Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/ 09/1364

Brussell, 28 ta’ Settembru 2009

Konsumaturi: L-UE taġixxi biex tillimita r-riskji għas-saħħa minn espożizzjoni għall-ħsejjes minn plejers personali tal-mużika

Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn għażliet predefiniti ġodda fuq il-plejers personali tal-mużika li se jkunu ssettjati fuq livelli ta' espożizzjoni sikuri, kif ukoll minn twissijiet ċari dwar l-effetti avversi ta' espożizzjoni eċċessiva għal livelli tal-ħoss għoljin, wara deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea llum. F'Ottubru 2008, il-Kumitat Xjentifiku tal-UE SCENIHR 1 , avża li s-smigħ ta' plejers personali tal-mużika b'volum għoli matul perjodu twil jista' jwassal għal ħsara permanenti fis-smigħ. 5-10% tas-semmiegħa jirriskjaw telf permanenti tas-smigħ. Hemm nies li jisimgħu l-mużika tipikament għal siegħa kuljum bil-volum issettjat għoli. Huwa stmat li sa 10 miljun ruħ fl-UE qegħdin f'riskju. Il-Kummissjoni Ewropea llum bagħtet mandat lil CENELEC (l-entità ta' standardizzazzjoni tal-UE) fejn titlob li jitfasslu standards ta' sikurezza teknika ogħla.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet tal-Konsumatur Meglena Kuneva, qalet, "Faċli li tgħolli l-livelli tal-volum fuq l-MP3 plejer tiegħek għal livelli li jagħmlulek ħsara, speċjalment f'toroq bieżla jew fit-trasport pubbliku. U l-evidenza hi li partikolarment iż-żgħażagħ - li jkunu qed jisimgħu l-mużika b'volum għoli xi kultant għal sigħat fil-ġimgħa - ma jkollhomx idea li jkunu qed jipperikolaw is-smigħ tagħhom. Il-ħsara fis-smigħ tista' tieħu s-snin biex tibda tidher, u mbagħad ikun tard wisq. Dawn l-istandards jagħmlu bidliet tekniċi żgħar lill-plejers ħalli l-livell predifinit ikun sikur. Jekk il-konsumaturi jridu jbiddlu l-livelli predefiniti, jistgħu, imma se jkun hemm twissijiet ċari ħalli jkunu jafu r-riskji li qegħdin jieħdu."

Bridget Cosgrave, id-Direttur Ġenerali ta' DIGITALEUROPE, qalet, "Is-sikurezza tal-konsumaturi hija l-ogħla prijorità għall-industrija tat-teknoloġija diġitali. DIGITALEUROPE tilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea billi tuża proċess immexxi mix-xjenza għall-iżvilupp tal-istandards. Huwa importanti li l-utenti jkollhom tagħrif preċiż sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati dwar kif igawdu minn mużika personali. DIGITALEUROPE tistenna bil-ħerqa li taħdem mal-Kummissjoni Ewropea u l-entitajiet tal-istandards biex isservi l-interessi tal-konsumaturi."

Ir-regoli t'issa

L-istandards eżistenti tal-UE ma jippreskrivu l-ebda limitu massimu ta’ ħoss u lanqas ma jeħtieġu kwalunkwe ttikkettjar speċifiku fir-rigward tal-volum tal-ħoss iżda jeħtieġu li jkun hemm dikjarazzjoni fil-manwal tal-istruzzjonijiet biex tavża bl-effetti negattivi ta’ espożizzjoni għal livell ta' ħoss eċċessiv.

Il-proposti l-ġodda - il-mandat għal standards ta' sikurezza ġodda

Il-mandat, propost mill-Kummissjoni Ewropea b'27 Stat Membru, ikopri l-plejers personali tal-mużika kollha u l-mowbajls li għandhom funzjoni ta' daqq tal-mużika. Huwa jipprevedi li:

  • Livelli ta' espożizzjoni sikuri għandhom ikunu ssettjati b'mod predefinit fil-prodotti . Il-mandat ma jippreskrivix soluzzjonijiet tekniċi speċifiċi sabiex ma jfixkilx il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija. Minflok huwa jitlob li l-manifatturi jipprovdu li fil-każ ta' użu normali jkunu ssettjati b'mod predifinit b'tali mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza.

