Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1332

Brussell, is-17 ta' Settembru 2009

L-għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tadotta Linji Gwida għal netwerks tal-broadband

Il-Kummissjoni Ewropea adottat Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-Trattat tal-KE għall-finanzjament pubbliku tan-netwerks tal-broadband. Il-Linji Gwida jipprovdu qafas ċar u prevedibbli għall-azzjonisti u se jgħinu lill-Istati Membri biex jaċċeleraw u jestendu l-firxa tal-broadband. Il-Linji Gwida jinkludu wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-firxa tal-netwerks tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (Next Generation Networks), li jippermettu s-sostenn minn fondi pubbliċi biex jinkoraġġixxu l-investiment f’dan is-settur strateġiku mingħajr ma joħolqu distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni. Il-Linji Gwida jikkunsidraw il-kumenti rċevuti matul il-konsultazzjoni pubblika (ara IP/09/813 ).

Il-Kummissarju għall-K ompetizzjoni Neelie Kroes qalet : "Il-Linji Gwida joffru lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet pubbliċi għodda komprensiva u trasparenti biex jassiguraw li l-pjanijiet tagħhom għall-finanzjament mill-Istat tal-broadband ikun konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE. B’hekk il-Linji Gwida se jiffaċilitaw it-tnedija fuq firxa vasta ta’ netwerks tal-broadband b’veloċità għolja u b’veloċità għolja ħafna, isaħħu l-kompetittività Ewropea u jgħinu biex fl-Ewropa tinbena soċjetà bbażata fuq l-għarfien."

Matul l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni żviluppat prattika koerenti u konsistenti rigward is-sostenn għat-tnedija tan-netwerks tal-broadband billi adottat aktar minn 40 deċiżjoni individwali. Il-Linji Gwida l-ġodda nbnew fuq din l-esperjenza.

B’mod partikolari l-Linji Gwida jispjegaw kif il-fondi pubbliċi jistgħu jiġu mmirati għall-firxa ta’ netwerks bażiċi tal-broadband kif ukoll in-netwerks tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss ("NGA") f’inħawi fejn l-operaturi privati ma jinvestux. Il-Linji Gwida jispjegaw id-distinzjoni bejn l-inħawi kompetittivi (nħawi “suwed”), fejn l-ebda għajnuna mill-Istat mhi meħtieġa, u nħawi li ma jrendux profitti jew li mhux moqdijin tajjeb (inħawi "bojod" jew "griżi") fejn l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi ġustifikata, jekk jiġu sodisfatti ċerti kondizzjonijiet. Din id-distinzjoni imbagħad tiġi adattata għas-sitwazzjoni tan-netwerks tal-NGA (liema skjerament għadu fi stadju bikri) billi jirrikjedu lill-Istati Membri biex jikkunsidraw mhux biss l-infrastrutturi attwali tal-NGA iżda ukoll pjanijiet ta’ investiment konkreti mill-operaturi tat-telekom biex jiskjeraw netwerks bħal dawn fil-ġejjieni qrib. Fil-Linji Gwida ġew stipulati numru ta’ salvagwardji kruċjali (bħal mappatura dettaljata, offerti bil-miftuħ, obbligu ta’ aċċess miftuħ jew newtralità teknoloġika u mekkaniżmi ta’ claw-back) biex jippromwovu l-kompetizzjoni u biex jevitaw li jitgerrex l-investiment privat.

Għalkemm l-investimenti għal netwerks tal-broadband b’veloċità għolja u b’veloċità għolja ħafna għandhom primarjament jiġu mmexxija mill-operaturi privati, l-għajnuna mill-Istat jista’ jkollha rwol importanti biex testendi l-kopertura tal-broadband f’inħawi fejn l-operaturi tas-suq mgħandhomx pjanijiet li jinvestu. L-għan prinċipali tal-Linji Gwida tal-Broadband hu biex jinkoraġġixxu tnedija vasta u rapida tan-netwerks tal-broadband filwaqt li fl-istess ħin jippreservaw id-dinamika u l-kompetizzjoni tas-suq f’settur li hu liberalizzat kompletament. Il-Linji Gwida jassiguraw li kull meta l-għajnuna mill-Istat tingħata lil operaturi privati, l-għajnuna għandha tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni billi tobbliga lill-benefiċjarji jagħtu prova li huma joffru aċċess miftuħ lil operaturi terzi għan-netwerk li jkun ġie ffinanzjat b’mod pubbliku.

F’Mejju u Ġunju 2008, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod pubbliku lil dawk kollha interessati u milquta u fit-22 ta’ Ġunju 2009 għamlet laqgħa multilaterali mal-Istati Membri . Tressqu mawar 100 kumment mill-Istati Membri, minn operaturi stabbiliti u alternattivi, minn fornituri ta’ servizzi tal-internet jew minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-Istati Membri u l-parteċipanti oħra sostnew id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex toħroġ il-Linji Gwida u laqgħu tajjeb ir-regoli l-ġodda għan-netwerks tal-NGA.

L-investimenti fin-netwerks tal-broadband jiffurmaw ukoll parti kruċjali tal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku (ara IP/08/1771 ), li għalih il-Kummissjoni pprovdiet EUR 1.02 biljun permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAŻER) għall-iżvilupp tal-internet broadband f’inħawi rurali ( ara IP/09/142 u MEMO/09/35 ). Il-Linji Gwida se jgħinu l-awtoritajiet pubbliċi biex jinvestu dawn il-fondi u fondi oħrajn b’mod ġust u effettiv u b’hekk jikkontribwixxu għal rkupru ekonomiku għal perjodu qasir u kompetittivita għal perjodu twil tal-Ewropa.

Il-Linji gwida huma disponibbli fuq :

http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/specific_rules.html#broadband

Ara wkoll MEMO/09/396 .


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website