Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1366

Brussell, it-28 ta’ Settembru 2009

Kampanja tal-UE għall-ikel tajjeb għas-saħħa “Għażla b’togħma tajba” – Inizjattiva ġdida biex tippromwovi stil ta’ ħajja tajjeb u dieta bilanċjata fost it-tfal

Illum Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, nediet Kampanja ġdida għall-Ikel Tajjeb għas-Saħħa għat-tfal tal-iskejjel Ewropej. Tliet programmi se jduru seba’ pajjiżi Ewropej bis-slogan “Kul, Ixrob u Iċċaqlaq” u jagħtu ċans lit-tfal jieħdu sehem f’attivitajiet u logħob edukattivi. Il-Kummissjoni Ewropea nediet ukoll websajt interattiv, kompetizzjonijiet u avvenimenti oħra bil-ħsieb ta’ għan ewlieni wieħed – li tbiddel id-drawwiet tal-ikel tat-tfal għall-aħjar. Sabiex jgħinu li l-messaġġ jasal, iċ-ċampjin Belġjana tat-tennis Justine Henin u Rosolino Cannio, id-detentur tar-rekord tal-Guinness ta’ tmien snin, se jagħtu l-appoġġ tagħhom.

“Meta nħarsu madwarna u naraw l-għadd ta’ tfal b’piż żejjed, huwa ċar li aħna rridu nagħmlu xi ħaġa,” qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. “Il-frott u l-ħalib għall-iskola huma żewġ passi fid-direzzjoni t-tajba, u bil-kampanja għall-ikel tajjeb għas-saħħa, aħna nistgħu nwasslu l-messaġġ li “tieħu gost li tkun f’saħħtek” sax-xatba tal-iskola”.

Il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa, Androulla Vassiliou, qalet “Il-Kampanja għall-Ikel Tajjeb għas-Saħħa tgħaqqad mal-isforzi tagħna li nrażżnu l-obeżità fit-tfulija fl-Ewropa fi ħdan il-qafas tal-istrateġija tal-UE dwar in-Nutriment, l-Attività Fiżika u s-Saħħ a. Hija ta’ importanza kbira li l-politiki kollha tal-UE jikkontribwixxu għall-isforzi li jimmiraw li jsaħħu u jappoġġaw ambjenti aħjar għaċ-ċittadini kollha.”

L-Isfond

Il- Kampanja għall-Ikel Tajjeb għas-Saħħa se timxi id f’id mal- Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u mal- Iskema tal-Ħalib għall-Iskola tal-UE – inizjattivi importanti għal dieta iktar bilanċjata u drawwiet ta’ ikel iktar tajbin għas-saħħa fost it-tfal.

Il-Kampanja għall-Ikel Tajjeb għas-Saħħa qed twassal il-messaġġ: Kul, Ixrob u Iċċaqlaq direttament fl-iskejjel. Matul il-perjodu ta’ tmien ġimgħat, il-programm se jivvjaġġa madwar il-Belġju, Franza, ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Estonja, il-Litwanja u l-Polonja. Kull programm se jżur żewġ skejjel kuljum. B’kollox, l-attivitajiet għall-ikel tajjeb għas-saħħa se jilħqu 18 000 tifel u tifla f’180 skola. Il-messaġġ li jrid jitwassal huwa: Kul sew għax tieħu gost li tkun f’saħħtek .

B’mod parallel mal-programm, matul it-tmien ġimgħat se tkun għaddejja logħba interattiva tal-kaċċa għat-teżor fuq il-websajt tal-UE Għażla b’Togħma Tajba, fejn l-istudenti kollha tal-UE ta’ età minn 8 snin sa 15-il sena jistgħu jippruvaw jirbħu għadd ta' oġġetti tal-isports.

Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru wera li tliet kwarti ta' dawk li wieġbu “jaqblu totalment” li “jidher li bħalissa hawn iktar tfal b’piż żejjed minn ħames snin ilu”. Fil-fatt, madwar 22 miljun tifel u tifla fl-UE għandhom piż żejjed, u 5 miljuni minnhom huma obeżi.

Għal iktar tagħrif:

Il-kampanja Għażla b’Togħma Tajba:

http :// ec . europa . eu / agriculture / tasty - bunch /

Il-materjal aġġornat għall-istampa huwa ppubblikat fuq

http://ec.europa.eu/agriculture/tasty-bunch/press-corner/index_en.htm

L-Iskema tal-UE tal-Frott Għall-Iskola:

http://ec.europa.eu/agriculture/markets/fruitveg/sfs/index_en.htm

L-Iskema Ewropea tal-Ħalib għall-Iskola:

http://ec.europa.eu/agriculture/markets/milk/schoolmilk/index_en.htm

Il-portal tal-UE għas-saħħa pubblika – in-Nitriment:

http://ec.europa.eu/health-eu/my_lifestyle/nutrition/index_en.htm

L-Inizjattiva tal-UE dwar is-Saħħa taż-Żgħażagħ:

MEMO/09 /421 u http://health.europa.eu/youth


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website