xi tip ta' tnaqqis fl-għajnuna prevista taħt l-iskema bħala riżultat tal-obbligazzjonijiet ta' infieq territorjali.
  • bħala prinċipju l-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 50% tal-baġit għall-produzzjoni, b'eċċezzjoni ta' films diffċili jew li għalihom hemm disponibbli baġit baxx.
  • supplimenti tal-għajnuna għal attivitajiet speċifiċi marbutin mal-produzzjoni tal-films mhumiex permessi.

Il-validità ta' dawn il-kriterji kienet se tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2009 Wara li saret konsultazzjoni pubblika dwar din il-kwistjoni li tnediet f'Ottubru 2008 (ara IP/08/1580), illum il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-validità sal-31 ta' Diċembru 2012.

L-EU fiha nnifisha tappoġġa s-settur tal-films permezz tal-programm MEDIA 2007 li jipprovdi, għall-perijodu 2007 sa 2013, €755 miljun għal taħriġ u għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-films Ewropej minn pajjiż għal ieħor (ara IP/07/169). Disa' minn kull għaxar films Ewropej jintwerew 'il barra mill-pajjiż fejn ikunu nħadmu grazzi għall-appoġġ ta' MEDIA.

Għal iktar dettalji, ara MEMO/09/33.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website