Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1341

Brussell, 22 ta’ Settembru 2009

Konsumaturi: Rapport tal-Kummissjoni jikkritika ħlasijiet "opaki" lill-banek

Skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-servizzi finanzjarji bl-imnut ippubblikat illum, hemm diversi problemi bil-mod kif il-banek jinfurmaw u jagħtu pariri lill-konsumaturi tagħhom . Problemi speċifiċi jinkludu tagħrif li f'ħafna każijiet ikun diffiċli biex tifhmu, ħlasijiet opaki lill-banek, problemi bil-pariri u livelli baxxi ta' bdil. Ir-rapport jiddeskrivi l-istrutturi tal-prezz tal-kontijiet kurrenti bħala "opaki ħafna li jagħmilha kważi impossibbli għall-konsumaturi li jkunu jafu kemm qed iħallsu u biex iqabblu offerti differenti." Għal 66 % tal-banek mistħarrġa, il-ħlasijiet lill-bank tant ma kinux ċari li l-esperti li kienu qed ifasslu r-rapport kellhom bżonn ta' kuntatti ta' spjegazzjoni addizzjonali mal-bank biex jinstabu l-ispejjeż veri ta' kont. L-Awstrija, Franza, l-Italja u Spanja għandhom riżultati fqar fit-trasparenza u huma fost l-iktar pajjiżi għaljin għall-kontijiet bankarji. Is-suq tal-UE huwa frammentat li jiċħad lill-konsumaturi mill-vantaġġ ta' Suq Intern tal-UE. Disgħa fil-mija biss tal-konsumaturi tal-UE bidlu l-kontijiet kurrenti għas-sentejn 2007-2008.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Konsumaturi, Meglena Kunev a, qalet: "Il-bankiera ġenerali qegħdin jiddiżappuntaw lill-konsumaturi. Hemm evidenza mifruxa biżżejjed li prinċipji bażiċi tal-konsumatur qegħdin jiġu vjolati bi problemi minn prezzijiet kumplessi sa ħlasijiet moħbija u tagħrif li li mhux ċar u mhux komplut. Hemm bżonn li l-banek jirranġaw l-affarijiet tagħhom b'bidla fil-kultura ta' kif jittrattaw lill-klijenti. U l-Awtoritajiet tal-Istati Membri hemm bżonn li jissodisfaw l-obbligu tagħhom biex jinfurzaw il-liġijiet tal-konsumatur tal-UE.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: "Dan il-monitoraġġ tas-suq tal-konsum juri d-diffikultajiet li l-konsumaturi jiffaċċjaw meta jittrattaw ma' prodotti u servizzi finanzjarji bl-imnut. Il-Kummissjoni hija determinata li tiġġieled kontra dawn il-problemi. Dak ifisser l-impożizzjoni tat-trasparenza b'tagħrif komparabbli u li jinftiehem u l-issettjar ta' regoli bażi għall-imġiba tan-negozju. Hekk kif iċ-ċittadini Ewropej ikomplu jħossu l-effetti tal-kriżi ekonomika, dan ix-xogħol sar anki iktar importanti."

Ir-rapporti

Bħala segwitu għall-Iskorbord tas-Suq tal-Konsumatur 2008, il-Kummissjoni llum ippubblikat Dokument ta' Ħidma tal-Persunal "Segwitu fis-Servizzi Finanzjarji bl-Imnut għall-Iskorbord tas-Suq tal-Konsumatur," bi studju indipendenti ta' ħlasijiet lill-banek li janalizza l-prezzijiet ta' kontijiet għal 224 bank li jkopri 81 % tas-suq tal-UE.

Ir-riżultati

1. Ħlasijiet opaki lill-banek

  • L- istrutturi tal-ħlasijiet tal-kontijiet kurrenti spiss ikunu opaki. Kważi terz tal-konsumaturi mistħarrġa mhumiex kapaċi jqabblu offerti tal-kont kurrenti.

