Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/ 09/1379

Brussell, it-30  ta’ Settembru 2009

Il-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex l-ivvjaġġar urban isir aktar ekoloġiku, ikun organizzat aħjar u jaqdi lill-utenti

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Pjan ta' Azzjoni komprensiv dwar il-Mobbiltà Urbana. Il-Pjan ta' Azzjoni jipproponi għoxrin miżura konkreta sabiex jgħinu lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jilħqu l-għanijiet tagħhom għal mobbiltà urbana sostenibbli.

Il-Viċi President Antonio Tajani, responsabbli għat-trasport, qal: "Ninsab kuntent li llum qiegħed nippreżenta dan il-pakkett komprensiv ta' miżuri fil-qasam tal-mobbiltà urbana. Il-Kummissjoni qatt qabel ma ppreżentat sett konkret ta' azzjonijiet sabiex l-ivvjaġġar urban jitħaffef, isir aktar ekoloġiku u jkun organizzat aħjar. Il-miżuri proposti se jinkoraġġixxu u jgħinu l-bliet jindirizzaw l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw. Se jkunu mgħarrfa aħjar u attrezzati aħjar."

Il-Pjan ta' Azzjoni huwa segwitu għall-Green Paper dwar il-Mobbiltà Urbana li ġiet adottata fil-25 ta' Settembru 2007. Id-dibattitu li sar wara l-adozzjoni tal-Green Paper ikkonferma l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam tal-mobbiltà urbana filwaqt li fl-istess ħin jirrispetta l-kompetenzi nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-konġestjoni urbana, l-inċidenti fit-toroq, it-tniġġis tal-arja u l-konsum tal-enerġija kollha għandhom impatt negattiv fuq l-ekonomija Ewropea u l-benessri taċ-ċittadini Ewropej kollha. Aktar minn 70 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f’żoni urbani filwaqt li madwar 85 % tal-PDG tal-UE jiġi ġġenerat fil-bliet. Madwar 40 % tal-emissjonijiet tas-CO 2 u 70 % tal-emissjonijiet ta’ pollutanti oħra mit-trasport fit-toroq ġejjin mit-traffiku urban. Barra minn hekk wieħed minn kull tliet inċidenti tat-traffiku jseħħ f'żoni urbani.

Jekk nindirizzaw dawn l-isfidi nkunu qegħdin nindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini. Disgħa minn kull għaxar ċittadin tal-UE jemmnu li s-sitwazzjoni tat-traffiku fiż-żona tagħhom għandha titjieb. Huwa essenzjali wkoll li, għas-suċċess tal-istrateġiji globali tal-UE niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima, nippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli.

Azzjonijiet

Il-pjan ta' azzjoni jinkludi taħlita ta' proposti. Pereżempju, sabiex jitjiebu d-drittijiet tal-passiġġieri f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport pubbliku urban, il-Kummissjoni se taħdem mas-settur fuq sett ta' impenji volontarji. Se tkompli tappoġġa proġetti ta' riċerka u ta’ dimostrazzjoni, pereżempju proġetti fuq vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet aktar baxxi. U barra minn hekk se jiġu stabbiliti konnessjonijiet prattiċi bejn il-mobbiltà urbana, u l-politiki eżistenti tal-UE għas-saħħa, il-koeżjoni u d-diżabbiltà.

Azzjonijiet oħra jinkludu inizjattiva sabiex jitjieb it-tagħrif dwar l-ivvjaġġar u t-tkomplija tal-appoġġ min-naħa tal-Kummissjoni għall-kampanji li jqajmu kuxjenza pubblika bħal ma hija l-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà. Sabiex tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli mill-awtoritajiet lokali, il-Kummissjoni se tħejji materjal ta' tagħrif u se tvara taħriġ u attivitajiet promozzjonali. Se tipprovdi wkoll dokument ta' gwida dwar aspetti importanti ta' dawn il-pjanijiet bħal ma huma d-distribuzzjoni tal-merkanzija urbana u sistemi tat-trasport intelliġenti għall-mobbiltà urbana. Il-Kummissjoni se ttejjeb id-disponibbiltà ta' statistika armonizzata, se tħaffef l-iskambju tat-tagħrif, inkluż dak mal-ġirien tal-Ewropa, u se tistabbilixxi database b'tagħrif dwar l-aqwa prattiki għall-mobbiltà urbana. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se taħdem fuq it-titjib ta' sorsi ta' finanzjament eżistenti u se tħares lejn il-ħtiġijiet ta' finanzjament għall-ġejjieni.

L-azzjonijiet se jitvaraw tul l-erba' snin li ġejjin. Il-Kummissjoni se tanalizza l-progress fis-sena 2012 u se tivvaluta l-ħtieġa għal aktar azzjoni.

Għal aktar tagħrif

Aktar tagħrif dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana jista' jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/transport/urban/urban_mobility/urban_mobility_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website