Il-mandat jagħmilha ċara li l-użu sikur jiddependi mill-ħin ta' espożizzjoni u mil-livelli tal-volum. Bi 80 dB(A), l-espożizzjoni għandha tkun limitata għal 40 siegħa/ġimgħa. B'89 dB(A), l-espożizzjoni m'għandhiex taqbeż il-5 sigħat/ġimgħa.

Il-livelli ta' espożizzjoni sikuri spjegati hawn fuq għandhom ikunu ssettjati b'mod predefinit fil-prodotti. Livelli ta' espożizzjoni ogħla jistgħu jkunu permessi, sakemm ikunu ntgħażlu intenzjonalment mill-utent u l-prodott jinkorpora mezz affidabbli biex jinforma lill-utent bir-riskji.

  • Twissijiet adegwati għall-konsumaturi dwar ir-riskji involuti, u dwar modi kif tevitahom, inkluża s-sitwazzjoni meta s-sett oriġinali ta' earphones jinbidel b'tip ieħor u dan joħloq livelli ogħla ta' ħoss li ma jkunux sikuri. Il-mandat mhux preskrittiv fit-termini ta' kif għandu jsir. Is-soluzzjonijiet industrijali jistgħu jinkludu pereżempju - tikketti jew tagħrif diġitali fuq l-iskrin.

X'se jiġri issa?

L-istandards tal-UE jitfasslu minn CENELEC (l-entità Ewropea għall-issettjar tal-istandards) fi proċess li jinvolvi xjenzati, gruppi tal-industrija u tal-konsumatur kif ukoll partijiet interessati oħra, dan jista' jieħu sa 24 xahar. L-istandards tal-UE mhumiex obbligatorji, madakollu jekk l-istandard il-ġdid ikun approvat mill-Kummissjoni Ewropea u ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, hija ssir "de facto" n-norma industrijali. Prodotti li jilħqu dawk l-istandards huma preżunti li huma sikuri - inkella l-manifatturi jkollhom jgħaddu minn ittestjar indipendenti għali għall-prodotti. L-istandards ta' sikurezza l-ġodda se japplikaw biss għal prodotti futuri.

X'jistgħu jagħmlu l-konsumaturi?

Min juża plejers personali tal-mużika jista' diġà jieħu ċerti prekawzjonijiet prattiċi ħafna bħal li jiċċekkja l-plejer tiegħu biex jara jekk jistax jissettja volum massimu ħalli jżomm il-volum iktar baxx, jew jista' jżomm il-volum baxx manwalment, u jista' joqgħod attent li ma jużax il-plejer personali tal-mużika għal żminijiet twal fl-interess tas-smigħ tiegħu.

Sfond:

Fis-snin reċenti il-bejgħ tal-plejers personali tal-mużika għola sew, b'mod partikolari dak tal-MP3 plejers. Kumplessivament, fl-UE, huwa stmat li bejn wieħed u ieħor 50 sa 100 miljun ruħ jistgħu jkunu qed jisimgħu plejers mużikali portabbli fuq bażi ta' kuljum. Fl-aħħar erba' snin, l-istimi tal-bejgħ ta' unitajiet ivarjaw bejn 184-246 miljun għat-tagħmir awdjo portabbli kollu u jvarjaw bejn 124-165 miljun għall-MP3 plejers. Madwar l-UE, ħafna miljuni ta' nies jużaw plejers personali tal-mużika u, jekk jużawhom b'mod mhux xieraq, ipoġġu rwieħhom f'riskju ta' ħsara fis-smigħ.

Aktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa dwar l-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar il-plejers personali tal-mużika: IP/08/1492

1 :

Kumitat Xjentifiku għar-Riskji tas-Saħħa Emerġenti jew Identifikati Reċentement (SCHENIHR)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website