  • It-tagħrif dwar il-prezz onlajn mhux komplut . Fi tnejn minn kull tliet każijiet (66 %), l-esperti li ġabru r-rapport dwar il-ħlasijiet lill-banek kellhom bżonn ta' kuntatti addizzjonali mal-bank biex jiċċaraw it-tagħrif dwar il-prezzijiet tal-ħlasijiet lill-bank. Anki f'dak il-każ, il-banek f'ħafna sitwazzjonijiet offrew biss tagħrif orali dwar it-tariffi tagħhom imma rrifjutaw li jibagħtu listi ta' tariffi. Madwar 10 % tal-banek kellhom ftit jew l-ebda tagħrif dwar il-prezzijiet disponibbli fuq il-websajts tagħhom u 33 % kellhom tagħrif mhux komplut dwar il-prezzijiet fit-tariffi tagħhom.

  • F'xi pajjiżi tal-UE, il-konsumaturi jħallsu konsiderevolment iktar għal kontijiet kurrenti milli f'oħrajn. Il-prezzijiet tal-kontijiet b'użu medju jvarjaw minn sa EUR 253 fl-Italja u jinżlu sa EUR 27 fil-Bulgarija. Għall-utenti "intensivi", id-differenza hija terġa' iktar ċara: minn massimu ta' EUR 831 fl-Italja għal minimu ta' EUR 28 fil-Bulgarija. L-Awstrija, Franza, l-Italja u Spanja għandhom riżultati fqar fit-trasparenza u huma fost l-iktar pajjiżi għaljin għas-servizzi bankarji. Il-Bulgarija, l-Olanda, il-Belġju u l-Portugall jinsabu fil-parti t'isfel tal-klassifika, f'termini tal-prezzijiet tal-kont kurrenti.

  • Il-konsumaturi f'pajjiżi bi strutturi tal-prezzijiet opaki x'aktarx li jħallsu iktar għall-kontijiet bankarji.

2. Tagħrif u pariri

  • Il-konsumaturi jsibu t-tagħrif prekuntrattwali, f'ħafna każijiet, diffiċli biex jinftiehem; tagħrif "inkomprensibbli" u "insuffiċjenti" huma ostakli maġġuri għax-xiri transkonfinali tas-servizzi finanzjarji.

  • Disgħa u sebgħin fil-mija taċ-ċittadini tal-UE jridu tagħrif standardizzat ċar u komparabbli kif pereżempju previst fid-Direttiva tal-Kreditu tal-Konsumatur.

  • Hemm evidenza dejjem tikber li l-konsumaturi spiss ma jiksbux parir xieraq dwar is-servizzi finanzjarji. Pereżempju, dejta Ġermaniża turi li l-konsumaturi jtemmu 50-80 % tal-investimenti fit-tul tagħhom b'mod prematur minħabba parir inadegwat , li jwassal għal telf stmat ta' EUR 20-30 biljun fis-sena.

  • Dawk li jbigħu prodotti finanzjarji jaf ma jkollhomx għarfien biżżejjed tal-prodotti biex jagħtu pariri effettivi lill-konsumaturi. Impjegati tal-bank jistgħu jiġu ffaċċjati b' kunflitt ta' interess inerenti.

3. Bdil

Għall-kontijiet bankarji kurrenti, ir-rati ta' bdil jibqgħu baxxi b'9 % għall-2007 u l-2008 , meta mqabbla pereżempju ma' 25 % għall-assikurazzjoni tal-karozza.

X'se jiġri issa?

L-evidenza se żżid max-xogħol li hu għaddej fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut li l-Kummissjoni ħabbret fil-Komunikazzjoni "Nixprunaw l-Irkupru Ewropew" ta' Marzu 2009. Id-Direttiva tal-UE dwar il-Prattiċi Kummerċjali Inġusti diġà tipprojbixxi prattiċi li jqarrqu lill-konsumaturi u jtellfu l-għażla, pereżempju li jitħalla barra tagħrif marbut mal-kontijiet bankarji jew li jingħata tagħrif tant indeċifrabbli li l-konsumatur medju ma jkunx jista' jaħdem il-prezz. L-Istati Membri għandhom obbligu biex isaħħu dawn il-liġijiet fis-servizzi finanzjarji. Prinċipji komuni (volontarji) tal-industrija għall-iffaċilitar fil-bdil ta' kont bankarju se japplikaw mill-1 ta' Novembru 2009. Il-Kummissjoni se timmonitorizza l-implimentazzjoni bir-reqqa.

Ir-rapport: http://ec.europa.eu/consumers/rights/fin_serv_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website